PR231028
30/06/2023
“Jeħtieġ inkunu ggwidati minn prinċipji ċari biex nibqgħu nistimulaw tkabbir anki fuq livell Ewropew.” Kien dan il-messaġġ importanti li tkellem fuqu l-Prim Ministru Robert Abela f’Summit ta’ jumejn tal-Kunsill Ewropew li tlaqqa’ fi Brussell fil-jiem tal-Ħamis u l-Ġimgħa.
Il-Prim Ministru Robert Abela tkellem fuq prinċipji importanti meta għad-diskussjoni bejn il-Mexxejja Ewropej kien hemm il-kwistjoni tal-ekonomija. Il-Prim Ministru qal li l-Unjoni Ewropea trid tkompli ssaħħaħ il-kompetittività filwaqt li tassigura li n-negozji kollha fl-Unjoni Ewropea, anki dawk medji u żgħar, flimkien maċ-ċittadini, ikomplu jgawdu b’mod ġust mill-benefiċċji tas-Suq Waħdieni.
Dr Abela saħaq li l-kundizzjonijiet ekwi fis-Suq Waħdieni huma importanti fost l-oħrajn għal affarijiet bażiċi bħal aċċess mingħajr xkiel għal mediċini. Fil-fatt, b’insistenza ta’ Malta, konklużjoni mill-Kunsill Ewropew qed titlob li tħaffef in-negozjati dwar il-Pakkett tal-Farmaċewtika li ħejjiet il-Kummissjoni Ewropea, li fost l-oħrajn jaħseb biex il-kumpaniji li jipproduċu l-mediċini jiftħu l-aċċess għall-prodotti farmaċewtiċi tagħhom għall-pazjenti f’kull pajjiż membru tal-Unjoni Ewropea. Dan ifisser li f’kuntest ta’ suq żgħir bħal dak ta’ pajjiżna, mistenni jiżdied l-aċċess għall-mediċini.
“Imbagħad għandek oqsma strateġiċi għas-suq tagħna u tal-Unjoni Ewropea bħall-iżvilupp ta’ prodotti teknoloġiċi innovattivi, bħall-investiment tal-ST Microelectronics li għadu kif ġie approvat mill-Kummissjoni Ewropea u li jħalli valur miżjud għoli fl-ekonomija tagħna”, sostna l-Prim Ministru hu u jkompli jisħaq fuq l-importanza tas-Suq Ħieles li jkompli jagħti l-opportunità lil Malta tkompli tikber f’oqsma diġitali bħall-gaming, settur li l-Gvern Malti kompla jseddqu b’leġislazzjoni li tipproteġi l-ġurisdizzjoni Maltija f’dan il-qasam.
Fi Brussell Dr Abela tkellem ukoll fuq il-ħtieġa tat-tisħiħ ta’ koperazzjoni ekonomika ma’ sħab internazzjonali differenti u semma wkoll il-ħidma importanti li trid issir dwar provvista ta’ enerġija nadifa bbażata fuq ir-rinnovabbli li tilqa’ għal sfidi futuri fis-settur kif urietna l-esperjenza tal-gwerra fuq l-Ukrajna. “Nemmnu fil-potenzjal tal-Mediterran li jkun ċentru ta’ enerġija nadifa,” sostna l-Prim Ministru Abela hu u jirrimarka wkoll għall-implimentazzjoni tal-Pjan REPowerEU, li wieħed mill-għanijiet tiegħu huwa li nkomplu niddiversifikaw fil-provvisti tal-enerġija.
Marbut mal-enerġija rinnovabbli, il-Prim Ministru rrimarka għal soluzzjonijiet ħolistiċi biex tiġi trattata l-problema tal-immigrazzjoni illegali. Innota l-ittra tal-President tal-Kummissjoni Ewropea Ursula von der Leyen li tamplifika dak li ilha tgħid Malta dwar koperazzjoni ekonomika ma’ pajjiżi fin-Nofsinhar tal-Mediterran anki dwar proġetti tar-rinnovabbli. “Is-soluzzjoni għall-immigrazzjoni irregolari mhijiex f’nofs ta’ baħar iżda fil-punt tat-tluq u għalhekk proġetti fejjieda f’dawn il-pajjiżi jagħrfu l-potenzjal biex nies jibqgħu jgħixu hemmhekk,” sostna l-Prim Ministru Abela hu u jispjega dwar il-ħtieġa ta’ taħdidiet f’dan ir-rigward mal-Libja u t-Tuneżija.
Fil-bidu tas-Summit ġiet diskussa t-tema tas-sigurtà u d-difiża u f’dik il-parti tad-diskussjoni pparteċipa wkoll is-Segretarju Ġenerali tan-NATO Jens Stoltenberg. Malta saħqet li l-koperazzjoni man-NATO fuq livell Ewropew għandha ssir b’rispett sħiħ lejn il-karatteristiċi tal-politika tas-sigurtà u d-difiża tal-Istati Membri kollha. Fil-laqgħa tal-Kunsill Ewropew ġew diskussi wkoll ir-relazzjonijiet esterni fosthom b’diskussjoni strateġika dwar iċ-Ċina.