Investiment f’enerġija nadifa b’interkonnettività b’saħħitha fil-Mediterran – il-Prim Ministru Robert Abela fit-tieni Summit tal-Komunità Politika Ewropea

PR230839

01/06/2023

Malta se tkompli timbotta favur it-tisħiħ u l-investiment f’enerġija nadifa b’interkonnettività mhux biss bejn pajjiżi Ewropej iżda anki fil-Mediterran, fosthom ma’ pajjiżi fl-Afrika ta’ Fuq. Dan kien il-messaġġ li għadda l-Prim Ministru Robert Abela f’laqgħa li saret bħala parti mit-tieni Summit tal-Komunità Politika Ewropea li sar ftit ‘il barra mill-kapitali tal-Moldova, Chișinău.

Għas-Summit attendew aktar minn erbgħin mexxej ta’ pajjiżi Ewropej u għal-laqgħa dwar l-enerġija u l-konnettività, li fiha pparteċipat Malta, kien hemm bosta mexxejja ta’ pajjiżi oħra li pparteċipaw, fosthom tal-Italja, l-Irlanda, Ċipru u l-Kummissjoni Ewropea. Il-Prim Ministru Malti sostna li bl-investiment f’aktar konnettività fil-qasam tal-enerġija nadifa, ir-reġjun tal-Mediterran ikompli jilħaq il-potenzjal fl-enerġija rinnovabbli u dan ikun ta’ benefiċċju għall-popli tal-Ewropa, inkluż dawk tal-pajjiżi fil-Mediterran.

“Ir-reġjun tal-Mediterran għandu l-opportunità li jkun ċentru ta’ enerġija nadifa u jixpruna l-impenn tal-Unjoni Ewropea favur is-sostenibbiltà,” irrimarka l-Prim Ministru mal-mexxejja Ewropej hu u jinnota dak maqbul f’Malta aktar kmieni x-xahar li għadda waqt laqgħa tal-Med 9 bejn il-Ministri tal-Enerġija tal-Istati Membri fil-Mediterran.

Fil-kuntest tal-insularità ta’ Malta, il-Prim Ministru Abela nnota kif l-industrija marittima hija waħda importanti mhux biss għal pajjiż bħal Malta iżda anki rrimarka li affarijiet li għaddiet minnhom id-dinja riċentement juru kemm din l-industrija tibqa’ kruċjali għat-trasport tal-merkanzija fost oħrajn. Il-Prim Ministru żied jisħaq li għandu jsir sforz qawwi biex negħlbu iżjed ostakli u burokraziji fil-portijiet biex nassiguraw li l-kontinent Ewropew jibqa’ jkollu industrija marittima b’saħħitha u effikaċi li ma tħallihx jiddependi fuq ħaddieħor. Dr Abela sostna li setturi bħal dak marittimu għandhom jibqgħu jikbru iżda wkoll iżidu fl-effiċjenza tagħhom billi jgħaddu mill-qalba l-ħadra.

Il-Prim Ministru Robert Abela sostna li l-interkonnettività teħtieġ impenn kollettiv mill-pajjiżi Ewropej fosthom b’finanzjament li mhux biss jista’ jsir mill-gvernijiet tal-pajjiżi rispettivi iżda anki minn istituzzjonijiet internazzjonali u anki bis-sehem tas-settur privat, li għandu jkun sieħeb strateġiku fi proġetti marbuta mal-enerġija rinnovabbli.

F’diskussjonijiet oħra li l-Prim Ministru Robert Abela kellu mal-mexxejja Ewropej fis-Summit, tkellem dwar l-immigrazzjoni u tenna l-pożizzjoni ta’ Malta favur sforz magħqud kontra t-traffikar uman. Innota kif it-traffikanti tal-bnedmin qed ikomplu jorganizzaw irwieħhom u jkunu ta’ sfida għall-awtoritajiet u għalhekk jeħtieġ impenn magħqud biex jiġu salvati persuni li jispiċċaw vittmi tat-traffikanti. Dr Abela nnota wkoll kif il-Laqgħa tal-Komunità Politika Ewropea qed tkompli ssaħħaħ id-djalogu u l-koperazzjoni bejn il-pajjiżi Ewropej, mhux biss bejn dawk l-istati membri sħaħ tal-Unjoni Ewropea.

FacebookTwitter

Lorem Ipsum

Role

consectetuer adipiscing elit, sed diam nonummy nibh euismod tincidunt ut laoreet dolore magna aliquam erat volutpat. Ut wisi enim ad minim veniam. consectetuer adipiscing elit, sed diam nonummy nibh euismod tincidunt ut laoreet dolore magna aliquam erat volutpat. Ut wisi enim ad minim veniam.consectetuer adipiscing elit, sed diam nonummy nibh euismod tincidunt ut laoreet dolore magna aliquam erat volutpat.

Lorem Ipsum

Role

Skip to content