Month: November 2024

PR241877

Il-Prim Ministru Robert Abela jindirizza l-ftuħ tal-konferenza nazzjonali ta’ Property Malta

“Persuni li jkunu jridu jirtiraw se nagħtuhom ċ-ċans li jkunu jistgħu jibqgħu jgħallmu s-sengħa tagħhom u jieħdu kumpens ta’ hekk, waqt li jieħdu l-pensjoni.”

Sostna dan il-Prim Ministru Robert Abela hekk kif kien qed jindirizza l-ftuħ tal-konferenza Nazzjonali ta’ Property Malta li fiha nħareġ ukoll it-tmien edizzjoni tar-rapport dwar l-industrija tal-kostruzzjoni u s-suq tal-propjetà.

Fil-fatt, il-Prim Ministru sostna kif dan ir-rapport jiffoka fuq tliet temi li jaqblu perfettament mal-prijoritajiet li qed imexxi l-Gvern, jiġifieri kwalità fis-settur tal-kostruzzjoni, viżjoni strateġika u t-tnaqqis tal-iskariġġ fuq in-nies u l-effetti negattivi li jista’ jġib miegħu l-iżvilupp.

Il-Prim Ministru rrimarka mill-ġdid l-importanza tal-ekonomija li twassal għall-kwalità u għalhekk ir-riformi li beda jimplimenta l-Gvern fosthom fil-qasam tal-kostruzzjoni.

Qal li t-tkabbir ekonomiku għandu jkompli jasal mhux għal sempliċi tkabbir imma biex b’dak it-tkabbir intejbu l-kwalità tal-ħajja tan-nies.

“Insemmi biss biss l-introduzzjoni ta’ liċenzji għall-kuntratturi. Qabel din ir-riforma kulħadd seta’ jaqbad u jidħol għal xogħol ta’ żvilupp,” sostna l-Prim Ministru hekk kif aċċenna wkoll għall-introduzzjoni tal-iskill card għall-ħaddiema li jaħdmu fl-istess industrija.

Kien hawn li l-Prim Ministru sostna iżda l-prijorità mill-ġdid li dan il-Gvern qed jagħti l-isnajja’ u l-miżura li permezz tagħha aktar persuni se jkunu jistgħu jikkontribwixxu biex jgħallmu l-isnajja’ lill-ġenerazzjonijiet iżgħar filwaqt li jkunu kkumpensati għalih.

“Imbagħad bħala Gvern nemmnu li s-settur tal-bini jrid ikun katalista tal-bidla ambjentali,” tenna wkoll il-Prim Ministru hekk kif irrimarka wkoll li l-Gvern diġà jagħti għajnuniet f’dan ir-rigward. Iżda Dr Abela sostna wkoll li jrid ikun hemm aktar inċentivi biex tiżdied id-domanda għal ċertu tip ta’ propjetajiet.

“Propjetajiet ta’ kwalità aktar għolja u li biex isiru jirrikjedu bidla fil-mod kif topera l-industrija tal-bini. Aħna nixtiequ li aktar mill-attività fis-settur tiffoka fuq rinnovar ta’ proprjetà ħalli nersqu aktar qrib il-miri ambjentali tagħna. Irridu li minflok jinbnew aktar appartamenti, id-domanda tkun għal proprjetà eżistenti jew propjetajiet b’estetika tradizzjonali,” tenna l-Prim Ministru.

Fi tmiem id-diskors tiegħu, il-Prim Ministru rrimarka li biex pajjiżna jwettaq b’suċċess il-qabża għall-kwalità, irridu industrija tal-bini differenti minn dik tal-lum, b’ħiliet aktar avvanzati fost oħrajn.

PR241862

Fil-Berġa ta’ Kastilja, il-Prim Ministru Robert Abela kellu laqgħa ma’ Glenn Micallef, il-Kummissarju Ewropew nominat minn Malta. Il-prim ministru feraħ lil Micallef għall-prestazzjoni eċċellenti tiegħu waqt il-grilling li sar quddiem Kumitat fi ħdan il-Parlament Ewropew. Dr Abela nnota b’sodisfazzjon li Micallef qed jiġi fdat b’portafoll importanti u kruċjali għall-preżent u l-ġejjieni tal-Unjoni Ewopea.

Fil-laqgħa, il-Prim Ministru Robert Abela fisser kif in-nominat Malti, li għandu l-Portafoll taż-Żgħażagħ, il-Ġustizzja Interġenerazzjonali, l-Isport u l-Kultura għandu quddiemu ħidma importanti li taħdem id f’id ma’ dik tal-Gvern Malti, li dejjem imbotta fuq temi marbuta ma’ riformi li taw aktar vuċi partikolarment liż-żgħażagħ. Il-prim ministru qal li pajjiżna jrid jibqa’ jara liż-żgħażagħ bħala l-mutur li jimbuttaw bidliet kontra l-istatus quo u favur it-titjib fil-kwalità ta’ aspetti differenti fil-ħajja tan-nies. Żied jgħid li l-ġustizzja bejn il-ġenerazzjonijiet flimkien mal-isport u l-kultura huma temi oħra importanti li l-gvern qed jaħdem fuqhom anki fil-Budget li ressaq biex pajjiżna jimxi għal-livell li jmiss, il-kwalità.

Glenn Micallef spjega kif se jkun qed jiltaqa’ ma’ diversi żgħażagħ mill-Istati Membri kollha, bil-Prim Ministru Robert Abela jistieden lil Micallef biex f’pajjiżna jindirizza laqgħa tal-Youth Advisory Forum fil-kuntest li pajjiżna huwa wieħed mill-Istati Membri b’forum tat-tip tiegħu. Dr Abela qal li pajjiżna qed ikompli juri bil-fatti li jemmen fiż-żgħażagħ li għandhom il-ħila u r-rieda li jressqu ’l quddiem ideat u jaħdmu favur il-ġid il-komuni. Il-Prim Ministru awgura kull suċċess lil Glenn Micallef fil-ħidma futura tiegħu b’risq Malta u l-Unjoni Ewropea.

PR241855

“Il-Gvern iħares lejkom bħala l-mutur ewlieni li permezz tiegħu dan il-pajjiż jista’ jkompli jinbidel u jirriforma ruħu għall-aħjar.” Dan kien il-messaġġ ewlieni tal-Prim Ministru Robert Abela waqt sessjoni oħra tal-Youth Advisory Forum fejn għaqdiet oħra taż-żgħażagħ kienu rappreżentati minn żgħażagħ li tkellmu fil-laqgħa li ddiskutiet il-Budget.

Fi tmiem diskussjoni oħra wara li sema’ liż-żgħażagħ f’Kastilja, il-Prim Ministru sostna l-importanza tal-involviment taż-żgħażagħ bħala xprun għal perspettivi oġġettivi u ideat friski. Dan aktar u aktar hekk kif illum il-Gvern jinsab f’pożizzjoni li jimbotta politika li tagħti prijorità lill-kwalità fuq il-kwantità.

Hawnhekk il-Prim Ministru rrimarka numru ta’ temi li huma kruċjali għall-ħajja ta’ kuljum ta’ kwalità għall-poplu Malti Għawdxi, fi sfond ta’ aktar deċiżjonijiet li jiżguraw tkabbir ekonomiku sostenibbli u investiment ta’ valur miżjud f’pajjiżna.

Ewlenin fost dawn it-temi kien hemm dak tal-ambjent, hekk kif Dr Abela saħaq li Gvern immexxi minnu se jibqa’ jagħti prijorità lill-ambjent u l-ħolqien ta’ spazji pubbliċi. “Sħaqt u insistejt li entitajiet bħal Project Green u d-Dipartiment għax-Xogħlijiet Pubbliċi jaħdmu dejjem aktar qrib ta’ xulxin. Biex f’kull proġett li nagħmlu nippromwovu s-sostenibbiltà,” sostna l-Prim Ministru.

Dr Abela indirizza wkoll suġġetti li ngħataw prominenza fil-Budget għas-sena d-dieħla fosthom is-saħħa mentali. Fil-fatt, il-Prim Ministru qal, “M’aħniex se nistrieħu qabel naraw il-kundizzjonijiet u l-mard relatati mal-moħħ trattati l-istess bħal mard ieħor. Proprju minħabba din ir-raġuni li ħabbarna miżuri konkreti kif se ngħinu lin-nies jidentifikaw aħjar u minn kmieni kemm jista’ jkun problemi ta’ saħħa mentali. Se nqarrbu s-servizzi tas-saħħa mentali qrib ħafna tan-nies, fil-lokalitajiet, flimkien mal-Kunsilli Lokali.”

Dwar il-qasam sportiv, il-Prim Ministru sostna kif hawn ukoll il-Gvern ra li jdaħħal il-miżura ta’  membership f’gym għal dawk li għandhom bejn 18 u 20 sena bħala messaġġ li l-attività fiżika hija l-qofol ta’ ħajja b’saħħitha u li jixirqilha l-importanza li tistħoqqilha fil-lista ta’ prijoritajiet tal-pajjiż.

“Irridu nibdewha minn qabel dak li jkun għalaq tmintax-il sena. Bdejna proġett pilota u sa sentejn oħra rridu naraw il-kulleġġi kollha attivi – biex l-istudenti tagħna jkollhom attività fiżika kuljum,” irrimarka l-Prim Ministru hekk kif semma wkoll miżuri li jimbuttaw bidla fil-kultura, fosthom għal aktar qari.

Il-Prim Ministru temm jgħid li filwaqt li jħares ’il quddiem biex fil-futur jara liż-żgħażagħ mal-mejda tad-deċiżjonijiet sadanittant dan il-Gvern se jkompli jistinka biex ikollna ekonomija u soċjetà stabbli u soda.

PR241815


“L-immigrazzjoni irregolari hija sfida komuni li lkoll qed naffaċċjaw u dan il-fenomenu jista’ biss jiġi miġġieled jekk naħdmu flimkien f’din il-komunità u ma’ pajjiżi li jmissu mar-rotot migratorji ewlenin.”

Dan kien il-messaġġ ewlieni tal-Prim Ministru Robert Abela waqt is-Summit tal-Komunità Politika Ewropea li ttella’ f’Budapest fl-Ungerija, li l-għan tiegħu huwa li jixpruna djalogu importanti u effettiv bejn is-27 stat membru tal-Unjoni Ewropea u pajjiżi oħra li jinsabu fil-kontinent Ewropew.

Filwaqt li tul dan is-summit ġew diskussi bi prominenza s-sigurtà fl-Ewropa b’rabta mal-aħħar żviluppi fl-Ukrajna u l-Lvant Nofsani, ir-riżultat elettorali fl-Istati Uniti, il-kunflitti fl-Afrika u l-ekonomija globali b’enfasi fuq l-enerġija, it-trasport u l-informatika, ingħata importanza wkoll is-suġġett tal-immigrazzjoni irregolari.

Hawnhekk il-Prim Ministru Robert Abela wassal messaġġ b’saħħtu dwar ir-realtajiet li jaffaċċjaw pajjiżi bħal Malta u b’hekk l-importanza li din l-isfida tiġi miġġielda b’rieda politika qawwija minn kulħadd.

“Dan huwa fenomenu kumpless u ma hemmx soluzzjoni waħda. Għalhekk irridu numru ta’ miżuri u inizjattivi minn aġenziji u msieħba differenti li jridu jkunu megħjuna wkoll minn finanzjament b’saħħtu. Miżuri nofs qalb mhux se jkunu biżżejjed.”

Kien hawn li l-Prim Ministru ppropona numru ta’ miżuri kontra l-immigrazzjoni irregolari fosthom komunikazzjoni aħjar ma’ immigranti prospettivi dwar ir-riskji tal-vjaġġi perikolużi li jagħmlu, koperazzjoni u investiment f’pajjiżi importanti bħal-Libja u l-appoġġ biex jitkissru ċ-ċrieki ta’ kriminalità b’rabta mat-traffikar tal-bnedmin.

“Irridu nuru li għandna l-kontroll u rridu nagħmluha ċara li aħna ma naċċettawx traffikanti tal-bnedmin li jiddeterminaw huma min jidħol f’pajjiżna”, sostna l-Prim Ministru.

Intant, il-Prim Ministru Robert Abela rreaġixxa għar-riżultat elettorali fl-Istati Uniti hekk kif Donald Trump ġie elett President. Filwaqt li mill-ġdid feraħ lill-president elett, Dr Abela sostna li l-Ewropa hija lesta li tkompli ssaħħaħ ir-relazzjoni tagħha mal-Istati Uniti filwaqt li flimkien magħha tasal għal għanijiet komuni.

“Naqbel mal-kollegi tiegħi li għalissa għandna nħallu s-sitwazzjoni tikkalma hekk kif l-affarijiet se jkomplu jiċċaraw fiż-żmien li ġej. L-għaqda u l-koperazzjoni se jkunu ċ-ċavetta għat-triq ’il quddiem. Irridu nirreżistu t-tentazzjoni li niżolaw ruħna għaliex hekk ikollna aktar x’nitilfu. Konna f’din l-istess pożizzjoni qabel, u b’hekk għandna nħarsu lejn l-esperjenza li għandna u nitgħallmu minnha”, temm jgħid il-Prim Ministru.