STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU

PR221699

06/12/2022

Il-Prim Ministru Robert Abela jattendi għal Summit bejn il-Mexxejja tal-Istati Membri u tal-Balkani tal-Punent, f’Tirana

F’Tirana, l-Albanija, il-Prim Ministru Robert Abela attenda u indirizza Summit bejn il-Mexxejja tal-pajjiżi tal-Unjoni Ewropea u dawk tal-pajjiżi tal-Balkani tal-Punent. Fl-ewwel Summit tat-tip tiegħu f’pajjiż tal-Balkani, il-mexxejja ddiskutew diversi temi fosthom l-impatt tal-gwerra fl-Ukrajna, it-tisħiħ tas-sigurtà u r-reżiljenza kontra indħil barrani, l-enerġija, l-immigrazzjoni, il-ġlieda kontra t-terroriżmu u l-kriminalità organizzata u l-importanza tas-sħubija u koperazzjoni strateġika bejn l-Unjoni Ewropea u l-Balkani tal-Punent.

Il-Prim Ministru Malti laqa’ l-fatt li l-Unjoni Ewropea qed talloka biljun ewro biex tilqa’ għall-kriżi fl-enerġija u tgħin fil-qalba nadifa fl-użu tal-enerġija fir-reġjun tal-Balkani. F’kummenti fi tmiem is-Summit, Dr Abela nnota wkoll il-fatt li din l-istrateġija t’għajnuna u li tilqa’ għall-impatt, ilha tiġi adottata minn Malta biex il-familji u n-negozji f’pajjiżna baqgħu jgawdu minn prezzijiet stabbli tal-enerġija u l-fjuwil. Il-Prim Ministru spjega kif din il-politika tal-Gvern Malti kompliet twassal għal stabbiltà ekonomika u soċjali f’pajjiżna iżda fuq kollox fiduċja minn dawk li qed ikattru l-investiment.

Dwar l-enerġija, il-Prim Ministru fakkar ukoll f’azzjonijiet oħra li l-Unjoni Ewropea ħadet biex tilqa’ għall-impatti mill-gwerra fl-Ukrajna, fosthom it-tħejjija favur is-sigurtà tal-provvista tal-ikel u l-qbil fuq mekkaniżmu għal xiri konġunt ta’ gass u strateġija li tnaqqas l-impatt taż-żieda fil-prezzijiet tal-gass u l-enerġija, li ntlaħaq f’Kunsill Ewropew li tlaqqa’ fi Brussell lejn l-aħħar ta’ Ottubru li għadda.

F’indirizz li għamel fis-Summit li tlaqqa’ fil-kapitali Albaniż​a, il-Prim Ministru Robert Abela sostna li l-pajjiżi tal-Balkani qed jaraw il-futur tagħhom imsieħba fl-Unjoni Ewropea u Malta tappoġġja dan fi spirtu ta’ koperazzjoni b’saħħitha favur prosperità u stabbiltà fuq bażi reġjonali li minnha jgawdu l-ġenerazzjonijiet tal-lum u ta’ għada. Hawn semma ħidma fuq riformi favur is-saltna tad-dritt li trid issir b’aktar koperazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u r-reġjun tal-Balkani tal-Punent.

Il-Prim Ministru Malti laqa’ wkoll l-ftehim ta’ tnaqqis fit-tarriffi tar-roaming bejn stati membri u pajjiżi tal-Balkani tal-Punent. Dr Abela awgura wkoll li wara ftehim milħuq fuq livell ta’ Kunsill Ewropew, issa jintlaħaq qbil fil-Parlament Ewropew dwar tneħħija tal-viża għaċ-ċittadini tal-Kosovo meta jivvjaġġaw lejn pajjiżi tal-Unjoni Ewropea.

FacebookTwitter

Lorem Ipsum

Role

consectetuer adipiscing elit, sed diam nonummy nibh euismod tincidunt ut laoreet dolore magna aliquam erat volutpat. Ut wisi enim ad minim veniam. consectetuer adipiscing elit, sed diam nonummy nibh euismod tincidunt ut laoreet dolore magna aliquam erat volutpat. Ut wisi enim ad minim veniam.consectetuer adipiscing elit, sed diam nonummy nibh euismod tincidunt ut laoreet dolore magna aliquam erat volutpat.

Lorem Ipsum

Role

Skip to content