STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU

PR221801

31/12/2022

Messaġġ tal-Prim Ministru Robert Abela għas-sena l-ġdida 2023

Is-serħan il-moħħ li pajjiżna miexi fid-direzzjoni t-tajba.

Huwa dak li ħdimna għalih fl-aħħar tnax-il xahar.

Huwa dak li se nibqgħu niggarantixxu fiż-żmien li ġej.

Huwa għan li naħdmu għalih u nilħquh bħala poplu wieħed flimkien.

Ridna li wara sfida tant kbira bħall-pandemija, il-familji mhux biss ikunu jistgħu jippjanaw is-sena li ġejja, iżda wkoll il-futur.

Dan f’pajjiż li fih jinħolqu opportunitajiet ġodda għat-tfal u ż-żgħażagħ tagħna u fejn jikber is-sostenn lill-pensjonanti u dawk l-aktar fil-bżonn.

Biex nilħqu dawn l-għanijiet, pajjiżna għandu pjan imġedded. Pjan magħżul minnkom aktar kmieni din is-sena fl-iktar proċess demokratiku b’saħħtu u miftuħ, dak ta’ elezzjoni ġenerali.

L-għażla tagħkom ma kinitx biss dwar partit jew ieħor, iżda kienet għażla dwar x’ġejjieni tridu għal pajjiżna. Għażiltu programm ta’ ħidma b’elf proposta biex nibnu futur sabiħ flimkien.

Xejn ma jiġi mingħajr l-isfidi iżda wrejna għal darba wara oħra li bħala pajjiż kapaċi nagħrfu l-mument u ndawru l-isfidi f’opportunità.

Filwaqt li qatt ma ppruvajna nċekknu dak li qed jiġri barra pajjiżna, qatt ma ġejna quddiemkom biex naqtgħulkom qalbkom.

Fil-kuntest globali li qed ngħixu fih, f’Malta komplejna nieħdu deċiżjonijiet ħalli nagħtukom il-mezz li tkomplu tagħmlu kuraġġ għax grazzi għall-ħidma tagħkom se nibqgħu lkoll mexjin ’il quddiem.

Din is-sena kien veru importanti wkoll li ksibna l-fiduċja li erġajna lura għan-normalità sħiħa.

Fil-fatt kellna f’dawn l-aħħar ġimgħat konferma wara oħra ta’ kemm pajjiżna rkupra malajr u kemm ir-riżultati ekonomiċi li qed niksbu huma fost l-aqwa.

Rapporti ta’ istituzzjonijiet internazzjonali u indipendenti li jagħtu konferma li qed inħaddmu ekonomija b’saħħitha li fuqha nkomplu ngħinu lill-familji b’żidiet bħal dawk fiċ-children’s allowance, l-anzjani b’żidiet fil-pensjonijiet, il-first-time buyers b’għotjiet ġodda u lill-aktar vulnerabbli b’inizjattivi maħsuba apposta.

It-tkabbir ekonomiku qed nużawh biex kull min jgħix f’dan il-pajjiż ikun jista’ jgħix aħjar, f’soċjetà li tħobb u f’pajjiż isbaħ li jagħraf jagħti kwalità ta’ ħajja mill-aqwa.

Għalhekk, nisħaq illi s-suċċess ekonomiku ta’ pajjiżna jrid ikun akkumpanjat minn progress soċjali u aktar drittijiet ċivili.

Ikollna soċjetà b’saħħitha jekk tkompli bir-riformi biex toħloq ġustizzja. Għax il-kwalità tal-ħajja mhix biss dħul finanzjarju aħjar.

L-2023 trid tkun ukoll is-sena fejn tarana nkomplu b’bidliet soċjali b’saħħithom, li jibnu fuq dak li għamilna fl-aħħar snin.

Nemmen li wasal il-mument li s-soċjetà tagħna tibgħat messaġġ iktar b’saħħtu favur il-ħarsien tal-mara. Issa li għandna l-akbar rappreżentanza femminili fejn jittieħdu d-deċiżjonijiet, huwa kruċjali li nagħmlu l-akbar qabża ‘l quddiem fid-drittijiet tan-nisa.

Dejjem emmint li l-fatt li tant iktar nisa llum daħlu fid-dinja tax-xogħol kellu jkun il-bażi biex ikollhom ħelsien ikbar f’oqsma oħra.

Iżda, sfortunatament bqajna nisimgħu wisq realtajiet ta’ nisa li jbatu fis-skiet proprju għax huma nisa.

U filwaqt li ssib min jgħidlek li se jibqa’ jkollok każi fejn is-sistema tidher li falliet, ikun ta’ għajb għalina jekk ma naħdmux biex kull tifla f’dan il-pajjiż ikollha s-serħan il-moħħ ta’ soċjetà li verament trid tħarisha. Li d-drittijiet ma jkunux biss fuq il-karta imma li jkun hemm ir-rieda u r-riżorsi biex jitħarsu.

Meta nitkellmu fuq l-ugwaljanza, meta ninsistu kontra l-vjolenza domestika, meta nisħqu fuq il-bżonn li kull mara nħarsulha ħajjitha u saħħitha, qed nitkellmu dwar il-kwalità tal-ħajja ta’ bintek, ta’ ommok jew oħtok.

Dawn mhux teoriji, dawn huma l-esperjenzi diretti tal-għeżeż tagħna fil-ħajja ta’ kuljum. Sfortunatament erġajna għaddejna minn ċerti esperjenzi koroh li kiddewni fuq livell personali, kemm bħala missier, kif ukoll bħala politiku.

Ebda riforma mhi se tiġi bi qbil assolut. Qatt ma ċaqlaqna l-affarijiet u ma qamitx diskussjoni. Ngħid li allaħares mhux hekk. Għaliex hija minn dik l-istess diskussjoni li noħorġu bl-aqwa għażliet. Bħala pajjiż wieħed u magħqud, mingħajr kliem kattiv jew li jifred.

Għażla waħda biss m’għandux ikun hemm; dik li naċċettaw l-istatus quo, jew ninħbew mir-realitajiet daqslikieku ma jeżistux.

Għaliex, meta nagħżlu li nibżgħu mill-bidla, anke bl-iskuża li l-maġġoranza komda kif inhi, inkunu qed ninjoraw lil dawk li ilhom ibatu u li bil-mod il-mod qed jitilfu t-tama. U dik mhux xi ħaġa li rridu naċċettaw.

Daqstant ieħor ma rridux naċċettaw l-istatus quo fis-settur ambjentali.

Din is-sena tajna sinjali ċari ta’ prijoritajiet ġodda. Ħadna deċiżjoni fl-ewwel mitt jum ta’ Gvern ġdid biex medda ta’ art ODZ fiż-Żonqor nipproteġuha. Rajna lill-Ħondoq jiġi salvat u lliberajna spazji oħra biex fuqhom isiru proġetti li jitgawdew mill-familji.

Ifisser li għamilna biżżejjed? Dażgur li le. Għalhekk fix-xhur li ġejjin din il-ħidma trid tieħu forma iktar mgħaġġla biex ikollna l-bażi b’saħħitha għal aktar proġetti ambizzjużi.

Konvint li naslu għax għandi fiduċja f’pajjiżna.

U mhux aħna biss għandna fiduċja f’pajjiżna.

Pajjiżi oħra għandhom fiduċja f’pajjiżna. Se nibdew inservu fuq il-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Magħquda. Se nġibu f’pajjiżna s-sena d-dieħla Summit li jiġbor fih il-pajjiżi kollha tan-naħa ta’ isfel tal-Unjoni Ewropea. Ingħatajna ċertifikat mill-FATF għar-riformi li għamilna. Dawn huma kollha sinjali b’saħħithom ta’ kemm pajjiżna miexi fid-direzzjoni t-tajba.

Huwa fuq dawn is-sinjali li rridu nidħlu għas-sena l-ġdida b’ottimiżmu u entużjażmu. Fuq kollox bis-serħan il-moħħ li Għawdex u Malta għandhom ġejjieni sabiħ fejn flimkien nassiguraw kwalità ta’ ħajja aħjar.

F’ismi, f’isem Lydia u Giorgia Mae, u f’isem il-gvern nawgura lilkom kollha, sena mill-aqwa.

FacebookTwitter
Skip to content