Month: July 2025

PR251255

F’Ruma, fejn qed jipparteċipa fil-Ukraine Recovery Conference, il-Prim Ministru Robert Abela għamel indirizz b’messaġġ ta’ solidarjetà u appell qawwi favur il-waqfien permanenti tal-ġlied. Din il-konferenza, li ġabret mexxejja internazzjonali, fosthom il-Prim Ministru Taljana Giorgia Meloni, il-Kanċillier Ġermaniz Friedrick Merz, il-President tal-Kummissjoni Ewropea Ursula von der Leyen u l-President tal-Kunsill Ewropew Antonio Costa, iffukat fuq l-irkupru u r-rikostruzzjoni fit-tul tal-Ukrajna wara l-gwerra.

Waqt l-intervent tiegħu fis-sessjoni plenarja, il-Prim Ministru Abela tenna s-sostenn umanitarju ta’ Malta għall-poplu Ukren. Huwa kompla billi fakkar kif sa mill-bidu tal-gwerra, Malta kienet dejjem fuq in-naħa tal-paċi u t-triq favur id-djalogu madwar il-mejda. Qal li dan pajjiżna għamlu bil-fatti permezz tal-irwoli ta’ responsabbiltà li okkupa f’diversi fora multilaterali, filwaqt li kompla jipprovdi għajnuna umanitarja u wera s-solidarjetà mal-poplu Ukren sabiex jikseb il-ġustizzja mistħoqqa.

“Il-qawwa straordinarja tal-poplu Ukren tkompli tispirana biex nibqgħu naħdmu favur il-paċi, li hi ċ-ċavetta tal-prosperità u naħdmu lejn ir-rikostruzzjoni ta’ dan il-pajjiż Ewropew. Malta toffri s-solidarjetà sħiħa tagħha u se tkompli tappoġġja l-isforzi kollha li jwasslu għal ġustizzja, stabbiltà u l-bini mill-ġdid tal-istat Ukren,” sostna Dr Abela.

Waqt id-diskors tiegħu, il-Prim Ministru enfasizza l-impenn ta’ Malta biex tgħin fl-irkupru u fl-iżvilupp ta’ infrastruttura reżiljenti, fosthom fil-qasam tal-enerġija, li ġie attakkat b’mod sistematiku fl-aggressjoni mir-Russja. Dr Abela tkellem ukoll dwar l-importanza u l-ħtieġa ta’ koperazzjoni bejn il-Gvernijiet u s-settur privat fl-isforz li l-Ukrajna terġa’ tqum fuq saqajha wara l-aggressjoni Russa. Semma wkoll l-irwol ta’ Malta fil-promozzjoni tal-ġustizzja internazzjonali, u rrefera għall-ftehim importanti li ġie ffirmat ftit tal-ġimgħat ilu bejn l-Ukrajna u l-Kunsill tal-Ewropa waqt il-Presidenza Maltija tal-Kunsill tal-Ewropa li stabbilixxa t-Tribunal Speċjali dwar ir-Reat ta’ Aggressjoni kontra l-Ukrajna.

Fil-kuntest tal-Presidenza Maltija tal-Kunsill tal-Ewropa, il-Prim Ministru fakkar ukoll kif pajjiżna tella’ fuq l-aġenda l-impatt li ħolqot il-gwerra fuq tfal Ukreni u qal li dan kollu ġie diskuss hekk kif pajjiżna qed jippresiedi l-Kumitat tal-Ministri tal-Kunsill tal-Ewropa. Il-Prim Ministru temm jgħid li Malta tibqa’ vuċi kostanti favur il-paċi kif għamlet mal-komunità internazzjonali fl-aħħar snin meta kienet fil-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti u bil-Presidenza tal-OSCE. Saħaq li hemm sforzi importanti li qed isiru mill-Istati Uniti u l-Unjoni Ewropea flimkien mal-Ukrajna u dan għandu jkompli jsir biex ma jibqgħux jintilfu ħajjiet ta’ ċittadini.

Intant fil-marġini tal-konferenza f’Ruma, il-Prim Ministru Malti kellu laqgħa mal-President tal-Kummissjoni Ewropea Ursula von der Leyen, il-Prim Ministru Taljana Giorgia Meloni u l-Prim Ministru Grieg Kyriakos Mitsotakis fejn iddiskutew it-tisħiħ tal-kooperazzjoni strateġika mal-Libja.

PR251248

Hekk kif issa ssoktaw il-laqgħat tal-Kunsilli Lokali tat-Tfal, il-Prim Ministru Robert Abela żar il-Kunsill ta’ Wied il-Għajn fejn it-tfal kellhom l-opportunità jiddiskutu miegħu temi kurrenti fosthom l-ambjent u l-ħarsien tal-annimali fost oħrajn.

Il-Prim Ministru wera s-sodisfazzjon li fi żmien sena mill-bidu tal-implimentazzjoni tal-proġett RIGHTS, illum pajjiżna għandu Kunsill Lokali tat-tfal f’kull lokalità kif ukoll fuq il-livelli reġjonali. Huwa saħaq li l-ideat u l-aspirazzjonijiet tal-ġenerazzjonijiet iż-żgħar mhux biss jirriflettu bidla pożittiva għall-futur, iżda għandhom ukoll il-potenzjal li jissarfu f’azzjonijiet konkreti li bihom nistgħu nkomplu intejbu Malta tal-lum. Huwa żied jgħid li l-Gvern se jibqa’ impenjat sabiex ikompli jagħti vuċi lit-tfal u liż-żgħażagħ b’hekk inkomplu nsostnu demokrazija dejjem aktar moderna u li toffri opportunitajiet li jissarfu fit-tisħiħ tal- ħiliet u l-aspirazzjonijiet tagħhom.

Matul din il-laqgħa pparteċipat ukoll il-President Emeritu Marie-Louise Coleiro Preca. Hija qalet: “Huwa ta’ sodisfazzjon kbir li l-Prim Ministru jerġa’ jiltaqa’ ma’ tfal u żgħażagħ membri tal-Kunsilli Lokali sabiex jisma’ direttament mingħandhom l-aspirazzjonijiet u t-tħassib tagħhom. Din l-inizjattiva tfisser ħafna, għax permezz tagħha l-politika ta’ pajjiżna qed tinbena wkoll fuq il-vuċi tas-soċjetà żagħżugħa tagħna. Hija xhieda ċara ta’ rieda politika soda li tassew temmen fid-demokrazija parteċipattiva u fil-bini ta’ pajjiż aktar inklussiv u ġust.”

Iffurmat minn 11-il tifel u tifla, dan il-Kunsill Lokali tat-tfal jiltaqa’ regolarment biex jiġu diskussi temi u inizjattivi li t-tfal jixtiequ li jaraw it-twettiq tagħhom, u li finalment jissarfu f’futur aħjar għal kulħadd. Apparti minn laqgħat ta’ diskussjoni u proposti li jgħaddu għall-kunsiderazzjoni tal-Kunsill Lokali, it-tfal jipparteċipaw ukoll f’bosta attivitajiet li jagħtuhom lok jesprimu l-kreattività tagħhom.

PR251233

It-tfal, li għandhom bejn 11 u 14-il sena, huma parti mill-Alleanza Maltija għall-Għanijiet Ambjentali, Soċjali u ta’ Governanza (MESGA)


 

Il-Prim Ministru Robert Abela, flimkien mal-Ministru għall-Edukazzjoni, l-Isport, iż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni Clifton Grima u s-Segretarju Permanenti għall-Viżjoni Malta 2050 Ronald Mizzi, laqgħu ħdax-il tifel u tifla f’Kastilja, f’laqgħa li matulha ġew imressqa proposti marbutin mal-Viżjoni Malta 2050. Il-proposti mressqa mit-tfal huma bbażati fuq is-17-il Għan ta’ Żvilupp Sostenibbli. Huma kienu akkumpanjati minn Kapijiet Eżekuttivi ta’ kumpaniji li jgħaqqdu l-MESGA.

Il-Prim Ministru rrimarka li, “Il-Viżjoni Malta 2050 qed tinħadem bl-għan aħħari proprju li pajjiżna jitgawda minn dawn it-tfal li għada pitgħada se jkunu huma l-ġenerazzjonijiet futuri. Il-proposti ta’ dawn it-tfal ikomplu jsaħħu x-xogħol li għaddej ta’ kuljum b’rabta mal-Viżjoni u nifraħ lill-MESGA għall-mod ta’ kif iżewwaq il-ħidma bejn Kapijiet Eżekuttivi u tfal, għax dan ifisser b’mod ċar li qed nisimgħu lil uliedna dwar x’pajjiż jixtiequ jaraw.”

Il-Ministru Clifton Grima qal li, “Illum rajna eżempju ta’ kif l-edukazzjoni ma tfissirx biss li wieħed jitgħallem minn ktieb jew minn klassi, imma wkoll li tfisser li t-tfal u ż-żgħażagħ tagħna jkunu parti minn proċessi ta’ deċiżjoni u viżjoni għall-pajjiż tagħhom. Il-Viżjoni Malta 2050 qed tagħmel l-edukazzjoni ċ-ċavetta għat-tkabbir sostenibbli u għall-kwalità ta’ ħajja aħjar, u dawn il-proposti konkreti minnkom it-tfal jgħinuna nindirizzaw l-isfidi tal-lum u nippreparaw għall-futur ta’ pajjiżna.”

Is-Segretarju Permanenti Ronald Mizzi qal, “Dawn il-proposti jħabbtuha sew ma’ proposti oħra li nisimgħu mingħand entitajiet u partijiet oħra, hekk kif bħalissa għaddej il-proċess ta’ konsultazzjoni, b’serje ta’ laqgħat differenti. Għalkemm dawn il-proposti ġejjin minn etajiet żgħar, huma proposti validissimi għall-Viżjoni Malta 2050.”

It-tfal ippreżentaw il-pubblikazzjoni ‘Isimgħuna’ lill-Prim Ministru li tiġbor fiha l-proposti tagħhom, li ħarġu mill-konferenza li saret f’Novembru 2024, u li ġew ukoll ippreżentati fin-Nazzjonijiet Uniti. Il-Prim Ministru Robert Abela ppreżenta ċertifikat lit-tfal, għall-parteċipazzjoni tagħhom fil-proċess ta’ konsultazzjoni lejn il-Viżjoni għal Malta 2050.

Il-MESGA ġiet imwaqqfa fl-2022, bil-għan li tixpruna l-ħidma f’Malta lejn is-17 il-Għan ta’ Żvilupp Sostenibbli, maqbula bejn in-Nazzjonijiet Uniti. L-Alleanza hija tiżwiqa ta’ Kapijiet Eżekuttivi minn kumpaniji prominenti f’Malta u hija kommessa lejn it-tkabbir ekonomiku, il-protezzjoni tal-ambjent, u l-ekwità soċjali fl-isfond tal-istrutturi tal-governanza.

PR251226

Bosta familji se jsiru sidien ta’ darhom billi jixtru proprjetà 30% irħas mill-prezz fis-suq

Il-Prim Ministru Robert Abela ħabbar li ħierġa s-sejħa biex jibda l-bini fuq il-proġett t’akkomodazzjoni affordabbli, li se jkun qed joħloq mal-260 dar biex jinxtraw minn persuni li ma jikkwalifikawx għal post mill-Awtorità tad-Djar iżda jeħtieġu għajnuna biex isiru sidien ta’ darhom. B’hekk se jkunu jistgħu jixtru dar bi 30% inqas il-prezz tas-suq permezz ta’ inizjattiva mill-Fondazzjoni għall-Akkomodazzjoni Affordabbli, li hi kollaborazzjoni bejn il-Gvern u l-Knisja.

Dan il-proġett hu immirat għall-individwi u koppji bi dħul baxx sa medju, li jaqilgħu sa €33,000 fis-sena fil-każ ta’ individwi, u €38,000 fis-sena fil-każ ta’ koppji. Il-Fondazzjoni għall-Akkomodazzjoni Affordabbli qed tniedi espressjoni t’interess għad-disinn u l-iżvilupp ta’ dawn id-djar ġodda f’Ħal Kirkop, il-Fgura, San Ġiljan u Wied il-Għajn. Fl-erba’ lokalitajiet kien hemm artijiet pubbliċi li l-Gvern għadda lill-Fondazzjoni, liema wħud mill-artijiet fil-passat kienu għaddew mill-Knisja għand il-Gvern. Is-sejħa hija mmirata għal dawk l-iżviluppaturi li jistgħu joffru soluzzjonijiet t’akkomodazzjoni innovattivi u sostenibbli fost oħrajn bi standards għolja.

F’konferenza tal-aħbarijiet, il-Prim Ministru Robert Abela saħaq kif permezz ta’ dan il-proġett qed jintlaħaq għan soċjali importanti li bih se jingħata futur aħjar lil 260 familja. Il-Prim Ministru nnota kif dan huwa mudell innovattiv li jagħti garanzija biex il-missjoni tal-Gvern, li jaċċerta li kulħadd ikollu dar, tista’ tibqa’ tiġi mwettqa. Filwaqt li nnota b’sodisfazzjon kif ċifri uffiċjali juru li 85% tal-Maltin u l-Għawdxin huma sidien ta’ darhom, huwa sostna li l-Gvern se jibqa’ impenjat jaħdem favur akkomodazzjoni affordabbli għal kulħadd.

Dr Abela semma kif dan il-proġett qed jibni fuq diversi inizjattivi u għajnuniet oħra li qed jagħti l-Gvern biex aktar nies jsiru sidien ta’ darhom. Fosthom il-first-time buyers, li issa mhux biss qed jiffrankaw miż-żieda tal-iffrankar tat-taxxa tal-boll u jirċievu l-għotja ta’ €10,000 fuq medda ta’ għaxar snin imma qed igawdu wkoll minn skema li tagħti lill-ewwel xerrejja tal-proprjetà sa massimu ta’ €9,000 meta jinvestu fi propjetà sostenibbli. B’hekk b’kollox il-first-time buyers, li fil-maġġoranza assoluta huma żgħażagħ, qed igawdu f’madwar €30,000 għajnuna mill-Gvern.

Fakkar kif il-Gvern wettaq riformi kbar fis-settur tal-akkomodazzjoni fejn qed tingħata assistenza lil min jikri, kif ukoll qed issir ġustizzja mas-sidien. Fil-fatt bosta familji li kienu f’riskju li jiġu żgumbrati minn kirjiet ta’ qabel l-1995 issa qed jiġu megħjuna. Huwa rrefera ukoll għall-iskema New Hope li qed tagħti l-possibbiltà lil dawk li kellhom kundizzjoni ta’ saħħa biex huma wkoll ikunu jistgħu jsiru sidien ta’ darhom. Il-Prim Ministru temm jgħid li permezz ta’ dawn l-inizjattivi, il-Gvern qed jagħti tama u futur aħjar lill-familji u jagħtihom kwalità ta’ ħajja aħjar.

Fl-istess konferenza tal-aħbarijiet tkellem ukoll l-Arċisqof ta’ Malta Charles Scicluna, li laqa’ l-fażi li jmiss tal-Fondazzjoni u ddeskriviha bħala, “espressjoni tanġibbli tal-impenn dejjiemi tas-soċjetà tagħna lejn ġustizzja soċjali u ekonomika. L-aċċess għal akkomodazzjoni sikura u dinjituża mhuwiex biss tħassib materjali, iżda wkoll morali. Kull persuna, irrispettivament mid-dħul, ħaqqha post li tista’ ssejjaħlu dar.” L-Arċisqof enfasizza li permezz tal-irwol attiv tagħha fil-Fondazzjoni u d-donazzjoni ta’ art li kienet tat biex tintuża għal skopijiet soċjali, il-Knisja qed tikkontribwixxi b’mod konkret u sinifikanti billi tagħti ġustizzja soċjali lil dawk li tħallew barra mis-suq tal-proprjetà.

Indirizza ukoll il-konferenza tal-aħbarijiet, il-Ministru għall-Akkomodazzjoni Soċjali u Affordabbli Roderick Galdes, li sostna li permezz ta’ dan il-proġett se jkomplu jbiddlu l-ħolm ta’ bosta familji f’realtà. Il-Ministru aċċenna għal diversi skemi li dan il-Gvern fassal fosthom l-iskema ta’ Depożitu ta’ 10%, Equity Sharing, Social Loan, New Hope u Sir Sid Darek, li permezz tagħhom l-Awtorità tad-Djar mill-2017 ’l hawn għenet madwar familja kull jumejn issir sid ta’ darha. Il-Ministru spjega li minkejja dawn ir-riżultati sbieħ, dan il-Gvern se jibqa’ jaħdem favur miżuri ta’ akkomodazzjoni affordabbli u kien għalhekk li għamel pass hekk importanti meta ttrasferixxa erba’ siti ta’ artijiet lill-Fondazzjoni sabiex jitwettaq il-proġett Djar Affordabbli. “Permezz ta’ dan il-proġett se nkunu qegħdin inwieżnu l-bżulija tal-familji tagħna u nkunu ta’ spalla għalihom sabiex jilħqu l-aspirazzjonijiet tagħhom u jsiru sidien ta’ dar,” ikkonkluda l-Ministru Galdes.

Min-naħa tiegħu, il-Kap Eżekuttiv tal-Fondazzjoni għall-Akkomodazzjoni Affordabbli, Dr Jake Azzopardi, iddeskriva l-inizjattiva bħala innovattiva u sostenibbli li tassigura li kull min jaħdem f’Malta jista’ jkun jiflaħ jixtri dar. Dr Azzopardi żied jgħid kif dan il-mudell ġdid joffri triq ċerta u affordabbli lin-nies biex isiru sidien ta’ darhom waqt li jassigura qligħ xieraq lil min jibni mingħajr lok għall-ispekulazzjoni.

Għal aktar informazzjoni dwar din l-inizjattiva tinsab fuq is-sit affordablehousing.mt. Dettalji dwar kif tista’ tgawdi minn din l-inizjattiva se jkunu fuq is-sit imsemmi, iżjed ’il quddiem

PR251211

Il-Ħamis filgħaxija, fil-Palazz tal-Girgenti, ittellgħet b’suċċess ir-raba’ edizzjoni tal-kunċert ‘A Night at the Palace’, bis-sehem tal-Orkestra Filarmonika Nazzjonali. Waqt il-kunċert inġabru donazzjonijiet b’risq il-programm ‘Strong Minds’ ta’ Special Olympics Malta.

Il-programm ‘Strong Minds’ joffri tagħlim li jwassal għal żvilupp ta’ ħiliet ġodda biex l-atleti jadattaw għal ċirkostanzi differenti li jiltaqgħu magħhom. Bid-donazzjonijiet, Special Olympics Malta se tkompli ssaħħaħ dan il-programm biex tkun tista’ toffri iktar inizjattivi, fosthom screening tas-saħħa mentali tal-atleti biex ikun hemm sistema iktar robusta li tidentifika riskji fi stadju kmieni u tirreferi lil min ikollu bżonn għand professjonisti fil-komunità.

Il-Prim Ministru Robert Abela, flimkien ma’ Dr Lydia Abela u binthom Giorgia Mae, iltaqgħu ma’ bosta familji li attendew għal din is-serata mużikali b’għan nobbli, u rringrazzjawhom għall-ġenerożità tagħhom lejn il-programm ‘Strong Minds’ li jħalli tant ġid.

Waqt il-kunċert, l-Orkestra Filarmonika ta’ Malta taħt id-direzzjoni tal-Maestro Aurelio Belli, flimkien mal-kantanti Amber, Richard Edwards u Gloriana Arpa Belli, wasslu lill-udjenza xogħlijiet mużikali ikoniċi minn films u musicals rinomati.