PR250868
22/05/2025
Matul dawn l-aħħar sitt snin, Malta rat żieda ta’ 47% fin-numru t’impjiegi ta’ persuni b’diżabilità. Dan jikkonferma l-ħidma siewja u l-impenn kontinwu tal-Gvern li jinvesti f’politika li tippromwovi l-inklużjoni. Dan irrimarka għalih il-Prim Ministru Robert Abela waqt avveniment li mmarka l-10 anniversarju tal-Fondazzjoni Lino Spiteri. Fid-diskors tiegħu, il-Prim Ministru Robert Abela qal kif fl-2019, f’Malta kien hawn ftit aktar minn 3,600 persuna b’diżabilità jaħdmu. Din is-sena, dan in-numru tela’ għal kważi 5,400. Din hija żieda sostanzjali ta’ aktar minn 47% f’sitt snin. Huwa enfasizza li dan ir-riżultat mhux kumbinazzjoni, iżda riżultat ta’ politika strateġika u maħsuba.
Il-Prim Ministru Abela rriafferma mill-ġdid l-impenn kontinwu tal-Gvern għat-tisħiħ tal-inklużjoni soċjali, u żied jgħid li l-Gvern se jkompli jinvesti f’politika li tippromwovi l-inklużjoni, saħħaħ l-iskemi t’appoġġ eżistenti u tikkollabora man-negozji biex trawwem postijiet tax-xogħol li huma aċċessibbli, flessibbli, u li jilqgħu lil kulħadd.” Huwa saħaq ukoll fuq l-importanza li l-persuni b’diżabilità jitqiesu mhux bħala persuni biss li jirċievu l-għajnuna, iżda bħala aġenti attivi tal-bidla f’soċjetà moderna u miftuħa.
L-avveniment immarka wkoll it-tnedija uffiċjali tal-Programm Headstart for Employment, inizjattiva ġdida imnedija mill-Fondazzjoni Lino Spiteri. Dan il-programm għandu l-għan li jagħti spinta għal aktar opportunitajiet permezz ta’ tagħlim strutturat, sessjonijiet ta’ coaching individwali, u esperjenzi fuq il-post tax-xogħol. Fil-fatt gradwaw 25 persuna li temmew kors li bih akkwistaw ħiliet importanti għad-dinja tax-xogħol. Filwaqt li faħħar din l-inizjattiva, il-Prim Ministru nnota kif dan mhux biss programm edukattiv, iżda inizjattiva li se tkompli tibni l-indipendenza ta’ persuni differenti. Il-Prim Ministru Robert Abela faħħar lill-Fondazzjoni Lino Spiteri tal-ħidma tagħha biex tibni pontijiet u toħloq opportunitajiet.
Tkellem ukoll il-Ministru għall-Intern, is-Sigurtà u x-Xogħol, Byron Camilleri, li qal dan il-Gvern jemmen bis-sħiħ li hija r-responsabbiltà tagħna li nkomplu nsaħħu soċjetà inklussiva. “Huwa għalhekk li permezz tal-Malta Labour Migration Policy, fost il-miżuri proposti li dwarhom saret konsultazzjoni pubblika u li issa ser tkun qiegħda tiġi implimentata, hemm dik li qabel tiġi sottomessa applikazzjoni biex jitħaddmu ċittadini minn pajjiżi terzi, jeħtieġ li jkun hemm konformità sħiħa mal-kwota nazzjonali ta’ 2% ta’ impjieg għal persuni b’diżabilità, jew inkella tkun saret il-kontribuzzjoni annwali applikabbli,” qal il-Ministru Camilleri.
Din il-miżura tirrifletti l-impenn tal-Gvern, li jippromwovi l-opportunitajiet ta’ xogħol l-ewwel għaċ-ċittadini kollha tal-pajjiż, qabel jiġu kunsidrati ħaddiema minn pajjiżi terzi. Huwa kkonkluda, li madanakollu, l-integrazzjoni vera titlob aktar minn konformità mal-liġijiet, iżda teħtieġ impenn attiv biex il-postijiet tax-xogħol ikunu adattati għall-bżonnijiet tal-ħaddiema, b’kull ħaddiem għandu valur x’joffri. Tenna li dan il-Gvern irid li kull individwu jingħata ċ-ċans jirnexxi u jagħti kontribut siewi lill-pajjiż.