PR250829
17/05/2025
“Kooperazzjoni aktar b’saħħitha fl-Ewropa u mal-ġirien tagħna hija kruċjali għas-sigurtà, ir-reżiljenza u l-istabbiltà dejjiema” – Il-Prim Ministru Robert Abela
Il-Prim Ministru Robert Abela sostna li s-sigurtà u r-reżiljenza huma konnessi u tenna l-ħtieġa ta’ impenn lejn kooperazzjoni aktar effettiva li twassal mhux biss għal solidarjetà iżda wkoll għal stabbiltà fil-kontinent Ewropew.
Huwa qal dan waqt li attenda għas-sitt Summit tal-Komunità Politika Ewropea f’Tirana l-Albanija fejn tenna għal darb’oħra l-importanza ta’ ħidma lejn paċi dejjiema fl-Ukrajna u fil-Lvant Nofsani.
B’rabta mad-diskussjoni dwar is-sigurtà, il-Prim Ministru sostna wkoll li l-kontinent Ewropew irid ikun aktar proattiv biex jibdel f’opportunitajiet l-isfidi komuni li qed jiġu ffaċċjati, inkluż realtajiet bħal dawk ta’ popolazzjonijiet dejjem akbar fl-età, it-trasformazzjoni ekonomika u l-kompetizzjoni globali aktar missielta.
Hawn Dr Abela ġab eżempju bir-realtajiet ta’ Malta li llum il-ġurnata huma xprunati mis-suċċess ekonomiku li nkiseb fl-aħħar snin. Għalhekk tenna kif Malta llum qed tara li tindirizza realtajiet differenti fosthom dwar il-migrazzjoni, permezz tal-Labour Migration Policy.
Il-Prim Ministru pparteċipa wkoll f’diskussjoni dwar il-kooperazzjoni għas-sigurtà fil-fruntieri u l-migrazzjoni, fejn tenna li fuq livell Ewropew hemm bżonn li jittieħed approċċ strateġiku biex il-fruntieri tagħna jkunu aktar siguri filwaqt li l-aqwa talent jiġi miżmum fil-kontinent sabiex inlaħħqu mad-domanda tax-xogħol.
F’din id-diskussjoni, il-Prim Ministru rrimarka li l-futur tal-Ewropa jiddependi mill-ħaddiema tiegħu u b’hekk saħaq fuq l-importanza tat-titjib tal-ħiliet tagħhom, u li jkunu jirriflettu wkoll id-domanda tax-xogħol għall-ġejjieni.
Dr Abela tkellem ukoll dwar l-esperjenza ta’ pajjiżna fil-ġestjoni tal-immigrazzjoni irregolari, fejn filwaqt li rrefera għas-suċċess ta’ pajjiżna li ra żieda ta’ ritorni u tnaqqis fil-wasliet matul l-aħħar snin bis-saħħa tal-politika tal-Gvern, saħaq ukoll fuq il-volatilità tas-sitwazzjoni fil-Mediterran speċjalment fid-dawl tat-tensjonijiet fil-Libja.
Għaldaqstant tenna li bħala kontinent irridu naħdmu aktar fuq il-prevenzjoni permezz ta’ titjib tar-relazzjonijiet mal-pajjiżi tal-oriġini u t-tranżitu.
Matul dan is-Summit, il-Prim Ministru Robert Abela pparteċipa wkoll f’laqgħa oħra flimkien mal-mexxejja ta’ Spanja, l-Irlanda, in-Norveġja, il-Lussemburgu, l-Iżlanda u s-Slovenja, fejn ġiet diskussa s-sitwazzjoni fil-Lvant Nofsani. Fit-tmiem tal-laqgħa ġiet iffirmata wkoll dikjarazzjoni konġunta bejn is-seba’ pajjiżi b’sejħa sabiex il-partijiet kollha nvoluti jimpenjaw ruħhom favur waqfien mill-ġlied u t-twassil tal-għajnuna umanitarja fl-istrixxa ta’ Gaża.
Fil-marġini tas-Summit, il-Prim Ministru Robert Abela kellu wkoll għadd ta’ laqgħat bilaterali fosthom mal-Prim Ministru Taljana Giorgia Meloni u l-President tar-Repubblika tal-Kosovo, l-Eċċellenza Tagħha Vjosa Osmani Sadriu. F’dawn il-laqgħat ġew diskussi temi ċċentrati madwar it-tisħiħ tar-relazzjonijiet bilaterali u l-kooperazzjoni reġjonali.