Month: November 2025

PR252036

Waqt l-inawgurazzjoni tal-Verdala Wellness Hotel AX Privilege fir-Rabat Malta, il-Prim Ministru Robert Abela saħaq li pajjiżna qiegħed kulma jmur jistabbilixxi prodott turistiku li qed jagħtina l-opportunità nimxu dejjem aktar lejn turiżmu ta’ kwalità.

Akkumpanjat mid-Deputat Prim Ministru u Ministru għall-Affarijiet Barranin u t-Turiżmu Ian Borg, il-Prim Ministru Robert Abela nnota kif l-inawgurazzjoni ta’ dan l-investiment f’lukanda qed isir f’kuntest fejn is-settur turistiku Malti qed ikompli juri tkabbir sostenibbli. Dan għaliex pajjiżna mhux biss qed jirreġistra riżultati turistiċi pożittivi ferm fix-xhur tas-sajf, iżda qed jirreġistra wkoll riżultati tajbin matul il-bqija tal-istaġuni. Il-Prim Ministru semma kif sa Settembru li għadda, iż-żieda fin-numru ta’ turisti li żaru pajjiżna telgħet għal 12% fuq l-istess perjodu tas-sena ta’ qabel. Iktar importanti, in-nefqa tat-turisti f’pajjiżna fl-ewwel disa’ xhur tas-sena laħħqet it-tliet biljun ewro, kważi 20% aktar minn sena ilu. 

Huwa żied jgħid li l-prospetti għas-snin li ġejjin huma inkoraġġanti, xprunati anke mit-tisħiħ fil-konnettività u rotot ġodda, fosthom titjiriet diretti mill-Istati Uniti mis-sena d-dieħla. Il-Prim Ministru nnota li t-twessigħ fil-konnettività qed jagħtina l-opportunità nilħqu swieq ġodda u nattiraw turisti ta’ kwalità, filwaqt li nkomplu nsaħħu l-pożizzjoni ta’ Malta bħala destinazzjoni ewlenija fil-Mediterran.

Il-Prim Ministru Robert Abela saħaq li l-Gvern qed imexxi strateġija li tiffoka fuq turiżmu ta’ kwalità aktar milli fuq kwantità. Din id-direzzjoni hija riflessa fil-Viżjoni Malta 2050, viżjoni li tħares lejn tkabbir sostenibbli u lejn mudell turistiku li jikkontribwixxi b’mod aktar b’saħħtu għall-ekonomija u l-kwalità tal-ħajja dejjem aħjar tal-Maltin u Għawdxi. Dr Abela nnota wkoll kif dan l-investiment mill-AX Group qed ikompli jagħti kontribut konkret għall-iżvilupp tal-prodott turistiku Malti u għall-bidla lejn destinazzjoni li tiffoka fuq kwalità u valur miżjud. Il-proġett tal-AX Group jikkonsisti f’residenzi ta’ livell għoli u lukanda li toffri esperjenza distintiva għal persuni adulti.

PR252032

Il-Prim Ministru Robert Abela jżur l-aħħar xogħlijiet qabel il-ftuħ mill-ġdid tal-korsa taż-żwiemel

Il-Ħadd waranofsinhar il-Prim Ministru Robert Abela akkumpanjat mill-Ministru għall-Edukazzjoni, l-Isport, iż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni Clifton Grima żaru l-aħħar xogħlijiet li saru biex fil-jiem li ġejjin terġa’ tiftaħ il-korsa taż-żwiemel għall-kampjonat tat-tiġrijiet taż-żwiemel. Proġett li sar skont kif imwiegħed fil-programm ta’ ħidma tal-Gvern li jkompli jsaħħaħ l-infrastruttura sportiva f’pajjiżna. 

Il-Prim Ministru Robert Abela nnota kif din id-dixxiplina sportiva hi waħda importanti f’pajjiżna u rrimarka kif il-Gvern wettaq dak li wiegħed jiġifieri r-riġenerazzjoni tal-korsa taż-żwiemel fil-Marsa. Innota li fil-korsa taż-żwiemel fil-Marsa nħolqu faċilitajiet ta’ livell internazzjonali għat-tiġrijiet taż-żwiemel u t-taħriġ tagħhom fost l-oħrajn. Huwa saħaq li s-saħħa ekonomika ta’ pajjiżna tippermettilna li nkomplu ninvestu f’oqsma differenti mis-saħħa għall-edukazzjoni, mis-soċjal għall-familji u anki dawk ambjentali bil-pjanijiet ta’ żewġ parks nazzjonali fil-White Rocks u Manoel Island iżda mhux biss. Pajjiż ekonomikament b’saħħtu bħal Malta qed ikompli wkoll jinvesti fl-aqwa faċilitajiet sportivi għal dixxiplini sportivi differenti.

Waqt iż-żjara ġie spjegat lill-Prim Ministru kif il-komunità sportiva tad-dixxiplina tat-tiġrijiet taż-żwiemel dejjem kellha xewqa ta’ korsa ġdida ta’ kwalità li tista’ toffri aktar avvenimenti, professjonalità u serħan il-moħħ għall-isportivi. Ġie aċċennat ukoll li l-proġett kien intiż li jkompli jagħti prijorità lill-ħarsien tas-saħħa taż-żwiemel. Intqal kif il-korsa, li ġiet iddisinjata mill-Perit Malti Edwin Mintoff, taħt il-gwida tal-arkitett Żvediż Lars Sandstrom, issa tinsab fuq livell wieħed li tippermetti aktar veloċità u spettaklu għat-tiġrijiet waqt l-ipprattikar ta’ dan l-isport.

Il-korsa b’tul ta’ kilometru tipprovdi wkoll infrastruttura aktar sigura għaż-żwiemel. Xogħlijiet oħra li saru jinkludu sistema ta’ dawl ġdid fuq il-korsa ta’ ġewwa. Din se tkun qed toffri alternattiva aħjar għal taħriġ li jsir fid-dlam. Dan apparti li sar railing ġdid li jipprovdi s-sigurtà li hemm bżonn u t-tqegħid ta’ saffi differenti ta’ ġebel u ramel b’daqs u tipi varjati fuq il-wiċċ tal-korsa. Ġie spjegat ukoll li mad-dawra tal-korsa saret riġenerazzjoni bi tħawwil ta’ siġar ġodda.

Il-Prim Ministru Robert Abela temm jirringrazzja lil kull min kien involut fil-proġett u awgura kampjonat tat-tiġrijiet taż-żwiemel isbaħ f’korsa tal-ogħla livell.

PR252013

Waqt li kien qed jindirizza l-MedTech World Malta 2025, il-Prim Ministru Robert Abela ppreżenta l-viżjoni strateġika ta’ Malta biex tippożizzjona lilha nnifisha bħala ċentru ewlieni fl-Ewropa fl-oqsma tal-MedTech, life sciences u s-saħħa diġitali. Huwa sostna li din l-ambizzjoni nazzjonali hija mnaqqxa fil-Viżjoni Malta 2050.

MedTech World Malta 2025 huwa avveniment annwali li jiġbor flimkien aktar minn 2,000 delegat, u kelliema esperti minn madwar id-dinja. B’parteċipazzjoni wiesgħa ta’ startups, investituri u rappreżentanti tal-gvern minn bosta pajjiżi fosthom l-Istati Uniti, ir-Renju Unit, l-Ewropa, il-Lvant Nofsani u l-Asja.

Il-Prim Ministru nnota kif f’pajjiżna ġew introdotti diversi inċentivi immirati biex jappoġġjaw kemm innovaturi kif ukoll investituri. Dan flimkien ma’ qafas regolatorju mfassal apposta biex jattira teknoloġiji emerġenti mingħajr ma tiġi imminata s-sigurtà, l-etika jew il-ġid tal-pazjenti.

“L-innovazzjoni vera tiffjorixxi meta l-Gvern, l-akkademja, l-industrija u l-fornituri tal-kura tas-saħħa jaħdmu flimkien f’ekosistema kollaborattiva u unika,” saħaq il-Prim Ministru Robert Abela. Istituzzjonijiet bħall-Malta Enterprise, il-Malta Life Sciences Park, l-Università ta’ Malta u l-Ministeru għas-Saħħa qed jaħdmu f’sinerġija biex jinħoloq ambjent fejn ideat ġodda jistgħu mhux biss jiffjorixxu, imma jespandu u jagħmlu impatt globali. Dan l-approċċ kollaborattiv huwa assistit b’investiment qawwi fl-edukazzjoni u fit-taħriġ għall-iżvilupp tas-suq tax-xogħol, immirati sabiex jixprunaw il-ġenerazzjoni li jmiss ta’ xjenzati, inġiniera u esperti tas-saħħa diġitali. Huwa żied jgħid kif il-kollaborazzjonijiet li pajjiżna għandu ma’ istituzzjonijiet internazzjonali tar-riċerka qed ikomplu jsaħħu t-talent lokali f’dak li għandu x’jaqsam mal-bijoteknoloġija, l-inġinerija MedTech, l-intelliġenza artifiċjali u s-saħħa diġitali.

Il-Prim Ministru Robert Abela rrefera wkoll għall-aġilità ta’ Malta biex tippożizzjona lilha nnifisha bħala testbed għal dak li għandu x’jaqsam mas-saħħa diġitali u għall-pjattaformi tad-data fid-dinja reali. L-isptarijiet u l-kliniċi f’Malta u Għawdex diġà qed jimplimentaw proġetti fid-dijanjostika mmexxija mill-IA, telehealth, ir-robotika u s-sistemi diġitali. Dawn l-inizjattivi mhux biss qed itejbu r-riżultati tal-pazjenti, iżda qed juru wkoll il-kapaċità ta’ Malta li tħaddan l-innovazzjoni b’aġilità.

Dr Abela żied jgħid li Malta qed tkompli ssaħħaħ rabtiet internazzjonali ma’ ċentri tar-riċerka, sptarijiet u kumpaniji MedTech. Kollaborazzjonijiet bejn l-Università ta’ Malta u l-Isptar Mater Dei ma’ entitajiet privati qed jgħinu biex ir-riċerka xjentifika tinbidel f’soluzzjonijiet prattiċi u li jistgħu jintużaw għall-kura tas-saħħa. Il-Prim Ministru sostna li l-interess li dejjem qed jikber ta’ investituri, speċjalment f’oqsma tar-riċerka dwar l-onkoloġija u d-dijanjostika bl-IA, qed isaħħaħ ir-reputazzjoni ta’ Malta bħala pajjiż affidabbli f’dak li għandu x’jaqsam ma’ innovazzjoni ta’ valur għoli.

Min-naħa tiegħu, il-Ministru għall-Ekonomija, l-Intrapriża u l-Proġetti Strateġiċi, Silvio Schembri, sostna li l-progress li kiseb pajjiżna fit-trasformazzjoni diġitali saħħaħ il-pedamenti ta’ niċċa ekonomika ġdida – MedTech. “L-investimenti li għamilna snin ilu fl-infrastruttura diġitali, fit-taħriġ u fl-innovazzjoni issa qed jagħtu l-frott, u qed jittrasformaw lil Malta f’destinazzjoni ta’ fiduċja għat-teknoloġija u r-riċerka avvanzata fil-qasam tas-saħħa,” saħaq il-Ministru Schembri.

L-edizzjoni ta’ din is-sena tal-MedTech World tinkludi mexxejja internazzjonali bħal Houston Methodist, MedTech Innovator, Dubai Science Park, Johnson & Johnson, Boston Scientific, Philips, BlackRock u Malta Enterprise, li flimkien juru l-impenn globali li dejjem qed jikber lejn l-ekosistema MedTech f’Malta.

PR251999

Il-Prim Ministru Robert Abela jinnota l-legat li ħalla Karmenu Mifsud Bonnici u li għadna ngħixuh sal-lum

Fi Pjazza Kastilja, ġie inawgurat il-mafkar f’ġieħ l-eks Prim Ministru Karmenu Mifsud Bonnici. F’ċerimonja li saret, il-Prim Ministru Robert Abela nnota kif Karmenu Mifsud Bonnici kien avukat u politiku li dejjem ħaddan il-valuri tal-ġustizzja soċjali, l-integrità u l-umiltà. Qal li Karmenu Mifsud Bonnici tana l-aqwa ħaġa, ħinu. Spjega kif id-disponibbiltà tiegħu għan-nies kienet xi ħaġa li taffaxxinak. Fisser ukoll kemm kien vuċi b’saħħitha għall-ħaddiema.

Il-mafkar li jfakkar dan il-personaġġ fl-istorja politika Maltija inħadem fl-Italja b’kollaborazzjoni bejn Heritage Malta u l-Ministeru għall-Kultura, l-Artijiet u l-Gvern Lokali, taħt l-awspiċi tal-Uffiċċju tal-Prim Ministru. Iddisinjat mill-artist Malti Manuel Farrugia, il-mafkar jikkonsisti f’pedestall tal-ġebla tal-qawwi ta’ Malta u statwa tal-bronż. Dan il-monument realista u kontemporanju juri lil Karmenu Mifsud Bonnici għall-persuna li verament kien, persuna li kien iddedikat għax-xogħol, qrib in-nies u dejjem lest li jisma’ dak li jkollu xi jgħid ħaddieħor. Il-mafkar mhux biss qed iservi ta’ tifkira tal-eks Prim Ministru Mifsud Bonnici iżda huwa punt ta’ referenza għal figura oħra importanti fl-istorja politika ta’ Malta.

F’ċerimonja li fakkret lil dan il-persunaġġ u l-istorja ta’ pajjiżna, il-Prim Ministru Robert Abela sostna li l-wirt li ħalla Karmenu Mifsud Bonnici għadna ngħixuh u ngawduh sal-ġurnata tal-lum. “Bħala politiku kien jaħseb fil-ġejjieni. Kien formidabbli fi ħsiebu u tant ried li jasal, li fi żmien ta’ żviluppi politiċi li kienu għaddejjin, huwa insista u rnexxielu jdaħħal il-prinċipju tan-newtralità flimkien mal-bidla oħra li għadna ngħixuha sal-lum, li r-rieda tal-maġġoranza tal-poplu tkun suprema, emenda legali li biha saħħaħ id-demokrazija u ġab stabbiltà”, saħaq il-Prim Ministru.

Dr Abela qal li għal Karmenu Mifsud Bonnici, Malta ma kinitx gżira żgħira iżda parti minn realtà akbar, dik tal-Mediterran. Għalih kien hemm dinja waħda ta’ popli differenti li għandhom ikunu ħielsa u jagħżlu b’mod ħieles min imexxihom b’sistemi politiċi u soċjali li jagħżlu huma.

“Meta ġie biex idaħħal il-prinċipju tan-newtralità saħaq ukoll li f’kwistjonijiet li jqumu bejn pajjiżi għandna nfittxu mezzi speċifiċi. Dan  għadu relevanti sal-ġurnata tal-lum”, qal il-Prim Ministru hu u jisħaq fuq dan il-legat li ħalla l-eks Prim Ministru Malti Mifsud Bonnici.

Il-Ministru għall-Kultura, l-Artijiet u l-Gvern Lokali Owen Bonnici rrimarka li ma kienx hemm Karmenu tal-politika, Karmenu tal-avukatura u Karmenu bħala l-persuna privata, iżda kien hemm biss Karmenu wieħed, awtentiku, ir-raġel li ta qalbu għall-ħaddiem u għal pajjiżna.

Il-Ministru Bonnici ddeskriva lil Karmenu Mifsud Bonnici bħala ġentlom, bniedem ta’ prinċipju u li ma dak li hu sewwa, u ġust, qatt ma għamel kompromessi. Huwa qal illi lil Mifsud Bonnici l-flus qatt ma għamlu bih, tant li bħala avukat, Karmenu kien iħenn ħafna mal-klijent, filwaqt illi lil studenti fil-bżonn, li kien jgħallem fl-Università, kien saħansitra jaqsam magħhom id-dħul li kellu mill-Università.  Qal ukoll illi dan il-monument huwa l-inqas ħaġa li l-Istat Malti jista’ jagħmel f’ġieħ ġentlom li ta kollox għal Malta li tant ħabb.

Iċ-Chairman ta’ Heritage Malta Mario Cutajar qal li l-ġentilezza, l-umanità u l-umiltà ta’ Karmenu Mifsud Bonnici huma magħrufa u rikonoxxuti. Mhux daqstant il-legat politiku, legali u intellettwali tiegħu. Dak li ħalla warajh dal-persunaġġ għadna ngħixuh sal-lum fid-demokrazija stabbli li ngħixu u fis-sliem li ngawdu minkejja dak li qed iseħħ madwarna. Il-monumenti nazzjonali li jaqgħu wkoll fir-responsabbiltà ta’ Heritage Malta għandhom iservu, bħalma din l-aġenzija trid il-mużewijiet u s-siti tagħha li jservu, bħala tfakkira tal-esperjenzi ta’ dan il-poplu biex nagħrfu iktar lilna nfusna u nħarsu ’l quddiem b’iktar fiduċja.

PR251980

Wara li t-Tnejn li għadda l-Gvern ta’ Malta rċieva kopja tas-sentenza maħruġa mit-Tribunal ta’ Arbitraġġ Internazzjonali, fir-rigward tal-proċeduri bejn il-Gvern u Steward Healthcare, qed tiġi ppubblikata d-deċiżjoni finali, liema deċiżjoni finali saret taħt ir-Regoli tal-Kamra Internazzjonali tal-Kummerċ (ICC).

Mehmuża qed ikunu ippubblikati d-deċiżjoni finali u spjegazzjoni mill-Gvern b’rabta mad-deċiżjoni finali mogħtija mill-ICC.