PR251226
07/07/2025
Bosta familji se jsiru sidien ta’ darhom billi jixtru proprjetà 30% irħas mill-prezz fis-suq
Il-Prim Ministru Robert Abela ħabbar li ħierġa s-sejħa biex jibda l-bini fuq il-proġett t’akkomodazzjoni affordabbli, li se jkun qed joħloq mal-260 dar biex jinxtraw minn persuni li ma jikkwalifikawx għal post mill-Awtorità tad-Djar iżda jeħtieġu għajnuna biex isiru sidien ta’ darhom. B’hekk se jkunu jistgħu jixtru dar bi 30% inqas il-prezz tas-suq permezz ta’ inizjattiva mill-Fondazzjoni għall-Akkomodazzjoni Affordabbli, li hi kollaborazzjoni bejn il-Gvern u l-Knisja.
Dan il-proġett hu immirat għall-individwi u koppji bi dħul baxx sa medju, li jaqilgħu sa €33,000 fis-sena fil-każ ta’ individwi, u €38,000 fis-sena fil-każ ta’ koppji. Il-Fondazzjoni għall-Akkomodazzjoni Affordabbli qed tniedi espressjoni t’interess għad-disinn u l-iżvilupp ta’ dawn id-djar ġodda f’Ħal Kirkop, il-Fgura, San Ġiljan u Wied il-Għajn. Fl-erba’ lokalitajiet kien hemm artijiet pubbliċi li l-Gvern għadda lill-Fondazzjoni, liema wħud mill-artijiet fil-passat kienu għaddew mill-Knisja għand il-Gvern. Is-sejħa hija mmirata għal dawk l-iżviluppaturi li jistgħu joffru soluzzjonijiet t’akkomodazzjoni innovattivi u sostenibbli fost oħrajn bi standards għolja.
F’konferenza tal-aħbarijiet, il-Prim Ministru Robert Abela saħaq kif permezz ta’ dan il-proġett qed jintlaħaq għan soċjali importanti li bih se jingħata futur aħjar lil 260 familja. Il-Prim Ministru nnota kif dan huwa mudell innovattiv li jagħti garanzija biex il-missjoni tal-Gvern, li jaċċerta li kulħadd ikollu dar, tista’ tibqa’ tiġi mwettqa. Filwaqt li nnota b’sodisfazzjon kif ċifri uffiċjali juru li 85% tal-Maltin u l-Għawdxin huma sidien ta’ darhom, huwa sostna li l-Gvern se jibqa’ impenjat jaħdem favur akkomodazzjoni affordabbli għal kulħadd.
Dr Abela semma kif dan il-proġett qed jibni fuq diversi inizjattivi u għajnuniet oħra li qed jagħti l-Gvern biex aktar nies jsiru sidien ta’ darhom. Fosthom il-first-time buyers, li issa mhux biss qed jiffrankaw miż-żieda tal-iffrankar tat-taxxa tal-boll u jirċievu l-għotja ta’ €10,000 fuq medda ta’ għaxar snin imma qed igawdu wkoll minn skema li tagħti lill-ewwel xerrejja tal-proprjetà sa massimu ta’ €9,000 meta jinvestu fi propjetà sostenibbli. B’hekk b’kollox il-first-time buyers, li fil-maġġoranza assoluta huma żgħażagħ, qed igawdu f’madwar €30,000 għajnuna mill-Gvern.
Fakkar kif il-Gvern wettaq riformi kbar fis-settur tal-akkomodazzjoni fejn qed tingħata assistenza lil min jikri, kif ukoll qed issir ġustizzja mas-sidien. Fil-fatt bosta familji li kienu f’riskju li jiġu żgumbrati minn kirjiet ta’ qabel l-1995 issa qed jiġu megħjuna. Huwa rrefera ukoll għall-iskema New Hope li qed tagħti l-possibbiltà lil dawk li kellhom kundizzjoni ta’ saħħa biex huma wkoll ikunu jistgħu jsiru sidien ta’ darhom. Il-Prim Ministru temm jgħid li permezz ta’ dawn l-inizjattivi, il-Gvern qed jagħti tama u futur aħjar lill-familji u jagħtihom kwalità ta’ ħajja aħjar.
Fl-istess konferenza tal-aħbarijiet tkellem ukoll l-Arċisqof ta’ Malta Charles Scicluna, li laqa’ l-fażi li jmiss tal-Fondazzjoni u ddeskriviha bħala, “espressjoni tanġibbli tal-impenn dejjiemi tas-soċjetà tagħna lejn ġustizzja soċjali u ekonomika. L-aċċess għal akkomodazzjoni sikura u dinjituża mhuwiex biss tħassib materjali, iżda wkoll morali. Kull persuna, irrispettivament mid-dħul, ħaqqha post li tista’ ssejjaħlu dar.” L-Arċisqof enfasizza li permezz tal-irwol attiv tagħha fil-Fondazzjoni u d-donazzjoni ta’ art li kienet tat biex tintuża għal skopijiet soċjali, il-Knisja qed tikkontribwixxi b’mod konkret u sinifikanti billi tagħti ġustizzja soċjali lil dawk li tħallew barra mis-suq tal-proprjetà.
Indirizza ukoll il-konferenza tal-aħbarijiet, il-Ministru għall-Akkomodazzjoni Soċjali u Affordabbli Roderick Galdes, li sostna li permezz ta’ dan il-proġett se jkomplu jbiddlu l-ħolm ta’ bosta familji f’realtà. Il-Ministru aċċenna għal diversi skemi li dan il-Gvern fassal fosthom l-iskema ta’ Depożitu ta’ 10%, Equity Sharing, Social Loan, New Hope u Sir Sid Darek, li permezz tagħhom l-Awtorità tad-Djar mill-2017 ’l hawn għenet madwar familja kull jumejn issir sid ta’ darha. Il-Ministru spjega li minkejja dawn ir-riżultati sbieħ, dan il-Gvern se jibqa’ jaħdem favur miżuri ta’ akkomodazzjoni affordabbli u kien għalhekk li għamel pass hekk importanti meta ttrasferixxa erba’ siti ta’ artijiet lill-Fondazzjoni sabiex jitwettaq il-proġett Djar Affordabbli. “Permezz ta’ dan il-proġett se nkunu qegħdin inwieżnu l-bżulija tal-familji tagħna u nkunu ta’ spalla għalihom sabiex jilħqu l-aspirazzjonijiet tagħhom u jsiru sidien ta’ dar,” ikkonkluda l-Ministru Galdes.
Min-naħa tiegħu, il-Kap Eżekuttiv tal-Fondazzjoni għall-Akkomodazzjoni Affordabbli, Dr Jake Azzopardi, iddeskriva l-inizjattiva bħala innovattiva u sostenibbli li tassigura li kull min jaħdem f’Malta jista’ jkun jiflaħ jixtri dar. Dr Azzopardi żied jgħid kif dan il-mudell ġdid joffri triq ċerta u affordabbli lin-nies biex isiru sidien ta’ darhom waqt li jassigura qligħ xieraq lil min jibni mingħajr lok għall-ispekulazzjoni.
Għal aktar informazzjoni dwar din l-inizjattiva tinsab fuq is-sit affordablehousing.mt. Dettalji dwar kif tista’ tgawdi minn din l-inizjattiva se jkunu fuq is-sit imsemmi, iżjed ’il quddiem







