PR241887
20/11/2024
F’laqgħa fil-Berġa ta’ Kastilja mal-President-elett tal-Kunsill Ewropew António Costa, il-Prim Ministru Robert Abela tkellem dwar diversi temi ta’ interessi komuni għal Malta u għall-Unjoni Ewropea.
Il-Prim Ministru Malti saħaq dwar il-ħtieġa li nkomplu naħdmu għal Suq Waħdieni li jaħdem għal kulħadd sabiex insaħħu l-kompetittività tal-Unjoni Ewropea. Huwa qal li għandu jiġi assigurat aċċess ugwali għal kull Stat Membru, u semma kif setturi kruċjali bħal dak tal-farmaċewtika u tal-merkanzija għadhom jaffaċċjaw ostakli li jipprevjenu li l-għanijiet tas-Suq Waħdieni jilħqu l-potenzjal massimu tiegħu. Il-Prim Ministru Robert Abela qal li Malta hija impattata b’dan u għalhekk bħala pajjiż nisħqu kontra l-politika ta’ “one-size-fits-all”. Dr Abela spjega kif f’kuntest ta’ qalbiet diġitali u ambjentali rridu nsaħħu l-politika tal-inċentiv biex inkomplu nimbuttaw lejn l-innovazzjoni u tkabbir ta’ kwalità fost l-intrapriżi żgħar u medji, li huma s-sinsla tal-ekonomija.
Fil-laqgħa ma’ Costa, li mistenni jibda t-terminu tiegħu bħala President tal-Kunsill Ewropew mill-1 ta’ Diċembru 2024, il-Prim Ministru Robert Abela qajjem ukoll it-tema tal-immigrazzjoni u l-importanza li tkompli l-koperazzjoni ma’ pajjiżi fl-Afrika ta’ Fuq, b’mod partikolari mal-Libja. Huwa saħaq li bħala Unjoni Ewropea rridu soluzzjonijiet innovattivi u sostenibbli sabiex jiġi assigurat li filwaqt li tingħata l-protezzjoni lil min ħaqqu, dawk li ma ħaqqhomx l-ażil ikunu rritornati lejn il-pajjiż tal-oriġinu b’mod effettiv.
Matul il-laqgħa ġie diskuss ukoll l-irwol tal-Unjoni Ewropea fil-gwerra tal-Lvant Nofsani, fejn il-Prim Ministru Robert Abela tenna li fuq livell Ewropew irridu nibqgħu naħdmu lejn is-soluzzjoni ta’ żewġ stati li tiggarantixxi stabbiltà u paċi. Dwar is-sitwazzjoni fl-Ukrajna, qal li rridu nibqgħu naħdmu attivament għall-paċi u fl-istess ħin inħarsu lejn ir-rikostruzzjoni ta’ dan il-pajjiż. Huwa spjega li Malta qed taħdem fuq inizjattivi li jagħtu mill-ġdid il-ħajja f’komunitajiet permezz anki ta’ proġetti soċjali. Fl-isfond tal-eżitu tal-elezzjoni fl-Istati Uniti, il-Prim Ministru Malti saħaq li l-Unjoni Ewropea għandha tara li ssaħħaħ ir-relazzjoni transatlantika li tibqa’ kruċjali għall-paċi u l-istabbiltà madwar id-dinja.
Matul iż-żjara tiegħu f’pajjiżna, il-President-elett tal-Kunsill Ewropew António Costa żar ukoll flimkien mal-Prim Ministru Robert Abela l-ewwel Spazju Internazzjonali għall-Arti Kontemporanja ta’ Malta, il-MICAS, fil-Florjana u l-Kon-Katidral ta’ San Ġwann. Dr Abela awgura lil Costa għall-ħidma bit-tmexxija tal-Kunsill Ewropew u sostna li jħares ’il quddiem għal koperazzjoni b’saħħitha sabiex il-Kunsill Ewropew ikompli jiffaċilita diskussjonijiet importanti li jolqtu l-ħajja tan-nies u jibqa’ jipprovdi gwida politika effettiva li tindirizza l-isfidi komuni għaċ-ċittadini u n-negozji tagħna.