Month: June 2023

PR230869

Il-Prim Ministru Robert Abela żar u inawgura l-ewwel stabbiliment ta’ Kasanova f’pajjiżna. Taħt it-tmexxija tal-kumpanija Grech & Ellul, dan l-ewwel ħanut fin-Naxxar infetaħ b’investiment ta’ €500,000. Kasanova hija waħda mill-ikbar ditti fl-Italja u l-ħsieb tal-kumpanija huwa li tkompli tifrex l-istabbilimenti tagħha f’lokalitajiet oħra madwar Malta.​​

Akkumpanjat mid-Direttur ta’ Kasanova Malta, Yani Ellul, il-Prim Ministru żar l-ewwel ħanut ta’ Grech & Ellul u ltaqa’ mal-ħaddiema tal-kumpanija filwaqt li sema’ iżjed dwar l-investiment li għamlet il-kumpanija matul dawn l-aħħar snin. Il-Kap tal-Operat ta’ Kasanova, Jukka Romava, laqa’ lill-Prim Ministru u spjegalu dwar l-investiment li sar f’pajjiżna biex Kasanova tkun tista’ tilqa’ l-ewwel klijenti fil-jiem li ġejjin.

Il-Prim Ministru nnota il-perseveranza u r-reżiljenza li għandha l-kumpanija Grech & Ellul li minn bidu sempliċi lura fil-ħamsinijiet, illum il-ġurnata l-ġenerazzjonijiet sussegwenti rnexxielhom jattiraw kumpanija internazzjonali bħal Kasanova biex tiftaħ l-ewwel stabbiliment f’pajjiżna. Dr Abela rringrazzja lill-ħaddiema li se jkunu qegħdin jiffurmaw parti mit-tim ta’ Kasanova u lill-kumplament tat-tim li kien parti minn dan is-suċċess.

Min-naħa tiegħu, is-Sur Ellul stqarr li dan l-investiment seta’ jkun possibbli biss grazzi għal qagħda ekonomika b’saħħita li jinsab fiha pajjiżna. “Il-klima ekonomika ta’ pajjiżna hija waħda pożittiva u evidentament il-konsumatur Malti qiegħed ifittex prodotti u servizzi varji li jilħqu l-għanjiet tagħhom”, stqarr is-Sur Ellul. Huwa qal ukoll li l-investiment li sar kien l-għażla naturali għal kumpanija biex tkompli timraħ u tilħaq iżjed is-suq lokali.

Preżenti għall-inawgurazzjoni kien hemm il-Membri Parlamentari Chris Agius u Romilda Zarb.

PR230854

Il-Prim Ministru Robert Abela ltaqa’ mal-Kunsill Malti għas-Settur tal-Volontarjat fil-Berġa ta’ Kastilja. Fil-laqgħa l-Prim Ministru fisser il-volontarjat bħala aspett sabiħ tas-soċjetà tagħna u quddiem il-ġid kbir li dan is-settur iwettaq, bħala Gvern irridu nkunu fuq quddiem biex nappoġġjaw il-ħidma fejjieda li toħroġ mill-volontarjat.

Dr Abela qal li s-settur tal-volontarjat irid jibqa’ jaġġorna maż-żminijiet u jimraħ filwaqt li aħna rridu nkunu ta’ appoġġ billi nissimplifikaw proċessi għall-għaqdiet li jgawdu minn fondi. Hawn il-Prim Ministru nnota l-importanza tat-taħriġ ma’ persuni li jagħtu ħinhom għall-volontarjat. Irrimarka kif in-nefqa allokata fil-Budget għal din is-sena f’dan ir-rigward żdiedet fuq is-sena ta’ qabel. Dan apparti finanzjament ta’ skemi oħra fosthom biex jiġu appoġġjati inizjattivi li jħeġġu liż-żgħażagħ ikunu involuti fil-volontarjat.

Min-naħa tagħha, iċ-Chairperson tal-Kunsill Malti għas-Settur tal-Volontarjat Gertrude Buttigieg fissret is-sodisfazzjon tal-Kunsill li kellu laqgħa mal-Prim Ministru Abela u spjegat kif l-impenn tal-Gvern li jnaqqas it-taxxa dovuta fuq donazzjonijiet monetarji għandu jkun pass importanti biex ikompli jiġi inċentivat u megħjun il-qasam tal-volontarjat.

Għal-laqgħa f’Kastilja kien hemm preżenti wkoll il-Ministru għall-Inklużjoni, il-Volontarjat u d-Drittijiet tal-Konsumatur Julia Farrugia Portelli.

Il-Prim Ministru Robert Abela żar il-Pixxina Nazzjonali f’Tal-Qroqq fejn segwa kompetizzjonijiet fid-dixxiplina tal-għawm bħala parti mil-Logħob tal-Pajjiżi ż-Żgħar tal-Ewropa 2023. Il-Prim Ministru Abela ltaqa’ ma’ bosta atleti Maltin u voluntiera li qed jagħtu sehemhom f’dawn il-Logħob. Il-Prim Ministru ppreżenta midalji tad-deheb, tal-fidda u tal-bronż lil diversi atleti rebbieħa f’kompetizzjonijiet tal-għawm.

PR230839

Malta se tkompli timbotta favur it-tisħiħ u l-investiment f’enerġija nadifa b’interkonnettività mhux biss bejn pajjiżi Ewropej iżda anki fil-Mediterran, fosthom ma’ pajjiżi fl-Afrika ta’ Fuq. Dan kien il-messaġġ li għadda l-Prim Ministru Robert Abela f’laqgħa li saret bħala parti mit-tieni Summit tal-Komunità Politika Ewropea li sar ftit ‘il barra mill-kapitali tal-Moldova, Chișinău.

Għas-Summit attendew aktar minn erbgħin mexxej ta’ pajjiżi Ewropej u għal-laqgħa dwar l-enerġija u l-konnettività, li fiha pparteċipat Malta, kien hemm bosta mexxejja ta’ pajjiżi oħra li pparteċipaw, fosthom tal-Italja, l-Irlanda, Ċipru u l-Kummissjoni Ewropea. Il-Prim Ministru Malti sostna li bl-investiment f’aktar konnettività fil-qasam tal-enerġija nadifa, ir-reġjun tal-Mediterran ikompli jilħaq il-potenzjal fl-enerġija rinnovabbli u dan ikun ta’ benefiċċju għall-popli tal-Ewropa, inkluż dawk tal-pajjiżi fil-Mediterran.

“Ir-reġjun tal-Mediterran għandu l-opportunità li jkun ċentru ta’ enerġija nadifa u jixpruna l-impenn tal-Unjoni Ewropea favur is-sostenibbiltà,” irrimarka l-Prim Ministru mal-mexxejja Ewropej hu u jinnota dak maqbul f’Malta aktar kmieni x-xahar li għadda waqt laqgħa tal-Med 9 bejn il-Ministri tal-Enerġija tal-Istati Membri fil-Mediterran.

Fil-kuntest tal-insularità ta’ Malta, il-Prim Ministru Abela nnota kif l-industrija marittima hija waħda importanti mhux biss għal pajjiż bħal Malta iżda anki rrimarka li affarijiet li għaddiet minnhom id-dinja riċentement juru kemm din l-industrija tibqa’ kruċjali għat-trasport tal-merkanzija fost oħrajn. Il-Prim Ministru żied jisħaq li għandu jsir sforz qawwi biex negħlbu iżjed ostakli u burokraziji fil-portijiet biex nassiguraw li l-kontinent Ewropew jibqa’ jkollu industrija marittima b’saħħitha u effikaċi li ma tħallihx jiddependi fuq ħaddieħor. Dr Abela sostna li setturi bħal dak marittimu għandhom jibqgħu jikbru iżda wkoll iżidu fl-effiċjenza tagħhom billi jgħaddu mill-qalba l-ħadra.

Il-Prim Ministru Robert Abela sostna li l-interkonnettività teħtieġ impenn kollettiv mill-pajjiżi Ewropej fosthom b’finanzjament li mhux biss jista’ jsir mill-gvernijiet tal-pajjiżi rispettivi iżda anki minn istituzzjonijiet internazzjonali u anki bis-sehem tas-settur privat, li għandu jkun sieħeb strateġiku fi proġetti marbuta mal-enerġija rinnovabbli.

F’diskussjonijiet oħra li l-Prim Ministru Robert Abela kellu mal-mexxejja Ewropej fis-Summit, tkellem dwar l-immigrazzjoni u tenna l-pożizzjoni ta’ Malta favur sforz magħqud kontra t-traffikar uman. Innota kif it-traffikanti tal-bnedmin qed ikomplu jorganizzaw irwieħhom u jkunu ta’ sfida għall-awtoritajiet u għalhekk jeħtieġ impenn magħqud biex jiġu salvati persuni li jispiċċaw vittmi tat-traffikanti. Dr Abela nnota wkoll kif il-Laqgħa tal-Komunità Politika Ewropea qed tkompli ssaħħaħ id-djalogu u l-koperazzjoni bejn il-pajjiżi Ewropej, mhux biss bejn dawk l-istati membri sħaħ tal-Unjoni Ewropea.

Il-Prim Ministru Robert Abela kellu laqgħat ma’ bosta mexxejja Ewropej li qed jattendu għal Summit tal-Komunità Politika Ewropea ftit ’il barra mill-kapitali tal-Moldova, Chișinău.

Il-Prim Ministru Abela ltaqa’ wkoll mal-Prim Ministru tal-Moldova Dorin Recean u mal-President tal-Kosovo Vjosa Osmani, fejn il-mexxejja tkellmu fuq bosta temi fosthom dwar l-aspirazzjonijiet taż-żewġ pajjiżi favur sħubija fl-Unjoni Ewropea.

Il-Prim Ministru Malti ntlaqa’ fis-Summit, mill-President tal-Moldova, Maia Sandu.