STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU

PR221666

02/12/2022

Il-Prim Ministru Robert Abela jiltaqa’ mal-Grupp ta’ Min Iħaddem tal-EESC

Fil-Berġa ta’ Kastilja, il-Prim Ministru Robert Abela kellu laqgħa ma’ delegazzjoni mill-Grupp ta’ Min Iħaddem fi ħdan il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (EESC). Id-delegazzjoni qed iżżur Malta sabiex tifhem aħjar ir-realtajiet kif ukoll l-isfidi u l-opportunitajiet li jiffaċċja pajjiżna. Matul il-laqgħa, il-prim ministru indirizza diversi temi ta’ interess komuni bejn iż-żewġ partijiet, fosthom l-enerġija, il-kompetittività, il-politika dwar it-taxxa, it-tkabbir u l-istabbiltà.

Fuq il-qasam tal-enerġija, il-Prim Ministru Robert Abela saħaq dwar l-importanza li jibqgħu jiġu protetti n-nies u n-negozji mill-impatt tal-kriżi tal-enerġija. Huwa tenna li l-gvern se jibqa’ kommess li jkompli jerfa’ dan il-piż hu, u rrimarka li din hija waħda mir-raġunijiet għaliex l-ekonomija Maltija baqgħet tikber b’mod stabbli. F’dan il-kuntest, il-prim ministru rrimarka li l-Gvern Malti qiegħed ukoll jipprijoritizza l-qalba li jmiss, dik ta’ użu aktar nadif fil-qasam tal-enerġija u permezz tal-Patt Ekoloġiku u l-Pakkett Fit for 55 tal-Unjoni Ewropea għandna l-għodda meħtieġa biex inkomplu nżidu l-indipendenza, ir-reżiljenza u l-kompetittività tal-enerġija tagħna.

Il-Prim Ministru Robert Abela qal li Malta tilqa’ l-proposti tal-Kumissjoni Ewropea dwar il-Pjan REPowerEU u Miżuri dwar l-aċċellerazzjoni tal-użu tal-enerġija rinnovabbli. Huwa kompla jgħid li għandu jkun hemm investiment akbar fl-infrastruttura li tippermetti lill-istati membri kollha biex jisfruttaw is-suq tal-idroġenu kif ukoll aktar konnessjonijiet tal-elettriku. Il-prim ministru qal ukoll li jaqbel mal-EESC li għandha ssir ħidma biex jiġi żgurat li l-kompetituri tal-Unjoni Ewropea jkunu konformi mal-ogħla standards ambjentali u soċjali.

Fir-rigward tal-kompetittività, il-Prim Ministru Robert Abela sostna li Malta tappoġġa inizjattivi li jiżguraw li s-Suq Waħdieni u l-istati membri tal-Unjoni Ewropea jibqgħu kompetittivi internazzjonalment. Dan filwaqt li jkomplu jistimulaw it-tkabbir u l-innovazzjoni u jsaħħu l-awtonomija strateġika tal-Unjoni Ewropea. Waqt il-laqgħa ġiet diskussa wkoll il-politika tal-Unjoni Ewropea dwar it-taxxa. Dwar dan, il-Prim Ministru Robert Abela sostna li l-Gvern Malti jappoġġa inizjattivi relatati ma’ miżuri ta’ trasparenza fiskali fuq livell ta’ Unjoni Ewropea iżda jinnota li t-trattat huwa ċar dwar il-kompetenzi tal-istati membri fir-rigward tal-politika fiskali.​​

FacebookTwitter
Skip to content