Month: July 2025

PR251201

Se toħroġ is-sejħa għal trasport bil-baħar minn tas-Sliema lejn Għawdex b’waqfa f’Buġibba fejn is-servizz bejn Buġibba għal tas-Sliema se jkun parti minn tal-linja bil-baħar – servizz offrut mingħajr ħlas

L-Erbgħa filgħaxija, il-Prim Ministru Robert Abela inawgura l-proġett tal-breakwater u moll, proġett b’investiment ta’ kważi €14-il miljun. Dr Robert Abela saħaq fuq l-impenn tal-Gvern li jkompli jsaħħaħ it-trasport domestiku bil-baħar. Dan hekk kif ħabbar li se tkun qed toħroġ sejħa għall-proposti mill-privat għall-operat ta’ servizz ta’ trasport bil-baħar bejn tas-Sliema, Buġibba u Għawdex. B’hekk jkollna trasport tal-baħar aktar effikaċi u użat iżjed mhux biss bejn il-fliegu u l-portijiet ewlenin iżda ukoll lil hinn. Huwa żied jgħid li l-użu ta’ dan is-servizz se jkompli jiġi inċentivat billi jiġu offruti numru ta’ rotot bla ħlas, fosthom dik ta’ bejn Buġibba u tas-Sliema.

B’investiment parti minnhom minn fondi Ewropej, Infrastructure Malta lestiet fil-ħin il-bini ta’ breakwater u l-moll f’Buġibba. B’tul ta’ 180 metru dan il-breakwater se jkun qed iservi sabiex jitnaqqas l-impatt tal-mewġ fil-bajja kif ukoll jipprovdi protezzjoni superjuri għall-irmiġġ ta’ dgħajjes tas-sajd u bastimenti żgħar. Mal-breakwater prinċipali nbniet fergħa b’tul ta’ 36 metru li tipprovdi kenn akbar u rmiġġ aktar sigur f’kundizzjonijiet tat-temp diffiċli flimkien ma’ terminal mgħammar b’waiting areas imkennija u faċilitajiet oħra li jaqdu l-bżonnijiet tal-passiġġieri li jivvjaġġaw bil-baħar.

Il-Prim Ministru semma kif din is-sena n-nefqa fuq proġetti b’investiment kapitali mistennija tiżboq il-biljun Ewro. Dan huwa d-doppju ta’ dak li kien jintefaq fl-amministrazzjoni preċedenti. Huwa qal li dan l-investiment infrastrutturali huwa frott ħidma ta’ Gvern li stinka biex tkompli tissaħħaħ u tikber ekonomija dinamika u reżiljenti, flimkien mal-abbiltà tal-gvern li jinnegozja pakkett sostanzjali ta’ fondi Ewropej li qed jintefqu, fost l-oħrajn, fuq proġetti infrastrutturali li jagħtu valur miżjud fil-ħajja ta-ċittadini.

Il-Ministru għat-Trasport, l-Infrastruttura u x-Xogħlijiet Pubbliċi, Chris Bonett spjega kif il-moll u ferry landing ġdid ta’ Buġibba huma pass ieħor ’il quddiem fil-viżjoni tal-Gvern għat-trasport bil-baħar. L-investiment bla preċedent f’dan is-settur fl-aħħar snin wassal għal żidiet rekord fin-numru ta’ passiġġieri Maltin li jagħmlu użu minnu. Il-moll ta’ Buġibba se jservi għal operat ġdid tas-servizz tal-fast ferry minn Tas-Sliema sal-Imġarr Għawdex. Kompla billi qal li s-servizz tat-trasport bil-baħar ser jiġi integrat ma’ dak fuq l-art biex pajjiżna jkollu multi-modal transport system. “Bil-potenzjal li fih dan il-mezz tat-trasport alternattiv, illum intlaħaq tragward importanti biex tiġi faċilitata l-ħajja ta’ kuljum ta’ ħafna Maltin u Għawdxin. Fis-snin li ġejjin, it-trasport marittimu ser jgħaddi għal-livell li jmiss. Għax akbar ma tkun l-isfida, akbar hi l- opportunità”, temm jgħid il-Ministru Bonett.

Fid-diskors tiegħu, il-Ministru għall-Fondi Ewropej u l-Implimentazzjoni tal-Programm Elettorali, Stefan Zrinzo Azzopardi, spjega kif dan il-proġett jagħmel parti minn proġett usa’ bl-isem ta’ SMITHS, li permezz tiegħu qed isiru investimenti kbar madwar Malta u Għawdex għal trasport ekoloġiku u mezzi alternattivi fuq il-baħar u fuq l-art. Huwa qal li dan il-proġett f’Buġibba huwa parti minn din il-viżjoni, li permezz ta’ investiment sostanzjali ieħor minn fondi Ewropej qed toffri lill-pubbliku għażliet ġodda u prattiċi ta’ vjaġġar. “Bil-fondi Ewropej, qed nibnu alternattivi aktar sostenibbli u effiċjenti ta’ trasport min dawk tradizzjonali – mezzi li mhux biss itaffu t-traffiku fuq l-art, imma joffru konnessjonijiet aħjar u aktar sostenibbli għat-Tramuntana ta’ Malta”, qal il-Ministru Zrinzo Azzopardi.

PR251193

F’konferenza tal-aħbarijiet li fiha ġiet preżentata riforma dwar uffiċjali pubbliċi u dawk f’entitajiet, il-Prim Ministru Robert Abela saħaq li din il-bidla hija pass ieħor importanti biex inkomplu nsostnu lill-ħaddiema u uffiċjali tagħna fl-amministrazzjoni pubblika, dawk li kuljum jaqdu dmirhom b’sens ta’ dover u lealtà lejn pajjiżhom u lejn il-poplu Malti u Għawdxi. Huwa żied jgħid li din ir-riforma mhux biss kwistjoni ta’ liġi, iżda wkoll kwistjoni ta’ ġustizzja u rispett lejn dawk li jaqdu lill-pajjiż. Hija l-intenzjoni tal-Gvern li jara li l-Att dwar ir-responsabiltà ċivili ta’ persuni li jokkupaw kariga pubblika u ta’ entitajiet pubbliċi, jgħaddi mill-istadji kollha tal-Parlament qabel dan jaġġorna għall-vaganzi tas-sajf.

Il-liġi proposta tkopri uffiċjali pubbliċi, membri tas-Servizz Pubbliku u membri ta’ korpi dixxiplinati, kif ukoll dawk li għandhom kariga stabbilità mill-Kostituzzjoni, meta fil-konfront tagħhom ikun hemm sentenzi u danni ċivili relatati mal-qadi ta’ dmirijiethom fil-kapaċità tal-kariga pubblika li jservu fiha.

L-abbozz jgħid b’mod ċar li jekk l-azzjoni jew id-deċiżjoni tittieħed fl-eżerċizzju ta’ funzjoni pubblika u mingħajr intenzjoni kriminali doluża jew negliġenza grossolana, l-Istat se jkun dak li jagħmel tajjeb għad-danni ordnati, flimkien ukoll mal-ispejjeż legali relattivi mal-każ. Fl-istess waqt jekk ikun hemm każ, il-Gvern jidħol ukoll parti fil-proċeduri u jsostni l-pożizzjoni tiegħu quddiem il-Qorti.

Il-Prim Ministru Robert Abela qal li l-poplu għandu dritt għal amministrazzjoni pubblika li taħdem b’mod effettiv u b’serenità, għalhekk il-Gvern irid li jagħti s-serħan tal-moħħ lil dawk li jservu sabiex ikunu jistgħu jaqdu dmirhom mingħajr biża’ li jistgħu jispiċċaw f’xi kawża legali mhux mixtieqa. Il-Prim Ministru semma kif din ir-riforma hija parti minn viżjoni usa’ ta’ tisħiħ tas-Servizz Pubbliku, viżjoni li f’dawn l-aħħar xhur u snin rajnieha titwettaq b’mod konsistenti. Dan hekk kif fakkar kif ftit tax-xhur ilu ġie ffirmat ftehim kollettiv li ta żidiet fil-paga u poġġa l-pedament għal titjib fis-sigurtà tal-impjieg u fil-kundizzjonijiet tax-xogħol għal 33,000 ħaddiem. 

Dan filwaqt li qed ikompli jissaħħaħ l-investiment fil-ħaddiema taċ-Ċivil anki fl-għodda mogħtija lilhom fosthom l-investiment ta’ €4 miljun ma’ Microsoft f’sistema ġdida tal-intelligenza artifiċjali Co-Pilot sabiex l-uffiċjali jkunu jistgħu jaqdu l-qadi ta’ dmirijiethom b’mod aktar effiċjenti u joffru l-aħjar servizzi possibbli għaċ-ċittadini.

Dr Abela fakkar fil-11-il ftehim iffirmati fix-xahrejn li għaddew li saħħew il-pagi u l-kundizzjonijiet ta’ madwar 1,100 ħaddiem taċ-Ċivil. Huwa enfasizza li l-Gvern se jibqa’ jkun it-tarka tal-ħaddiem, mhux biss billi jara li jkompli jtejjeb u jsaħħaħ il-kundizzjonijiet tax-xogħol u s-salarji, iżda wkoll billi jsostni u jappoġġja lill-ħaddiema taċ-Ċivil b’mod legali u istituzzjonali.

Il-Ministru għall-Ġustizzja u r-Riforma fis-Settur tal-Kostruzzjoni, Jonathan Attard, qal, “Din il-liġi toffri protezzjoni b’responsabbiltà u tirrifletti sistema legali matura li tifhem il-kumplessità tal-amministrazzjoni pubblika. Hija liġi li tinkoraġġixxi t-teħid ta’ deċiżjonijiet responsabbli, filwaqt li trażżan l-abbuż tal-poter u tissalvagwarda d-drittijiet legali taċ-ċittadini. Din il-liġi tirrikonoxxi li dawk kollha li jwettqu funzjoni pubblika għandhom ikunu f’pożizzjoni li jaqdu d-dmir tagħhom mingħajr biża’ li jispiċċaw personalment responsabbli għal nuqqasijiet ġenwini. Madankollu, tagħmilha ċara wkoll li din il-protezzjoni mhijiex assoluta. Jekk in-nuqqasijiet jitwettqu b’negliġenza grossolana jew b’intenzjoni kriminali doluża, dawn ma jiġux moħbija taħt il-protezzjoni tal-kariga pubblika.

Dan huwa pass importanti biex nassiguraw serħan il-moħħ lil dawk li jaqdu d-dmir tagħhom b’rieda tajba u skont il-liġi, b’lealtà lejn il-pajjiż. Fl-istess waqt, huwa pass kontra kull min jipprova jipparalizza l-ħidma tal-amministrazzjoni pubblika amministrazzjoni li hija s-sinsla ta’ pajjiżna. “Dan huwa gvern li b’sens ta’ ġustizzja qed ikun fuq in-naħa ta’ dawk li jaqdu l-funzjoni pubblika tagħhom b’mod ġust u mingħajr biża’, iżda li jassigura wkoll li dawk li jonqsu jġorru r-responsabbiltà tagħhom,” qal il-Ministru Attard.

Il-Kap tas-Servizz Pubbliku Tony Sultana sostna li f’pajjiż li qed jevolvi b’rata daqstant mgħaġġla, l-amministrazzjoni pubblika qed tkun iktar dinamika biex tkun viċin in-nies. Dan ifisser aktar sfidi u pressjoni ta’ xogħol, flimkien ma’ deċiżjonijiet li jridu jittieħdu malajr fuq operat aktar kumpless. “Dawn huma deċiżjonijiet li jittieħdu mill-impjegati kollha f’kull livell. Għaldaqstant mhuwiex ġust li nippretendu li tali ħaddiema jlaħħqu mad-domanda ta’ pass mgħaġġel mingħajr ma noffrulhom serħan il-moħħ li jixirqilhom. Għalhekk nemmen li b’din ir-riforma mhux biss qed insaħħu s-Servizz Pubbliku imma wkoll lill-pubbliku li nservu,” temm jgħid is-Segretarju Permanenti Ewlieni.

PR251179

Tliet studenti u lettur tal-Università ta’ Malta li spiċċaw jaffaċċjaw akkużi kriminali wara li b’intenzjoni tajba żvelaw vulnerabbiltajiet tas-sigurtà f’app ingħataw il-maħfra Presidenzjali skont Aritkolu 93 tal-Kostituzzjonali ta’ Malta.

Dan wara impenn politiku li għamel il-Prim Ministru Robert Abela u r-rakkomandazzjoni tal-Kabinett tal-Ministri biex dawn it-tliet żgħażagħ u l-lettur ma jaffaċċjawx iżjed akkużi fuq każ ta’ ethical hacking.

Il-Prim Ministru kien sostna li din il-materja ma kelliex tiġi indirizzata biss mill-aspett legali iżda minn dak li hu ġust u sewwa fejn l-Istat għandu dejjem jieħu responsabbiltà meta jkun hemm meħtieġ aġġornament ta’ liġijiet tal-pajjiż biex jirriflettu r-realtajiet teknoloġiċi.

B’hekk taħt impenn politiku, il-Gvern indirizza inġustizzja ma’ dawn iż-żgħażagħ u lettur taħt prerogattiva li għandu l-Kabinett u l-proċeduri kriminali kontra l-individwi inkwistjoni intemmu fl-intier tagħhom.