Il-Prim Ministru jżur l-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex u jara servizzi ġodda li se jiġu offruti.
Il-Prim Ministru Robert Abela, akkumpanjat mill-Ministru għal Għawdex u l-Ippjanar Clint Camilleri u l-Ministru għas-Saħħa u l-Anzjanità Attiva Jo Etienne Abela, żar l-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex fejn bħalissa għaddej programm estensiv ta’ investiment li qed jittrasforma u jimmodernizza l-kura tas-saħħa f’Għawdex.
Matul din iż-żjara, il-Prim Ministru seta’ jara l-proġetti ewlenin li tlestew fl-aħħar sentejn, fosthom l-installazzjoni tas-sistema l-ġdida ta’ MRI li sa issa wettqet ’il fuq minn 11,000 scan. Permezz ta’ din l-MRI ġdida naqas drastikament il-ħin ta’ stennija fuq livell nazzjonali hekk kif dan is-servizz qed jingħata lill-pazjenti Maltin ukoll li jagħżlu jmorru Għawdex għas-servizz. Din is-sena, fl-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex żdiedu wkoll CT scanner ġdid, magna ġdida tal-mammografija 3D, Magni Bi-PAP u CPAP ġodda u diversi tagħmir avvanzat, kif ukoll kamra iperbarika temporanja sakemm titlesta dik permanenti. Dawn l-avvanzi huma xhieda ta’ kemm il-Gvern qiegħed jinvesti fis-settur tas-saħħa f’Għawdex filwaqt li jkompli jsaħħaħ il-viżjoni ta’ sistema tas-saħħa aktar moderna, integrata u ċċentrata fuq il-pazjent.
Fl-Isptar Ġenerali hemm diversi proġetti li bħalissa jinsabu fi stadju ta’ twettiq, fosthom ir-rinnovar u l-espansjoni tat-Taqsima Kardjo-Respiratorja, l-espansjoni tad-Dipartimenttal-Outpatients li se jżid disa’ kliniċi ġodda u l-modernizzazzjoni sħiħa tal-laboratorju tal-isptar. Dawn l-avvanzi ser ikunu qed jżidu l-kapaċità tal-isptar f’dik li hija prevenzjoni, dijanjosi minn kmieni u trattament speċjalizzat.
Proġett ieħor kruċjali li ġie spjegat lill-Prim Ministru huwa l-helipad il-ġdid, li se jtejjeb il-ħin ta’ rispons f’każijiet ta’ emerġenza li jeħtieġu trasferiment immedjat lejn MaterDei. Barra minn hekk, l-isptar ser ikollu wkoll żona ġdida għall-inżul tad-drones. Dan biex il-kimoterapija u mediċini sensittivi oħra jkunu jistgħu jaslu direttament f’Għawdex mingħajr dewmien.
Il-Prim Ministru rringrazzja lit-tim kollu tal-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex u enfasizza kif l-investimenti li qed isiru għandhom għan wieħed ċar, li l-Għawdxin jingħataw l-aqwa servizz tas-saħħa f’Għawdex stess, mingħajr il-ħtieġa ta’ vjaġġi lejn Malta għal servizzi li issa qed jiġu provduti lokalment. Il-Prim Ministru Robert Abela nnota wkoll sala apposta għal persuni li jitilfu t-trabi (miscarriage ward) li saret riċentament hekk kif fil-passat persuni li kienu jitilfu t-trabi kienu jitħallew f’sala ma’ persuni li kien ikunu għadhom kif kellhom tarbija.
“Dak li qed naraw hawn illum huwa l-aqwa eżempju ta’ Gvern li jżomm kelmtu u jwettaq. Għawdex qed jirċievi l-ikbar investiment fil-kura tas-saħħa li qatt sar, u dan b’rispett lejn id-dinjità tal-pazjenti u lejn il-professjonisti li jaħdmu hawn. Il-mira tagħna hija waħda dik li l-Għawdxin jingħataw l-istess kwalità ta’ kura bħal Maltin, iżda eqreb lejn darhom”, stqarr il-Prim Ministru Robert Abela.






Recent Comments