Month: May 2025

PR250896

B’investiment li jisboq il-€45 miljun, l-edukaturi u l-ħaddiema tal-Kulleġġ Malti għall-Arti, Xjenza u t-Teknoloġija, l-MCAST se jaraw l-aqwa ftehim b’żidiet fil-pagi u kundizzjonijiet aħjar fuq il-post tax-xogħol. Dan biex igawdu kemm il-ħaddiema u l-istudenti li se jkomplu jingħataw l-aqwa servizz edukattiv possibbli.

Qabel l-iffirmar ta’ dan il-ftehim, il-Prim Ministru Robert Abela fisser dan l-aqwa ftehim bħala investiment ieħor qawwi fis-settur edukattiv. Huwa sostna li kif ġie mwiegħed dan il-ftehim iħaddan l-aqwa titjib fil-kundizzjonijiet tal-edukaturi tal-MCAST, minn progress iżjed mgħaġġel fil-karriera għal żidiet b’saħħithom fil-pagi u allowances ġodda. B’hekk l-MCAST se jkollu l-għodda meħtieġa biex ikompli jattira l-aqwa edukaturi speċjalizzati f’oqsma differenti. Il-ftehim kollettiv jindirizza wkoll il-kwalità fil-klassi u ħarsien tal-istudent biex tkompli tittejjeb l-esperjenza edukattiva. Dan kollu se jkun qed isaħħaħ l-istudent u jagħtih futur ċar b’għażliet konkreti biex javvanza fil-ħajja.

Il-Prim Ministru Robert Abela qal li llum ngħixu f’soċjetà b’ħafna opportunitajiet, anki dawk vokazzjonali li rridu nibqgħu nwieġbu għalihom u nħarġu bl-aqwa mod lill-istudenti tagħna li jagħżlu din it-triq. Huwa tenna li l-edukaturi huma l-mutur fil-qasam edukattiv u l-aqwa għodda biex l-istudenti fil-vokazzjonal ikomplu jimirħu. “Għalhekk il-Gvern se jkompli jinvesti fil-ftuħ mill-ġdid tal-iskola tas-snajja’ fl-MCAST mis-sena vokazzjonali li jmiss,” fakkar Dr Abela.

Il-Prim Ministru sostna li l-Gvern jemmen fil-ġustizzja soċjali, u allura jipprijoritizza l-edukazzjoni. Huwa semma li kif titkellem propju l-Viżjoni Malta 2050, il-Gvern huwa kommess li fis-snin li ġejjin ikompli jixpruna tagħlim li jissarraf fl-aqwa opportunitajiet u karrieri għaż-żgħażagħ Maltin u Għawdxin f’oqsma li jrendu u jagħtu valur miżjud fl-ekonomija tagħna. Huwa fakkar ukoll li l-istudenti tal-MCAST huma fost dawk iż-żgħażagħ li għall-ewwel sena jew it-tieni sena qed jingħataw l-għotja ta’ €500 fis-sena għal massimu ta’ tliet snin b’total ta’ €1500 talli komplew bil-vjaġġ edukattiv wara l-età obbligatorja.

Min-naħa tiegħu l-Ministru għall-Edukazzjoni, l-Isport, iż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni Clifton Grima afferma li dan il-ftehim iħares lejn diversi aspetti marbuta mal-professjonijiet u ħaddiema varji li jaqgħu taħt il-kappa tiegħu, aspetti finanzjarji b’titjib finanzjarju sostanzjali, u anki l-aspetti marbuta mar-rutina u l-kundizzjonijiet tax-xogħol. “Fis-sistema edukattiva tagħna rridu nkunu kapaċi nkunu proattivi, irid ikollna kundizzjonijiet tax-xogħol li jirriflettu dawk li huma r-realtajiet tal-lum il-ġurnata. Matul in-negozjati li saru kellna biss għan wieħed, dak li npoġġu fuq il-mejda proposti sostenibbli u b’saħħithom li jirriflettu r-responsabbiltajiet tal-professjonijiet varji filwaqt li npoġġu wkoll lill-istudenti fiċ-ċentru,” qal il-Ministru Grima.

Il-Prinċipal tal-MCAST Stephen Vella qal li dan l-investiment jirrikonoxxi l-irwol importanti tal-edukaturi u l-impjegati tal-Kulleġġ, li jaħdmu b’passjoni għall-eċċellenza u li qed iħejju l-mexxejja ta’ għada. Saħaq li dan l-investiment ifisser ħafna għall-istudenti tagħna kollha, li qed ifittxu li jikbru kemm bħala persuni kif ukoll bħala professjonisti; li jixtiequ jikkompetu mhux biss f’Malta, iżda wkoll fuq livell internazzjonali; u li qed ifittxu mhux biss ċertifikat, iżda esperjenza li tibdlilhom ħajjithom. “Għandna responsabbiltà li nirsistu biex dan il-ftehim jissarraf f’settur vokazzjonali b’saħħtu għall-benefiċċju ta’ kull student,” qal Vella.

Fl-okkażjoni tal-ftehim tkellem ukoll il-President tal-Unjin għall-Għalliema l-MUT, Marco Bonnici. Huwa sostna li “ż-żerriegħa li żrajna fl-aħħar ftehim illum qed tagħti l-frott bi ftehim ġdid li qed ikompli jsaħħaħ il-parità fl-istituzzjonijiet edukattivi għolja f’pajjiżna. Dan ser iwassal ukoll biex għall-ewwel darba l-MCAST joffri l-Professorat lill-gradi f’dan il-ftehim.”

PR250890

Il-Prim Ministru Robert Abela żar il-villaġġ tal-artiġjanat Ta’ Dbieġi f’Għarb u Dream of Horses, iċ-Ċentru ta’ Terapija Multi-Funzjonali biż-Żwiemel. Dawn iż-żewġ inizjattivi, għalkemm differenti, jagħtu kontribut importanti għall-iżvilupp sostenibbli ta’ Għawdex.

F’Ta’ Dbieġi, li huwa l-eqdem raħal artiġjanali f’Għawdex, il-Prim Ministru flimkien mal-Ministru għal Għawdex u l-Ippjanar Clint Camilleri u l-Ministru għall-Ekonomija, l-Intrapriża u Proġetti Strateġiċi Silvio Schembri, iltaqa’ ma’ għadd ta’ ħaddiema tal-artiġjanat u sidien ta’ ħwienet, fejn sema’ dwar ix-xogħol artistiku tagħhom u l-kontribut li dan jagħti lit-turiżmu. Hawnhekk il-Prim Ministru saħaq dwar l-importanza li l-Gvern qed ikompli jappoġġja dawn is-setturi permezz ta’ fondi għal modernizzazzjoni, fondi Ewropej u inċentivi għal intrapriżi żgħar Għawdxin li jridu jkomplu jikbru.

Wara din iż-żjara, il-Prim Ministru flimkien mal-Ministru għall-Agrikoltura, is-Sajd u d-Drittijiet tal-Annimali Anton Refalo, żar iċ-Ċentru Terapewtiku  Dream of Horses. Hawnhekk iltaqa’ mat-tmexxija ta’ dan iċ-ċentru li spjegaw kif din il-faċilità qed toffri servizzi ta’ terapija biż-żwiemel għal persuni b’diffikultajiet ta’ saħħa mentali jew li għaddew minn episodji ta’ abbuż f’ħajjithom. Huwa rringrazzja lil dawk kollha involuti għall-impenn tagħhom li permezz tan-natura u l-annimali qed jgħinu sabiex nies li għaddew minn diffikultajiet f’ħajjithom isibu refuġju f’din it-tip ta’ terapija.

Waqt din iż-żjara il-Prim Ministru Robert Abela tkellem dwar l-importanza li Għawdex jibqa’ jiżviluppa b’mod sostenibbli fejn il-valur ekonomiku, soċjali u kulturali jingħaqdu flimkien. “Il-kreattività tal-artiġġjanat u dak li naraw f’inizjattivi bħalma huma Dream of Horses, juru l-qalba ta’ dak li rridu għal Għawdex: komunità ħajja u li toffri futur b’saħħtu għall-ġenerazzjonijiet li ġejjin. Il-miżuri li ħadna favur l-ekonomija Għawdxija u l-innovazzjoni fit-turiżmu jkomplu jsaħħu din il-viżjoni,” temm jghid il-Prim Ministru Robert Abela.

PR250879

L-Expo għas-Servizz Pubbliku serva bħala pjattaforma biex jilqa’ fi ħdanu laqgħa oħra tal-Youth Advisory Forum. Dan b’differenza mill-prassi stabbiliti fejn il-laqgħat ta’ dan il-forum isiru ġewwa l-Berġa ta’ Kastilja.

Fl-indirizz tiegħu fil-bidu ta’ din il-laqgħa, il-Prim Ministru Robert Abela sostna s-sodisfazzjon tiegħu għall-fatt li dan il-Forum ħadem b’tant suċċess fl-aħħar xhur fejn mhux biss saru diskussjonijiet serji u tekniċi fuq numru ta’ suġġetti importanti għall-pajjiż, xprunati miż-żgħażagħ infushom, iżda wkoll dawk id-diskussjonijiet wasslu għat-tfassil ta’ politika fuq bażi nazzjonali fuq materji importanti.

“Id-diskussjoni magħkom li kellna dwar l-ewtanasja volontarja assistita kif tafu wasslet biex il-prodott eventwali li kellu jitla’ quddiem il-Kabinett, saru emendi għalih, u huwa sewwa li saru u l-format li użajna dakinhar, it-tema ġiet ittrattata quddiem il-Youth Advisory Forum saħansitra qabel li marret quddiem il-Kabinett tal-Ministri,” sostna l-Prim Ministru hekk kif irrimarka li qed iħares ’il quddiem li dan il-format mhux biss inżommuh iżda saħansitra nsaħħuh.”

Intant, dwar it-tema ċentrali ta’ din il-laqgħa, jiġifieri l-Viżjoni Malta 2050, il-Prim Ministru Robert Abela sostna kif din ukoll twieldet minn diskussjonijiet li bħala pajjiż għandu jkollna policies immirati taħt kappa waħda u li jħarsu ’l quddiem fuq medda twila ta’ żmien.

“Hija viżjoni ta’ poplu u biex tkun viżjoni tal-pajjiż wieħed u ta’ leġiżlaturi separati u suċċessivi bilfors irid ikun hemm il-kontribut tal-poplu u hawnhekk ukoll illum qegħdin hawnhekk biex nisimgħu l-veduti tagħkom fuq is-suġġett u nħares ’il quddiem li jkollna diskussjoni libera u franka kif dejjem ikollna,” temm jgħid il-Prim Ministru.

Fost it-temi li ddiskuta l-Youth Advisory Forum f’din il-laqgħa kien hemm il-migrazzjoni u l-ħaddiema barranin f’setturi li għandhom biżżejjed ħaddiema, l-użu tal-enerġija rinnovabbli u drittijiet fuq enerġija solari fl-industrija tal-kostruzzjoni, it-trasport u miżuri biex tonqos id-dipendenza fuq vetturi privati u jiżdied l-użu tat-trasport pubbliku, ir-reklamazzjoni tal-art u spazji pubbliċi, it-turiżmu u sigurtà b’rabta mal-ikel fost oħrajn.

PR250868

Matul dawn l-aħħar sitt snin, Malta rat żieda ta’ 47% fin-numru t’impjiegi ta’ persuni b’diżabilità. Dan jikkonferma l-ħidma siewja u l-impenn kontinwu tal-Gvern li jinvesti f’politika li tippromwovi l-inklużjoni. Dan irrimarka għalih il-Prim Ministru Robert Abela waqt avveniment li mmarka l-10 anniversarju tal-Fondazzjoni Lino Spiteri. Fid-diskors tiegħu, il-Prim Ministru Robert Abela qal kif fl-2019, f’Malta kien hawn ftit aktar minn 3,600 persuna b’diżabilità jaħdmu. Din is-sena, dan in-numru tela’ għal kważi 5,400. Din hija żieda sostanzjali ta’ aktar minn 47% f’sitt snin. Huwa enfasizza li dan ir-riżultat mhux kumbinazzjoni, iżda riżultat ta’ politika strateġika u maħsuba.

Il-Prim Ministru Abela rriafferma mill-ġdid l-impenn kontinwu tal-Gvern għat-tisħiħ tal-inklużjoni soċjali, u żied jgħid li l-Gvern se jkompli jinvesti f’politika li tippromwovi l-inklużjoni, saħħaħ l-iskemi t’appoġġ eżistenti u tikkollabora man-negozji biex trawwem postijiet tax-xogħol li huma aċċessibbli, flessibbli, u li jilqgħu lil kulħadd.” Huwa saħaq ukoll fuq l-importanza li l-persuni b’diżabilità jitqiesu mhux bħala persuni biss li jirċievu l-għajnuna, iżda bħala aġenti attivi tal-bidla f’soċjetà moderna u miftuħa.

L-avveniment immarka wkoll it-tnedija uffiċjali tal-Programm Headstart for Employment, inizjattiva ġdida imnedija mill-Fondazzjoni Lino Spiteri. Dan il-programm għandu l-għan li jagħti spinta għal aktar opportunitajiet permezz ta’ tagħlim strutturat, sessjonijiet ta’ coaching individwali, u esperjenzi fuq il-post tax-xogħol. Fil-fatt gradwaw 25 persuna li temmew kors li bih akkwistaw ħiliet importanti għad-dinja tax-xogħol. Filwaqt li faħħar din l-inizjattiva, il-Prim Ministru nnota kif dan mhux biss programm edukattiv, iżda inizjattiva li se tkompli tibni l-indipendenza ta’ persuni differenti. Il-Prim Ministru Robert Abela faħħar lill-Fondazzjoni Lino Spiteri tal-ħidma tagħha biex tibni pontijiet u toħloq opportunitajiet.

Tkellem ukoll il-Ministru għall-Intern, is-Sigurtà u x-Xogħol, Byron Camilleri, li qal dan il-Gvern jemmen bis-sħiħ li hija r-responsabbiltà tagħna li nkomplu nsaħħu soċjetà inklussiva. “Huwa għalhekk li permezz tal-Malta Labour Migration Policy, fost il-miżuri proposti li dwarhom saret konsultazzjoni pubblika u li issa ser tkun qiegħda tiġi implimentata, hemm dik li qabel tiġi sottomessa applikazzjoni biex jitħaddmu ċittadini minn pajjiżi terzi, jeħtieġ li jkun hemm konformità sħiħa mal-kwota nazzjonali ta’ 2% ta’ impjieg għal persuni b’diżabilità, jew inkella tkun saret il-kontribuzzjoni annwali applikabbli,” qal il-Ministru Camilleri.

Din il-miżura tirrifletti l-impenn tal-Gvern, li jippromwovi l-opportunitajiet ta’ xogħol l-ewwel għaċ-ċittadini kollha tal-pajjiż, qabel jiġu kunsidrati ħaddiema minn pajjiżi terzi. Huwa kkonkluda, li madanakollu, l-integrazzjoni vera titlob aktar minn konformità mal-liġijiet, iżda teħtieġ impenn attiv biex il-postijiet tax-xogħol ikunu adattati għall-bżonnijiet tal-ħaddiema, b’kull ħaddiem għandu valur x’joffri. Tenna li dan il-Gvern irid li kull individwu jingħata ċ-ċans jirnexxi u jagħti kontribut siewi lill-pajjiż.

PR250865

Il-Prim Ministru Robert Abela nieda t-tieni wirja ta’ MUŻA fis-sensiela ‘MUŻA Ħdejk’, li titfa’ lenti fuq il-ġenju artistiku lokali Giuseppe Calì. Il-wirja li bdiet fil-Bażilika tal-Madonna ta’ Porto Salvo u San Duminku fil-Belt Valletta se tkompli għaddejja sal-4 ta’ Ġunju 2025. Wara dan, se tittella’ fil-Bażilika tas-Santwarju ta’ Marija Assunta fil-Mosta mit-12 sal-25 ta’ Ġunju, u żżur Ħal Lija u Tas-Sliema aktar tard matul is-sena.

F’indirizz li għamel il-Prim Ministru qabel it-tnedija ta’ din il-wirja, saħaq li l-inizjattiva ta’ Heritage Malta hi waħda importanti għax tressaq l-arti u l-kultura qrib il-komunità. Qal li dan kollu jkompli jsaħħaħ l-identità Maltija li aħna tant kburin biha. Il-Prim Ministru Robert Abela spjega li għaddej ħafna investiment fil-qasam tal-arti u l-kultura, żewġ oqsma kontributuri ewlenin fl-ekonomija li qed inkomplu niddirezzjonawha lejn il-kwalità u kif tibqa’ sservi ta’ ġid għan-nies.

Il-Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali Owen Bonnici qal li l-proġett “MUŻA ħdejk” huwa eżempju ċar ta’ kif l-arti tista’ tasal  għand in-nies, flok bil-maqlub. Din l-inizjattiva tixhed viżjoni matura u inklussiva, fejn kulħadd, kemm dawk li jħobbu l-arti kif ukoll dawk li forsi qatt ma rrikonoxxew il-valur tagħha, jingħataw l-opportunità japprezzaw ġmiel u patrimonju nazzjonali. “Prosit lil Heritage Malta u lil kull min ħadem biex dan isir realtà. L-arti għandha tkun għal kulħadd u dan hu pass kbir f’dik id-direzzjoni,” temm jgħid il-Ministru Bonnici.

Mario Cutajar, id-Direttur tal-MUŻA, Chairman ta’ Heritage Malta u l-kuratur ta’ din il-wirja, qal, “Il-Mużew Nazzjonali tal-Arti tal-Komunità, magħruf iktar bħala MUŻA, ma jkunx komplut mingħajr il-komunità. Hemm diversi modi kif il-MUŻA jkun fil-komunità u magħha, imma wieħed minn dawn il-modi huwa li minflok dan il-mużew jistennik biss li żżuru int, hu stess idewqek dak li għandu esebit, billi jidħol fil-qalba tal-komunità. Dak hu l-qofol ta’ ‘MUŻA Ħdejk’, u huwa għalhekk li din il-wirja mhux se tieqaf f’lokalità waħda, imma se ddur erba’ postijiet, biex turi l-firxa ta’ xogħlijiet ta’ dan l-artist li ħalla impatt qawwi fuq ix-xena artistika Maltija. Il-Malta Biennale, li jinsab fit-tieni edizzjoni tiegħu, u l-aġġornament sħiħ li qed isir fis-swali kollha tal-MUŻA, ukoll jindirizzaw din il-ħtieġa,” temm jgħid is-Sur Cutajar.

Patri Michael Camilleri, il-Kappillan tal-Bażilika tal-Madonna ta’ Porto Salvo u San Duminku, qal, “Huwa apprezzat mill-komunità Dumnikana tal-Belt Valletta li din il-wirja dwar Giuseppe Calì, wild l-istess parroċċa, bdiet il-mixja tagħha mill-Knisja ta’ San Duminku li hija mogħnija, fost kapolavuri oħra, bix-xogħlijiet ta’ Calì.” Huwa semma r-restawr estensiv li sar fil-knisja fl-aħħar seba’ snin, inkluż fuq ix-xogħlijiet kollha ta’ Calì, u faħħar l-għajnuna li ngħatat grazzi għall-fondi mill-Unjoni Ewropea, il-Fond għall-Kawżi Soċjali, Bank of Valletta u benefatturi oħra biex dan ir-restawr iseħħ. Huwa rringrazzja partikolarment lil Heritage Malta, li għenet ħafna tul il-proċess kollu u li issa qed tippubblika fi ktieb ir-restawr kollu li sar u tagħrif siewi ieħor.

‘MUŻA Ħdejk’ hija inizjattiva ta’ aċċessibbiltà maħsuba biex twassal xogħlijiet mill-kollezzjoni nazzjonali tal-arti eqreb lejn il-pubbliku, billi ssellifhom temporanjament lil lokalitajiet differenti li magħhom għandhom rabta. Il-wirja l-ġdida tagħti ħarsa lejn it-talent eċċezzjonali ta’ Calì u l-modi kif kien iwassal l-arti tiegħu billi ġġib flimkien taħt saqaf wieħed għadd ta’ kapolavuri tiegħu – inkluż ‘Il-Mewt ta’ Dragut’ (mislufa minn MUŻA) – maġenb xogħlijiet minn kontemporanji tiegħu, abbozzi, ir-reġistri tat-twelid u l-mewt tiegħu, u aktar dokumenti li jitfgħu dawl fuq aspetti ta’ ħajtu. Il-ħinijiet tal-ftuħ tal-Bażilika tal-Madonna ta’ Porto Salvo u San Duminku fil-Belt Valletta huma mill-10:00 sas-19:00. Id-dħul huwa kompletament bla ħlas, u l-pubbliku jista’ jidħol fiha mill-bieb prinċipali fi Triq il-Merkanti.