Month: May 2025

PR250857

Tingħata bidu għat-3 Edizzjoni tal-Public Service Expo Village

Fil-ftuħ tal-Expo għas-Servizz Pubbliku fl-MFCC f’Ta’ Qali, il-Prim Ministru Robert Abela ħabbar investiment ġdid ta’ €4 miljun f’għodda speċjalizzata tal-intelliġenza artifiċjali, tal-Microsoft Copilot li se tibda tkun disponibbli għall-uffiċjali pubbliċi fuq il-laptops tagħhom stess. Fuq medda ta’ sentejn se jkun qed jingħata l-aċċess u t-taħriġ fuq din l-għodda lil 8,000 ħaddiem tas-Servizz Pubbliku. Apparti dan, l-uffiċjali pubbliċi se jkunu qed jingħataw aċċess għal ċentru t’eċċellenza operat mill-Microsoft flimkien mal-Gvern u l-MITA.

Il-Prim Ministru Robert Abela rrefera wkoll għall-investiment bla preċedent li sar fil-qasam diġitali, immirat biex ikompli jimmodernizza s-servizz offrut. “Irridu nkomplu nagħmlu s-Servizz Pubbliku jwieġeb għar-realtajiet tal-lum u t’għada. Dan kollu se jkompli jikkonsolidana fuq il-mappa dinjija hekk kif se nsiru l-ewwel amministrazzjoni fl-Ewropa li se nkunu qed nagħmlu użu mill-AI fuq dan il-livell u portata,” saħaq Dr Abela. Dan l-investiment jorbot bi sħiħ mal-Viżjoni Malta 2050, viżjoni li qed tilqa’ bi sħiħ l-avvanzi teknoloġiċi, inkluż l-intelliġenza artifiċjali bħala għodda li tgħin u tikkumplimenta dak li jagħmel il-ħaddiem u mhux teħodlu postu.

Dalgħodu ingħatat bidu għat-3 edizzjoni tal-Public Service Expo Village bit-tema ‘Iż-Żgħażagħ il-futur tagħhom fis-Servizz Pubbliku’. B’parteċipazzjoni mill-Ministeri u l-amministrazzjoni pubblika kollha, il-Public Service Expo Village se jkun miftuħ sal-Ħadd 25 ta’ Mejju ġewwa l-MFCC f’Ta Qali, b’ħafna attivitajiet għall-familja kollha.

Matul id-diskors tal-ftuħ, il-Prim Ministru Robert Abela sostna li s-Servizz Pubbliku huwa l-mutur għall-implimentazzjoni ta’ ħafna riformi li għamel u għad irid jagħmel il-Gvern fiż-żmien li ġej. Filwaqt li faħħar il-ħidma siewja tal-uffiċjali pubbliċi, immexxija minn Tony Sultana, huwa qal li l-ħaddiema tas-Servizz Pubbliku huma kruċjali biex jintlaħqu livelli ġodda u l-aspirazzjonijiet taż-żgħażagħ u tal-Maltin u l-Għawdxin kollha. Huwa fakkar kif lejn l-aħħar tas-sena li għaddiet ġie ffirmat ftehim kollettiv b’saħħtu li ta l-aqwa kundizzjonijiet u żidiet fil-pagi lit-33,000 ħaddiem taċ-Ċivil li qed joffru servizz t’eċċellenza favur il-poplu tagħna.

Il-Kap tas-Servizz Pubbliku Tony Sultana qal illi għal diversi snin l-amministrazzjoni pubblika u pajjiżna rebaħ l-aqwa u l-ewwel postijiet fit-tellieqa diġitali. Huwa qal li ksibna l-aqwa servizzi online u l-aqwa kunċetti ta’ e-Government fl-Ewropa. Riżultati eċċellenti miksuba sena wara sena. Biex is-servizzi qed jaslu għand il-poplu Malti bl-aqwa livelli possibbli. Il-Kap tas-Servizz Pubbliku tenna li rnexxielna nagħmlu hekk għax Malta investiet bis-saħħa kollha fit-teknoloġija, b’iktar minn €1 biljun.

Huwa qal illi issa dħalna f’era ġdida fejn kollox qed jinbidel b’pass mgħaġġel, fejn l-intelliġenza artifiċjali qed tiddefinixxi x-xogħol ta’ kif naħdmu. Qegħdin f’dinja fejn xogħol li tradizzjonalment kien jieħu ġranet illum jista’ jieħu ftit minuti, fejn min mhux tekniku llum xorta jista’ jagħmel xogħol avvanzat u speċjalizzat. Dan jekk biss ikun dispost li juża t-teknoloġija b’mod tajjeb. Il-Kap tas-Servizz Pubbliku għamel appell lill-impjegati żgħażagħ biex jersqu ’l quddiem bl-ideat friski tagħhom.

Fost is-servizzi li se jkunu preżenti fl-Expo Village hemm it-tiġdid tal-karta tal-identità, testijiet mediċi varji, inizjattivi u tagħrif dwar skemi, diskussjonijiet, numru ta’ simulazzjonijiet tal-isports, projezzjonijiet, poddati u wirjiet. L-għan aħħari tal-Expo huwa li sservi ta’ vetrina għas-servizzi governattivi u tagħti ċans għal-interazzjoni bejn l-uffiċjali tas-Servizz Pubbliku mal-klijenti tiegħu.

PR250849

Il-Prim Ministru Robert Abela jisħaq li l-ħidma favur l-ugwaljanza trid tibqa’ tkun waħda kontinwa

Malta ospitat l-edizzjoni ta’ din is-sena tal-Forum Ewropew IDAHOT+, wieħed mill-pjattaformi ewlenin li taħdem favur l-avvanz tad-drittijiet, l-ugwaljanza, u l-inklużjoni tal-persuni LGBTIQ+. Bit-tema “L-Avvanz tal-Ugwaljanza u l-Inklużjoni tas-SOGIGESC f’Ewropa li qed Tittrasforma”, il-Forum kellu l-għan li jqajjem kuxjenza akbar dwar il-ħtieġa t’impenn kontinwu kontra l-vjolenza u diskriminazzjoni, elementi li qegħdin kontinwament jheddu s-sikurezza u d-dinjità t’individwi LGBTIQ+.

Waqt id-diskors tiegħu, il-Prim Ministru Robert Abela tkellem dwar il-progress li għamlet Malta tul dawn l-aħħar għaxar snin fil-qasam tal-ugwaljanza. Il-Prim Ministru tenna kif f’Malta rnexxielna nagħmlu passi sinifikanti ’l quddiem lejn ugwaljanza ġusta għal kulħadd. “Aħna tajna drittijiet fundamentali li jwasslu biex wieħed jkun jista’ verament ikunu min irid u jħobb lil min irid, mingħajr ebda restrizzjonijiet. Bħala pajjiż, ridna nibagħtu messaġġ ċar, messaġġ li li tkun int mhux reat,” saħaq Dr Abela.

Waqt li faħħar il-progress f’dan ir-rigward, il-Prim Ministru rrikonoxxa wkoll li l-ħidma favur l-ugwaljanza teħtieġ impenn kontinwu. Huwa rriafferma l-impenn sod tal-Gvern f’dan ir-rigward u stqarr li Malta se tkompli turi appoġġ bla heda hekk kif se tkompli taħdem qatigħ biex tibqa’ nazzjon fejn kompli ssaltan l-ugwaljanza.

Is-Segretarju Parlamentari għall-Ugwaljanza u r-Riformi, Rebecca Buttigieg, saħqet li dan il-forum b’rappreżentanti ta’ gvernijiet, qiegħed jibgħat messaġġ qawwi ta’ solidarjetà favur id-drittijiet fundamentali tal-bniedem għall-komunitajiet LGBTIQ+. Hija insistiet li d-drittijiet għall-ugwaljanza, id-dinjità u l-inklużjoni huma valuri li għandhom dejjem jiggwidaw lill-gvernijiet u lis-soċjetà. Hija saħqet kif b’rieda politika qawwija, fl-aħħar għaxar snin, Malta għamlet avvanzi kbar fl-għarfien tad-drittijiet ċivili tant li fl-aħħar diċenju dejjem ikklassifikat fl-ewwel post fl-indiċi tal-ugwaljanza ta’ ILGA-Europe, minn fost 49 pajjiż Ewropew. Is-Segretarju Parlamentari għall-Ugwaljanza wriet tħassib dwar it-telfien ta’ xi drittijiet f’xi pajjiżi u qalet li għalhekk huwa essenzjali li l-kisbiet tad-drittijiet li saru jkomplu jiġu mħarsa u protetti minn attitudnijiet li jridu jreġġgħu lura d-drittijiet tal-bniedem.

Il-Forum appella għal kollaborazzjoni aktar profonda u azzjoni magħquda favur Ewropa fejn l-ugwaljanza mhux biss tiġi prijoritizzata, iżda titwettaq ġenwinament.

PR250846

Iffirmati numru ta’ ftehimiet ġodda bejn Malta u l-Ġordan favur aktar koperazzjoni f’numru ta’ setturi

Malta u l-Ġordan iffirmaw numru ta’ ftehimiet ġodda li ser iwasslu għal aktar koperazzjoni u ħidma konġunta f’numru ta’ setturi differenti.

Dan waqt żjara uffiċjali f’Amman fil-Ġordan mill-Prim Ministru Robert Abela fejn hemmhekk iltaqa’ mal-Maestà Tiegħu, ir-Re tal-Ġordan Al Hussein bin Abdullah II.

Fil-bidu ta’ din laqgħa, il-Prim Ministru sostna kif din iż-żjara timmarka mument importanti fil-ħbiberija li ilha teżisti bejn Malta u l-Ġordan, hekk kif iż-żewġ pajjiżi għandhom storja b’saħħitha ta’ koperazzjoni u rispett reċiproku, u b’hekk din iż-żjara toffri opportunità prezzjuża biex ikomplu jiġu msaħħa r-relazzjonijiet bilaterali.

“F’dan l-ispirtu ta’ sħubija, qed nimmiraw li nkomplu ntejbu l-koperazzjoni tagħna f’diversi oqsma, u llum qed inkomplu din il-kollaborazzjoni fl-oqsma tat-turiżmu, l-edukazzjoni, il-kultura kif ukoll fil-koperazzjoni dwar l-ilma u l-enerġija. Il-Ftehim ta’ Qafas għall-Koperazzjoni li qed jiġi ffirmat illum ser jiġbor flimkien timijiet tekniċi miż-żewġ pajjiżi tagħna biex jidentifikaw oqsma ta’ interess komuni li jistgħu jibbenefikaw lil kulħadd,” irrimarka l-Prim Ministru.

Fil-fatt, il-ftehimiet iffirmati jinkludu ftehim biex tiġi stabbilita Kummissjoni Ekonomika Konġunta Permanenti, ftehim dwar koperazzjoni teknika fl-oqsma tal-enerġija u l-ilma, ftehim dwar kollaborazzjoni fis-settur tat-turiżmu u ftehim favur kollaborazzjoni fis-settur tal-arkivjar u l-lingwa Maltija.

Intant, il-Prim Ministru Robert Abela aċċenna wkoll għall-aħħar żviluppi fil-Lvant Nofsani hekk kif tenna, “Il-Ġordan wera b’mod kostanti impenn sod għall-paċi, is-sigurtà u l-koperazzjoni reġjonali. L-isforzi tagħkom fil-promozzjoni ta’ djalogu, fl-indirizzar ta’ sfidi umanitarji, u fil-promozzjoni ta’ żvilupp sostenibbli kienu strumentali biex tissaħħaħ l-istabbiltà f’dan ir-reġjun tant kumpless.”

Dr Abela sostna wkoll, “Malta tinsab lesta li tappoġġja u tikkopera mal-Ġordan f’dawn l-inizjattivi vitali, għax nemmnu li Lvant Nofsani stabbli u sigur mhux biss jibbenefika liż-żewġ pajjiżi tagħna, imma wkoll lill-komunità internazzjonali kollha kemm hi.”

Intant tul iż-żjara tiegħu fil-Ġordan, il-Prim Ministru Malti ltaqa’ wkoll mal-Prim Ministru Ġordaniż Jafar Hassan. Dr Abela kien akkumpanjat mill-Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali Owen Bonnici, l-Ambaxxatur Malti għall-Istat tal-Ġordan George Said Zammit, ix-Sherpa Leandro Borg u l-Kap tas-Segretarjat tal-Uffiċċju tal-Prim Ministru, il-Kurunell Mark Mallia.

PR250837

Waqt żjara uffiċjali fil-Ġordan, il-Prim Ministru Robert Abela żar il-kamp tar-refuġjati Al Za’atari, li huwa operat mill-Aġenzija għar-Refuġjati tan-Nazzjonijiet Uniti, il-UNHCR.

Dan huwa l-akbar kamp tar-refuġjati fid-dinja li jassisti u jipproteġi refuġjati li ħarbu minn sitwazzjonijiet ta’ vjolenza fis-Sirja.

Hemmhekk il-Prim Ministru Robert Abela kellu ċ-ċans jiltaqa’ ma’ ħaddiema tal-UNHCR li ta’ kuljum iwettqu xogħol imprezzabbli ma’ 70,000 refuġjat. 50% tal-popolazzjoni ta’ dan il-kamp tar-refuġjati huma tfal u saħansitra 20% minnhom għandhom inqas minn 5 snin.

Fi ħdan dan il-kamp ukoll hemm 32 skola. Fil-fatt, 23,000 student jattendu fihom u jirċievu l-edukazzjoni tagħhom ta’ kuljum. Il-kamp jinkludi wkoll 8 ċentri tas-saħħa, bi klinika partikolari topera 24 siegħa kuljum. Apparti minn hekk jiġi offrut ikel u servizzi bħal dawk ta’ enerġija u ilma.

Filwaqt li segwa x-xogħol importanti li twettaq din l-aġenzija ta’ kuljum, il-Prim Ministru Robert Abela kellu ċ-ċans ukoll jiltaqa’ ma’ ħafna persuni li joqogħdu f’dan il-kamp. Magħhom Dr Abela kellu ċ-ċans isegwi attivitajiet differenti fosthom dawk ta’ xogħol tal-id u li jrendu finanzjarjament lura lil dan il-kamp.

Apparti minn hekk, il-Prim Ministru poġġa ma’ persuni differenti fosthom ma’ familji fejn sema’ l-esperjenzi tagħhom ta’ kuljum u x’wassal biex illum il-ġurnata jinsabu jirrisjedu f’dan il-kamp. Kien hawnhekk li Dr Abela ħabbar li l-Gvern Malti se jkun qed jassisti l-operat ta’ dan il-kamp tar-refuġjati u b’hekk lil dawn il-persuni nfushom b’għotja finanzjarja.

Hawnhekk, il-Prim Ministru kellu ċ-ċans jiltaqa’ wkoll ma’ wħud mit-tfal fejn hemmhekk saħansitra qattgħu ftit ħin jilagħbu l-logħba tal-ballun li tgħaqqad tant popolazzjonijiet u kulturi minn madwar id-dinja.

Il-Prim Ministru temm iż-żjara tiegħu b’messaġġ favur il-paċi li ġġib l-istabbiltà politika u ekonomika li tant tħalli ġid fost in-nies.

PR250829

“Kooperazzjoni aktar b’saħħitha fl-Ewropa u mal-ġirien tagħna hija kruċjali għas-sigurtà, ir-reżiljenza u l-istabbiltà dejjiema” – Il-Prim Ministru Robert Abela

Il-Prim Ministru Robert Abela sostna li s-sigurtà u r-reżiljenza huma konnessi u tenna l-ħtieġa ta’ impenn lejn kooperazzjoni aktar effettiva li twassal mhux biss għal solidarjetà iżda wkoll għal stabbiltà fil-kontinent Ewropew.

Huwa qal dan waqt li attenda għas-sitt Summit tal-Komunità Politika Ewropea f’Tirana l-Albanija fejn tenna għal darb’oħra l-importanza ta’ ħidma lejn paċi dejjiema fl-Ukrajna u fil-Lvant Nofsani.

B’rabta mad-diskussjoni dwar is-sigurtà, il-Prim Ministru sostna wkoll li l-kontinent Ewropew irid ikun aktar proattiv biex jibdel f’opportunitajiet l-isfidi komuni li qed jiġu ffaċċjati, inkluż realtajiet bħal dawk ta’ popolazzjonijiet dejjem akbar fl-età, it-trasformazzjoni ekonomika u l-kompetizzjoni globali aktar missielta.

Hawn Dr Abela ġab eżempju bir-realtajiet ta’ Malta li llum il-ġurnata huma xprunati mis-suċċess ekonomiku li nkiseb fl-aħħar snin. Għalhekk tenna kif Malta llum qed tara li tindirizza realtajiet differenti fosthom dwar il-migrazzjoni, permezz tal-Labour Migration Policy.

Il-Prim Ministru pparteċipa wkoll f’diskussjoni dwar il-kooperazzjoni għas-sigurtà fil-fruntieri u l-migrazzjoni, fejn tenna li fuq livell Ewropew hemm bżonn li jittieħed approċċ strateġiku biex il-fruntieri tagħna jkunu aktar siguri filwaqt li l-aqwa talent jiġi miżmum fil-kontinent sabiex inlaħħqu mad-domanda tax-xogħol.

F’din id-diskussjoni, il-Prim Ministru rrimarka li l-futur tal-Ewropa jiddependi mill-ħaddiema tiegħu u b’hekk saħaq fuq l-importanza tat-titjib tal-ħiliet tagħhom, u li jkunu jirriflettu wkoll id-domanda tax-xogħol għall-ġejjieni.

Dr Abela tkellem ukoll dwar l-esperjenza ta’ pajjiżna fil-ġestjoni tal-immigrazzjoni irregolari, fejn filwaqt li rrefera għas-suċċess ta’ pajjiżna li ra żieda ta’ ritorni u tnaqqis fil-wasliet matul l-aħħar snin bis-saħħa tal-politika tal-Gvern, saħaq ukoll fuq il-volatilità tas-sitwazzjoni fil-Mediterran speċjalment fid-dawl tat-tensjonijiet fil-Libja.

Għaldaqstant tenna li bħala kontinent irridu naħdmu aktar fuq il-prevenzjoni permezz ta’ titjib tar-relazzjonijiet mal-pajjiżi tal-oriġini u t-tranżitu.

Matul dan is-Summit, il-Prim Ministru Robert Abela pparteċipa wkoll f’laqgħa oħra flimkien mal-mexxejja ta’ Spanja, l-Irlanda, in-Norveġja, il-Lussemburgu, l-Iżlanda u s-Slovenja, fejn ġiet diskussa s-sitwazzjoni fil-Lvant Nofsani. Fit-tmiem tal-laqgħa ġiet iffirmata wkoll dikjarazzjoni konġunta bejn is-seba’ pajjiżi b’sejħa sabiex il-partijiet kollha nvoluti jimpenjaw ruħhom favur waqfien mill-ġlied u t-twassil tal-għajnuna umanitarja fl-istrixxa ta’ Gaża.

Fil-marġini tas-Summit, il-Prim Ministru Robert Abela kellu wkoll għadd ta’ laqgħat bilaterali fosthom mal-Prim Ministru Taljana Giorgia Meloni u l-President tar-Repubblika tal-Kosovo, l-Eċċellenza Tagħha Vjosa Osmani Sadriu. F’dawn il-laqgħat ġew diskussi temi ċċentrati madwar it-tisħiħ tar-relazzjonijiet bilaterali u l-kooperazzjoni reġjonali.