Il-Prim Ministru Robert Abela bi żjara uffiċjali fil-Ġordan

PR250846

19/05/2025

Iffirmati numru ta’ ftehimiet ġodda bejn Malta u l-Ġordan favur aktar koperazzjoni f’numru ta’ setturi

Malta u l-Ġordan iffirmaw numru ta’ ftehimiet ġodda li ser iwasslu għal aktar koperazzjoni u ħidma konġunta f’numru ta’ setturi differenti.

Dan waqt żjara uffiċjali f’Amman fil-Ġordan mill-Prim Ministru Robert Abela fejn hemmhekk iltaqa’ mal-Maestà Tiegħu, ir-Re tal-Ġordan Al Hussein bin Abdullah II.

Fil-bidu ta’ din laqgħa, il-Prim Ministru sostna kif din iż-żjara timmarka mument importanti fil-ħbiberija li ilha teżisti bejn Malta u l-Ġordan, hekk kif iż-żewġ pajjiżi għandhom storja b’saħħitha ta’ koperazzjoni u rispett reċiproku, u b’hekk din iż-żjara toffri opportunità prezzjuża biex ikomplu jiġu msaħħa r-relazzjonijiet bilaterali.

“F’dan l-ispirtu ta’ sħubija, qed nimmiraw li nkomplu ntejbu l-koperazzjoni tagħna f’diversi oqsma, u llum qed inkomplu din il-kollaborazzjoni fl-oqsma tat-turiżmu, l-edukazzjoni, il-kultura kif ukoll fil-koperazzjoni dwar l-ilma u l-enerġija. Il-Ftehim ta’ Qafas għall-Koperazzjoni li qed jiġi ffirmat illum ser jiġbor flimkien timijiet tekniċi miż-żewġ pajjiżi tagħna biex jidentifikaw oqsma ta’ interess komuni li jistgħu jibbenefikaw lil kulħadd,” irrimarka l-Prim Ministru.

Fil-fatt, il-ftehimiet iffirmati jinkludu ftehim biex tiġi stabbilita Kummissjoni Ekonomika Konġunta Permanenti, ftehim dwar koperazzjoni teknika fl-oqsma tal-enerġija u l-ilma, ftehim dwar kollaborazzjoni fis-settur tat-turiżmu u ftehim favur kollaborazzjoni fis-settur tal-arkivjar u l-lingwa Maltija.

Intant, il-Prim Ministru Robert Abela aċċenna wkoll għall-aħħar żviluppi fil-Lvant Nofsani hekk kif tenna, “Il-Ġordan wera b’mod kostanti impenn sod għall-paċi, is-sigurtà u l-koperazzjoni reġjonali. L-isforzi tagħkom fil-promozzjoni ta’ djalogu, fl-indirizzar ta’ sfidi umanitarji, u fil-promozzjoni ta’ żvilupp sostenibbli kienu strumentali biex tissaħħaħ l-istabbiltà f’dan ir-reġjun tant kumpless.”

Dr Abela sostna wkoll, “Malta tinsab lesta li tappoġġja u tikkopera mal-Ġordan f’dawn l-inizjattivi vitali, għax nemmnu li Lvant Nofsani stabbli u sigur mhux biss jibbenefika liż-żewġ pajjiżi tagħna, imma wkoll lill-komunità internazzjonali kollha kemm hi.”

Intant tul iż-żjara tiegħu fil-Ġordan, il-Prim Ministru Malti ltaqa’ wkoll mal-Prim Ministru Ġordaniż Jafar Hassan. Dr Abela kien akkumpanjat mill-Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali Owen Bonnici, l-Ambaxxatur Malti għall-Istat tal-Ġordan George Said Zammit, ix-Sherpa Leandro Borg u l-Kap tas-Segretarjat tal-Uffiċċju tal-Prim Ministru, il-Kurunell Mark Mallia.

FacebookTwitter