Month: May 2025

Fil-Berġa ta’ Kastilja, il-Prim Ministru Robert Abela kellu laqgħa mal-eżekuttiv ġdid tal-Kunsill Nazzjonali taż-Żgħażagħ (KNŻ) fejn ippreżentawlu l-prijoritajiet tagħhom bħala kunsill ġdid.

Matul il-laqgħa, il-Prim Ministru sostna li l-gvern jemmen bi sħiħ fiż-żgħażagħ u li ż-żgħażagħ għandhom ikunu fil-qalba tad-deċiżjonijiet li jittieħdu, tant li twaqqaf il-Youth Advisory Forum. F’dan il-Forum il-KNŻ għandu rappreżentant permanenti fuqu, u qed iservi ta’ strument importanti ta’ konsultazzjoni maż-żgħażagħ fuq temi nazzjonali.

Dr Abela qal li flimkien maż-żgħażagħ iridu jkomplu jiktbu l-futur ta’ pajjiżna. Hawn semma l-Malta Vision 2050 u ħeġġiġhom biex jieħdu sehem fil-konsultazzjoni li għaddejja bħalissa li se twassal għall-viżjoni dwar x’Malta rridu, sabiex b’hekk il-prijoritajiet taż-żgħażagħ, li se jkunu l-mexxejja ta’ għada, ikunu msejsa f’din il-viżjoni.

Il-Prim Ministru temm billi awguralhom fil-ħidma tagħhom biex jirrappreżentaw bl-aħjar mod liż-żgħażagħ kollha f’pajjiżna.

Preżenti għal-laqgħa kien hemm ukoll is-Segretarju Parlamentari għaż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni Keith Azzopardi Tanti u s-Segretarju tal-Kabinett Ryan Spagnol.

PR250766

Il-Gvern ta’ Malta jifraħ lill-Kardinal Robert Francis Prevost, li ġiet elett Papa wara l-konklavi li saru fl-Istat tal-Vatikan.

Il-Gvern jawgura lil Qdusija tiegħu Papa Ljun XIV bħala Mexxej tal-Istat tal-Vatikan u fit-tmexxija tal-Knisja Kattolika li tkompli tkun vuċi favur il-paċi fi żmien ta’ sfidi ġeopolitiċi li komplew jiżviluppaw madwar id-dinja anki fl-aħħar jiem.

Il-Gvern ta’ Malta jħares ’il quddiem li jkompli jsaħħaħ ir-relazzjonijiet b’saħħithom li għandu pajjiżna mal-Istat tal-Vatikan matul il-pontifikat ta’ Papa Ljun XIV.

PR250757

Il-Prim Ministru Robert Abela,  flimkien mal-Ministru għall-Ambjent, l-Enerġija u l-Indafa Pubblika, Miriam Dalli, inawguraw il-proġett ta’ riġenerazzjoni tad-daħla tal-Isla u restawr tas-swar ta’ San Mikiel. 

Dan il-proġett tmexxa mill-Korporazzjoni għar-Riġenerazzjoni tal-Port il-Kbir (GHRC) u kien maqsum fuq erba’ fażijiet, b’investiment totali ta’ €4.5 miljun. Matul dawn il-fażijiet saru bosta xogħlijiet ta’ restawr fosthom fuq id-daħla u s-swar tal-Forti San Mikiel, l-arloġġ ikoniku, il-gardjola u l-pavimentar ta’ Pjazza Mitrovich. Filwaqt li nħadem mill-ġdid it-taraġ li jgħaqqad il-pjazza tal-lokal man-naħa tal-iskola. Il-proġett ħaseb ukoll għall-ħolqien ta’ pjazzetta oħra għall-użu pubbliku. Saru wkoll xogħlijiet estensivi fuq l-istrutturi li jagħtu aċċess lill-pubbliku għaż-żona tal-belvedere.

Il-Prim Ministru qal li dan il-proġett huwa ieħor f’kullana ta’ proġetti ta’ investiment ta’ kwalità fil-Kottonera. Sostna li l-Viżjoni Malta 2025 titkellem dwar pajjiż ispirat mill-wirt storiku u mmexxi mill-progress, li jippromwovi kwalità ta’ ħajja b’saħħitha għal kulħadd. Qal li l-Kunsilli Lokali jibqa’ jkollhom irwol ċentrali biex iwettqu proġetti bħal dawn.

Il-Prim Ministru Robert Abela żied jgħid, “Ħloqna spazju miftuħ, modern, ieħor għat-tgawdija tal-komunità fid-daħla tal-Isla.” Qal li dan huwa proġett b’risq il-komunità fil-Port il-Kbir, li fil-passat qalgħet fuq rasha iżda llum kalamita għal investiment ta’ kwalità. “Dik hi l-bidla li rridu nibqgħu nġibu u naħdmu għaliha ta’ kuljum iżda rridu nesperjenzawha bil-bilanċ favur l-iżvilupp sostenibbli ħalli l-komunità nħalluha tgawdi l-aqwa kwalità tal-ħajja possibbli,” sostna Dr Abela.

Il-Ministru Miriam Dalli qalet li b’dan il-proġett ħloqna spazju ieħor għan-nies. “Spazju li konvinta se jingħata l-ħajja, bl-attività, kultura u għaqda, u dan mhux proġett iżolat. Ftit passi ’l bogħod minn hawn ftit tax-xhur ilu ftaħna l-pjazza tal-Kalkara, insibu wkoll Ġnien Villa Portelli, Ġnien fuq il-Glażiż, u Ġnien iċ-Ċkejken Ziam. Għax għalina, l-ambjent ifisser kwalità ta’ ħajja aħjar, pajjiż isbaħ, aktar aċċessibbli u aktar ġust għal kulħadd,” sostniet il-Ministru Dalli.

Min-naħa tiegħu, il-Kap Eżekuttiv tal-GHRC, Gino Cauchi qal li l-GHRC diġà qed tippjana proġetti oħra kbar li ser jibdew fil-futur qrib f’lokalitajiet differenti. Żied jgħid li xejn ma jżommhom milli bħala korporazzjoni wara l-investiment li sar fill-Kalkara, l-Isla, u proġett ieħor li qed iwettqu fil-Birgu, fil-futur iwettqu proġetti oħra fil-Kottonera.

Waqt it-twettiq ta’ dan il-proġett instabu wkoll xi kmamar li ġew trasformati  f’ċentru ta’ matul il-jum għall-anzjani. Dan iċ-ċentru, immexxi mill-Kunsill Lokali tal-Isla, se jkun qed jiġi utilizzat ukoll għall-wirjiet u attivitajiet soċjali oħra tal-lokal. Fl-inawgurazzjoni tkellem ukoll is-Sindku tal-Isla, Clive Pulis. Huwa qal, “Tassew ta’ sodisfazzjoni kbir għalija meta nkun fost l-anzjani fit-toroq tal-Isla nara l-ferħ f’għajnejhom għax illum il-ġurnata jistgħu jerġgħu igawdu dan il-Forti u l-veduta meraviljuża għal fuq il-Port il-Kbir minn żona estiża u msebbaħ.”

PR250744

Il-Prim Ministru Robert Abela, flimkien mal-Ministru għall-Intern, is-Sigurtà u x-Xogħol Byron Camilleri u l-Ministru għall-Edukazzjoni, l-Isport, iż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni Clifton Grima, żaru x-xogħlijiet li għaddejjin ġewwa ċ-Ċentru Nazzjonali tal-Futbol f’Ta’ Qali. Dan iċ-Ċentru huwa proġett ta’ importanza f’dik li hija l-infrastruttura sportiva u parti essenzjali mill-istrateġija tal-Malta Football Association (MFA).

Il-Prim Ministru kien akkumpanjat minn delegazzjoni mill-MFA mmexxija mill-President Bjorn Vassallo, li flimkien mal-periti responsabbli minn dan il-proġett taw spjegazzjoni dettaljata tal-istadju preżenti kif ukoll il-pjanijiet għall-futur.

Dan iċ-ċentru għandu l-għan li jkun il-qalba tal-futbol Malti mill-iżgħar livell sa dak l-aktar professjonali, u se jospita faċilitajiet bħal laboratorji tax-xjenza sportiva, ċentru mediku u ta’ fiżjoterapija, gym, swali għal-laqgħat, uffiċċji tekniċi, u stadium tal-Kategorija 1 b’faċilitajiet sostenibbli u f’konformità mal-aqwa standards Ewropej. Il-proġett qed jiġi ffinanzjat b’għajnuna mill-Malta Development Bank, u bil-Fond għall-Iżvilupp Nazzjonali u Soċjali huwa garanti.

Waqt din iż-żjara, il-Prim Ministru kellhu wkoll l-opportunità li jiltaqa’ mal-players tat-Tim Nazzjonali tan-Nisa waqt it-taħriġ tagħhom fit-training grounds ta’ Ta’ Qali. It-tim nazzjonali tan-nisa bħalissa jinsab fi stadju storiku tal-vjaġġ tiegħu hekk kif fit-30 ta’ Mejju, it-tim se jkun qed jaffaċċja lil Ċipru u b’rebħa jista’ jikseb il-promozzjoni għall-Group B tan-Nations League għat-tieni darba. Dan ikun pass ieħor ’il quddiem għall-isport Malti u għall-ugwaljanza bejn is-sessi fl-isport.

Il-Prim Ministru faħħar l-impenn tat-tfajliet u qal li l-ħidma tagħhom hija ispirazzjoni għal ħafna. “Din mhux biss kisba sportiva, imma suċċess nazzjonali li juri l-viżjoni tagħna li nkomplu ninvestu f’faċilitajiet u opportunitajiet għal kulħadd,” temm jgħid il-Prim Ministru Robert Abela.

PR250734

Il-Prim Ministru Robert Abela fisser din il-miżura bħala opportunità oħra favur ħajja ta’ kwalità

Mil-lum żgħażagħ li twieldu bejn l-2005 u l-2007 jistgħu japplikaw biex igawdu minn sitt xhur sħubija f’gym imħallsa mill-Gvern. Dan jista’ jsir billi ż-żgħażagħ japplikaw minn fuq is-sit youthfitness.gov.mt/ fejn iż-żgħażagħ li se jgawdu mit-twettiq ta’ din il-miżura mħabbra mill-Gvern fil-Budget għal din is-sena, għandhom l-għażla ta’ aktar minn 60 gym minn madwar Malta u Għawdex li huma msieħba f’din l-inizjattiva. Minn din il-miżura se jgawdu madwar 12,000 żagħżugħ.

Fit-tnedija tat-twettiq ta’ din il-miżura, f’attività mill-isbaħ fost bosta żgħażagħ u persuni entużjasti bl-attività fiżika, il-Prim Ministru Robert Abela fisser din il-miżura bħala waħda mill-aktar għal qalbu għaliex se tkompli xxettel l-imħabba lejn l-isport u l-attività fiżika sa miż-żgħożija. Qal li dan kollu joħloq kwalità ta’ ħajja aħjar u futur ta’ kwalità għall-poplu Malti u Għawdxi.

Fost numru sabiħ ta’ żgħażagħ fil-Mediterranean College of Sport, f’Birkirkara, il-Prim Ministru Robert Abela saħaq li l-messaġġ wara din l-inizjattiva huwa iktar importanti mill-investiment finanzjarju li qed jagħmel il-Gvern biex il-benefiċċjarji jgawdu minn sitt xhur gym mingħajr ħlas għax qed jagħmel tajjeb għalih il-Gvern. “Il-messaġġ hu wieħed favur l-importanza tal-attività fiżika sa minn età żgħira. Dan għaliex jiena nemmen li jekk naqbdu rutina ta’ attività fiżika, dik iżżommha ħajtek kollha miegħek,” qal il-Prim Ministru Robert Abela. Żied jgħid li huwa sodisfatt li bħala Gvern wassalna din il-miżura tant importanti u stieden liż-żgħażagħ li se jgawdu biex jieħdu opportunità minn din l-inizjattiva tal-Gvern. Huwa rringrazzja lil aktar minn 60 gym madwar il-pajjiż kollu li ssieħeb f’din l-inizjattiva.

Min-naħa tiegħu, il-Ministru għall-Edukazzjoni, l-Isport, iż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni, Clifton Grima, qal li dan huwa eżempju ċar ta’ kif l-investiment fl-isport u ż-żgħażagħ jista’ jgħaqqad komunità sħiħa madwar stil ta’ ħajja b’saħħtu u pożittiv. Huwa qal li b’din l-iskema, il-Gvern qed jinvesti wkoll f’mentalità ġdida. “Qed nagħtu liż-żgħażagħ l-ispinta li għandhom bżonn biex jagħżlu ħajja aktar attiva u bilanċjata u b’hekk inkunu qed nibnu futur aktar b’saħħtu għal pajjiżna,” qal il-Ministru Grima.

Intant fl-attività li mmarkat il-bidu tat-tħaddim ta’ din il-miżura, wara li aktar kmieni din is-sena nfetħet sejħa pubblika għall-gyms madwar il-pajjiż kollu li xtaqu jissieħbu f’din l-inizjattiva, fil-Mediterranean College of Sport kien hemm programm ta’ attivitajiet ta’ work-outs u kompetizzjonijiet ta’ attività fiżika. Għalihom kien hemm Alex Eubank u Greg Doucette, żewġ persuni rinomati madwar id-dinja fil-qasam tal-attività fiżika.