Month: June 2023

PR230970

Malta u l-Libja ffirmaw Memorandum of Understanding għal Koperazzjoni Konġunta dwar interconnector bejn Malta u l-Libja. Dan il-ftehim ġie ffirmat fi Tripli wara laqgħa bilaterali bejn il-Prim Ministru Robert Abela u l-Prim Ministru Libjan Abdul Hamid Dbeibah.

F’taħditiet bejn iż-żewġ mexxejja, ġew diskussi t-temi tal-enerġija, is-sigurtà u l-koperazzjoni ekonomika bejn iż-żewġ pajjiżi. F’indirizz lill-ġurnalisti fi Tripli wara l-laqgħa mal-Prim Ministru Libjan, il-Prim Ministru Robert Abela fisser il-ftehim iffirmat bħala opportunità tajba għaż-żewġ naħat u qal li jħares ’il quddiem biex ikun hemm proġetti tanġibbli fil-qasam tal-enerġija li bihom igawdu l-popli taż-żewġ pajjiżi.

“Il-Libja għandha potenzjal qawwi biex tiġġenera enerġija rinnovabbli u fil-kuntest tar-rieda ta’ dan il-pajjiż li jkun sieħeb strateġiku mal-Unjoni Ewropea jwassal biex Malta tkun lesta li sservi bħala ċentru għall-enerġija l-ħadra li tgħaqqad l-Ewropa mal-Afrika”, qal il-Prim Ministru Abela hu u jinnota l-importanza ta’ koperazzjoni fuq l-użu ta’ enerġija alternattiva fl-isfond ta’ laqgħa li kellu fil-jiem li għaddew mal-Prim Ministru tal-Italja, Giorgia Meloni, u fil-kuntest ta’ qbil li ntlaħaq f’Malta din is-sena fis-summit tal-MED9 bejn il-ministri tal-enerġija ta’ disa’ stati membri tal-Unjoni Ewropea li jinsabu fil-Mediterran.

Il-Prim Ministru Robert Abela ddiskuta wkoll ir-rieda għal aktar kollaborazzjoni kummerċjali bejn Malta u l-Libja li tista’ tissaħħaħ bil-possibbiltà ta’ żieda fit-titjiriet diretti bejn iż-żewġ pajjiżi u tal-espansjoni ta’ negozji Maltin fl-Afrika ta’ Fuq. Dwar it-tema tas-sigurtà, li fiha ġiet diskussa wkoll il-kwistjoni tal-immigrazzjoni, il-Prim Ministru Abela rringrazzja lill-Gvern Libjan għall-ħidma li qed issir biex jonqsu l-wasliet, u rrimarka li l-mudell ta’ koperazzjoni bejn Malta u l-Libja jkun applikat ukoll fuq livell Ewropew mill-Unjoni Ewropea.

Il-Prim Ministru Robert Abela rrimarka b’mod pożittiv għall-impenji li jeżistu favur aktar stabbiltà fil-Libja u tenna l-appoġġ tal-Gvern Malti biex ikun hemm qbil fuq livell politiku kif ukoll qafas legali li jwassal għal proċess politiku mmexxi mil-Libja għal-Libjani taħt l-awspiċi tan-Nazzjonijiet Uniti. Il-Prim Ministru Abela assigura li Malta se tibqa’ taħdem biex il-Libja tibqa’ fuq nett tal-aġenda tan-Nazzjonijiet Uniti u tal-Unjoni Ewropea.

Jakkumpanjaw lill-Prim Ministru Malti fiż-żjara uffiċjali fil-Libja kien hemm fost oħrajn il-Ministru għall-Intern, is-Sigurtà, ir-Riformi u l-Ugwaljanza Byron Camilleri, il-Ministru għall-Ambjent, l-Enerġija u l-Intrapriża Miriam Dalli u s-Segretarju tal-Kabinett Ryan Spagnol.

PR230955

​Il-Prim Ministru Robert Abela żar waħda mill-ikbar konferenzi internazzjonali u ewlenin fil-qasam tal-iGaming li qed tospita Malta.

F’Dar il-Mediterran għall-Konferenzi, iGaming NEXT attirat f’pajjiżna 4,000 delegat, 200 kelliem u bosta parteċipanti minn aktar minn 70 pajjiż. Waqt iż-żjara, il-Prim Ministru Abela nnota li t-tmexxija ta’ iGaming NEXT, li hija wkoll stabbilita f’pajjiżna, kompliet issaħħaħ il-pożizzjoni tagħha bħala pjattaforma ewlenija f’dan il-qasam.

Akkumpanjat mill-fundatur tal-kumpanija, is-Sur Martin Petterson, il-Prim Ministru ltaqa’ ma’ diversi rappreżentanti ta’ kumpaniji fil-qasam tal-iGaming u sema’ iżjed dwar l-opportunitajiet u karrieri varji li jinħolqu permezz ta’ konferenzi bħal dawn. Fil-fatt, permezz ta’ din il-konferenza, Dar il-Mediterran ospitat l-ikbar konferenza li qatt saret f’termini ta’ delegati u spazju użat.

F’dan il-kuntest, avvenimenti bħal iGaming NEXT jiċċelebraw l-ispirtu tal-viżjoni ekonomika tal-Gvern u huma xhieda tar-reputazzjoni pożittiva li għandu l-pajjiż f’dan is-settur partikolari.

B’dan is-settur, fl-aħħar tliet snin ra n-numru ta’ impjegati jiżdied b’34%, minn 11,747 fl-2019 għal 15,774 sal-aħħar tas-sena 2022. B’dan huwa settur li jikkontribwixxi ukoll f’setturi ekonomiċi, fosthom dak tas-servizzi professjonali. B’dan kollu wassal biex fl-aħħar sentejn żied b’5.8% il-valur gross miżjud minn dan is-settur filwaqt li pajjiżna ra ukoll żieda ta’ 50 kumpanija li joperaw b’mod attiv minn Malta f’dawn l-aħħar tliet snin. Dan kollu fi sfond ta’ kriżijiet internazzjonali li jixhed kemm pajjiżna huwa attraenti għal dan is-settur.

Appoġġata mill-fondazzjoni Gaming Malta, il-konferenza iGaming NEXT kompliet issaħħaħ il-pożizzjoni ta’ Malta fil-qasam tal-gaming u rreġistrat riżultati ekonomiċi b’saħħithom fil-qasam tal-ospitalità u d-divertiment.

Matul din iż-żjara, il-Prim Ministru kien akkumpanjat mill-Ministru għall-Ekonomija, Fondi Ewropej u Artijiet Silvio Schembri.

Ritratti (DOI-OPM)

PR230924

Ir-relazzjonijiet bilaterali bejn Malta u l-Italja, is-settur tal-enerġija u l-potenzjal tal-Mediterran, l-isfida tal-immigrazzjoni u d-diskussjonijiet fuq livell ta’ Unjoni Ewropea kienu t-temi ewlenin diskussi f’laqgħat li l-Prim Ministru Robert Abela kellu f’Ruma mal-Prim Ministru tal-Italja Giorgia Meloni.

F’kummenti wara l-laqgħat f’Ruma, il-Prim Ministru Abela saħaq li l-koperazzjoni tajba bejn iż-żewġ pajjiżi f’bosta oqsma tista’ tibqa’ tissaħħaħ. “Kif ġara fl-imgħoddi, il-koperazzjoni tagħna tista’ twassal għal opportunitajiet li minnhom igawdu ż-żewġ pajjiżi.”

Fuq quddiem nett il-Prim Ministru semma l-enerġija, il-fruntieri u l-immigrazzjoni, u tenna li l-progress, riżultat tal-laqgħat tal-lum, għandu jkompli b’laqgħat tekniċi bil-għan li jkun hemm ftehimiet li jkopru dawn l-oqsma.

Il-Prim Ministru tenna li ż-żewġ pajjiżi jaqsmu interessi komuni fir-reġjun, b’mod partikolari fis-settur tal-enerġija u għalhekk hija l-koperazzjoni li tista’ ġġib riżultati aqwa. Tenna li kawża tal-gwerra fl-Ukrajna, l-enerġija saret punt ta’ diskussjoni ewlieni u spjega kif dak magħruf bħala l-“Piano Mattei”, imniedi mill-Prim Ministru Meloni, huwa konformi mal-viżjoni ta’ Malta li wkoll temmen fl-importanza tal-koperazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Afrika ta’ Fuq. Hawn il-Prim Ministru semma sistema ta’ interkonnessjoni mal-Afrika ta’ Fuq u l-benefiċċji tal-enerġija solari. “Qbilna ma’ tmien pajjiżi oħra li l-Mediterran għandu l-potenzjal li jsir iċ-ċentru ta’ investiment fl-enerġija rinnovabbli,” qal il-Prim Ministru b’referenza għal qbil fil-MED9 li ntlaħaq f’Malta ftit tal-ġimgħat ilu.

Il-Prim Ministru rrefera wkoll għat-tieni interconnector bejn Malta u l-Italja, u l-implimentazzjoni ta’ dan il-proġett importanti b’fondi Ewropej.

Tema oħra li tkellem dwarha l-Prim Ministru Robert Abela kienet il-migrazzjoni. “It-traffikanti tal-bnedmin qed jabbużaw mid-disperazzjoni ta’ tant nies fir-reġjun, u bħala membri tal-Unjoni Ewropea fuq il-fruntiera, aħna wkoll vittmi ta’ dan l-abbuż,” qal il-Prim Ministru, li tenna li din hi sfida tal-Ewropa kollha u mhux pajjiżi bħal Malta u l-Italja biss. Hawn il-Prim Ministru tkellem dwar kif waħda mis-soluzzjonijiet tibqa’ r-relazzjoni mal-pajjiżi ta’ tranżitu fejn ir-relazzjoni trid tkun waħda ta’ sħubija li ġġib benefiċċji għan-naħat kollha. Hawn faħħar inizjattiva li ttieħdet mat-Tuneżija u li tmexxiet ’il quddiem mill-President tal-Kummissjoni Ewropea bl-involviment tal-Italja u l-Olanda. “Għandna bżonn l-istess tip ta’ relazzjoni ma’ pajjiżi bħal Libja, fejn jeżistu tant opportunitajiet,” qal il-Prim Ministru.

B’rabta mad-difiża ssemmew temi bħal mhuma l-koperazzjoni fit-taħriġ u t-tagħmir.

Il-Prim Ministru rrefera wkoll għal diskussjonijiet fuq livell Ewropew b’enfasi fuq l-Economic Governance Review, u l-Multiannual Financial Framework, kif ukoll għad diskussjoni dwar it-tkabbir tal-Unjoni Ewropea.

“Biex inkomplu l-isforzi tagħna bil-għan li nsaħħu l-koperazzjoni bejn il-pajjiżi membri tal-Unjoni Ewropea mill-Mediterran, se nkun qed nilqa’ f’Malta s-summit t​al-MED9 f’Settembru, u nħares ’il quddiem li nilqa’ lill-Prim Ministru Meloni f’Malta,” qal il-Prim Ministru Abela.

F’Ruma, il-Prim Ministru kien akkumpanjat mill-Ministru għall-Affarijiet Barranin u Ewropej u l-Kummerċ Ian Borg, il-Ministru għall-Intern, is-Sigurtà, ir-Riformi u l-Ugwaljanza Byron Camilleri, l-Ambaxxatur ta’ Malta għall-Italja Carmel Vassallo, u l-Kap tas-Segretarjat fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru Glenn Micallef.

PR230913

Il-Prim Ministru Robert Abela ħabbar li l-Gvern se jkun qed jerġa’ jiddedika €5 miljun mill-Fond Soċjali għall-Iżvilupp Nazzjonali (NDSF) biex ikompli jiġi investiet esklussivament fuq it-taħriġ u t-tħejjija tal-atleti u b’hekk bħala pajjiż inkomplu nibnu fuq dak li kien investit bi tħejjija għal-Logħob tal-Pajjiżi ż-Żgħar tal-Ewropa 2023 milqugħa f’Malta. Il-Prim Ministru ħabbar dan f’indirizz qasir li għamel fi Pjazza Kastilja l-Belt waqt l-attività “Niċċelebraw Team Malta”. Pajjiżna kiseb l-aqwa riżultat fl-istorja bir-rebħa ta’ 97 midalja u r-rebħ ta’ dawn il-Logħob hekk kif ġie fl-ewwel post fil-klassifika tal-midalji.

Il-Prim Ministru Abela qal li flimkien mal-investiment dedikat mill-ġdid mill-NDSF, il-Gvern se jkompli jinvesti fl-infrastruttura sportiva, fl-iskola nazzjonali tal-isport u f’bosta aspetti oħra sportivi. “Irridu nkomplu nibagħtu l-messaġġ li l-isport għandu jkun parti mill-mod kif ngħixu bħala Maltin,” sostna l-Prim Ministru hu u jirringrazzja lill-atleti u n-nies li kienu warajhom. Huwa awguralhom biex jiksbu iżjed suċċessi għal pajjiżna.

Intant waqt l-attività “Niċċelebraw Team Malta” mimlija spettaklu li fiha l-atleti kienu l-protagonisti, tkellem ukoll il-Ministru għall-Edukazzjoni, l-Isport, iż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni Clifton Grima. Huwa kellu kliem ta’ tifħir għall-kontinġent Malti. “Prosit lill-atleti u l-isportivi kollha li għamlu unur kbir lil pajjiżna,” saħaq il-Ministru Grima.

Il-President tal-Kumitat Olimpiku Malti Julian Pace Bonello rringrazzja lil bosta fosthom lill-Gvern Malti li kkontribwixxa finanzjarjament biex ikun jista’ jitwettaq il-pjan tekniku sportiv ta’ preparazzjoni li xtaq il-Kumitat. Dan filwaqt li ċ-Chairperson tal-Kumitat Organizzattiv tal-Logħob tal-Pajjiżi ż-Żgħar Mark Cutajar wera s-sodisfazzjon għall-miri milħuqa f’dawn il-Logħob u nnota kif dan l-avveniment sportiv internazzjonali kompla jikkontribwixxi b’mod pożittiv għall-ekonomija. Huwa wkoll irringrazzja lill-atleti ta’ Malta.​​

PR230911

F’laqgħa fil-Berġa ta’ Kastilja, mal-Kummissarju Ewropew għall-Ambjent Virginijus Sinkevičius, il-Prim Ministru Robert Abela spjega l-impenn tal-Gvern li s-sostenibbiltà tkun fiċ-ċentru tat-tranżizzjoni li għaddej minnha pajjiżna.

Il-Prim Ministru spjega kif il-Gvern qed jagħmel tranżizzjoni fil-prijoritajiet tiegħu bi pjan ambizzjuż li anke ġie deskritt bħala wieħed mill-iktar b’saħħithom ambjentalment minn fost il-pajjiżi kollha tal-Unjoni Ewropea.

Matul il-laqgħa, il-Prim Ministru rrefera fost oħrajn għall-proġett tal-Multi-Material Recovery Facility. Faċilità f’Ħal Far, li se tkun qed ittejjeb il-kapaċità tal-immaniġġjar tal-iskart f’pajjiżna billi jiġu rkuprati materjali differenti, li jiġu esportati biex jintużaw fi prodotti oħra u għalhekk jonqos l-iskart. Proġett li permezz tiegħu qegħdin inpoġġu fil-prattika l-ekonomija ċirkolari, filwaqt li qegħdin insaħħu l-kapaċità ta’ kif nitrattaw l-iskart.

Il-Prim Ministru Robert Abela rrefera għall-implimentazzjoni tal-pjan għall-immaniġġjar tal-iskart 2021-2030 u l-allokazzjoni ta’ nofs biljun ewro mill-Gvern għall-aqwa infrastruttura biex jiġi immaniġjat l-iskart u biex l-iskart isir riżorsa. Investiment li qiegħed jiġi kkumplimentat b’deċiżjonijiet importanti u bidliet fil-politika, fosthom dik li għamlet is-separazzjoni tal-iskart f’pajjiżna mandatorja. Politika li se tkompli twitti t-triq lejn l-implimentazzjoni ECOHIVE.

Malta hija kommessa li tkompli tinvesti, tieħu d-deċiżjonijiet neċċessarji, u timplimenta l-pjan għall-immaniġġjar tal-iskart. Pjan ikkumplimentat ukoll b’kampanji ta’ informazzjoni edukattivi u aktar għarfien.

Matul il-laqgħa ġew diskussi temi oħra, fosthom l-industrija tal-akwakultura f’pajjiżna, li hija waħda mill-aqwa fl-Unjoni Ewropea.​