Month: February 2024

PR240204

B’iktar minn 110 kumpaniji differenti ikkwotati u madwar 300 strument finanzjarju differenti fis-swieq tagħha l-attività fuq il-Borża ta’ Malta hija xhieda oħra ta’ kif l-attività ekonomika f’pajjiżna kompliet issir waħda iktar b’saħħitha.

Fi żjara fil-Borża ta’ Malta, il-Prim Ministru Robert Abela nnota li matul l-aħħar snin, il-kumpaniji ikkwotati ma’ din l-istituzzjoni u l-istrumenti finanzjarji differenti li jistgħu jiġu nnegozjati fis-swieq tagħha kibru bi kważi d-doppju.

Fl-aħħar tliet snin biss, ‘il fuq minn 20 kumpanija ġdida ġew ammessi fuq il-listi tal-Borża ta’ Malta. Dan fi żmien li bħall-kumplament tad-dinja, pajjiżna kien affaċċjat minn sfidi li ħallew impatti fuq l-ekonomiji internazzjonali.

Waqt din iż-żjara l-Prim Ministru enfasizza kif il-Borża ta’ Malta għandha tkun xprun biex l-investiment f’pajjiżna jkompli jitkattar u joħloq il-ġid biex imbagħad dak l-istess ġid jissarraf f’aktar għajnuna lin-nies. Fuq kollox dan hu wkoll kruċjali biex issir it-tranżizzjoni ekonomika.

“Il-qasam tas-servizzi finanzjarji huwa katalista f’dawn l-investimenti marbuta mal-qalba l-ħadra u dik diġitali li qed iseħħ biex nibqgħu noffru kwalità ta’ ħajja aħjar għall-familji,” qal il-Prim Ministru Robert Abela. Żied jgħid li l-qafas regolatorju li għandu pajjiżna f’oqsma differenti fosthom fl-iGaming u l-ekonomija miftuħa Maltija għall-kummerċ ilkoll jagħtu rwol kruċjali lill-Borża ta’ Malta.

Rapporti ta’ esperti internazzjonali fosthom tal-Fond Monetarju Internazzjonali tkellmu dwar irkupru impressjonanti u kif il-ġid nazzjonali ras għal ras mistenni jiżboq dak taż-Żona Ewro. Dawn ilkoll juru ekonomija  u qagħda fiskali b’saħħitha, u dan fi żmien li s-sostenn lin-nies kompla jissaħħaħ u jingħata lil kulħadd. Il-Prim Ministru Abela għalhekk qal li pajjiżna jrid ikompli jiġbed lejh investiment ta’ kwalità mibni fuq il-prijoritajiet li għandu l-pajjiż bħal dawk ambjentali.

Il-Prim Ministru sostna li dawn ir-riżultati jkomplu jixhdu kemm id-deċiżjonijiet li ħa l-Gvern matul l-aħħar xhur kienu kruċjali u f’waqthom biex il-kumpaniji u n-negozji jibqgħu b’saħħithom u biex f’pajjiżna tinżamm l-istabbiltà ekonomika.

Fiż-żjara, fejn iltaqa’ mat-tmexxija tal-Borża ta’ Malta u l-ħaddiema, il-Prim Ministru kien akkumpanjat mill-Ministru għall-Finanzi u x-Xogħol Clyde Caruana.

PR240195

Meta kien qed jindirizza lill-Ambaxxaturi ta’ Malta f’missjonijiet diplomatiċi lil hinn minn xtutna, il-Prim Ministru Robert Abela sostna li r-rappreżentanti ta’ pajjiżna għandhom responsabbiltà li jiżguraw il-paċi u l-prosperità. 

F’konferenza li tlaqqgħet f’Malta għall-Ambaxxaturi Maltin, il-Prim Ministru Abela saħaq li rridu nkomplu nagħtu futur sabiħ lill-ġens Malti. Aċċenna li l-futur mhuwiex xi realtà ’l bogħod. “Għandkom irwol kruċjali sabiex timbuttaw l-interessi ta’ pajjiżna u tesploraw opportunitajiet ġodda”, qal Dr Abela hu u jinnota li sfidi internazzjonali jibqgħu hemm imma l-pedament ta’ kollox huwa s-sigurtà u l-paċi, xi ħaġa li ngawdu f’pajjiżna u li dawn jiġu riflessi fi tkabbir ekonomiku li jissarraf f’investiment fin-nies f’diversi oqsma, bħas-saħħa, l-edukazzjoni u l-enerġija.

Il-Prim Ministru Robert Abela semma kif pajjiżna se jkompli jservi fil-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti u f’April jerġa’ jkollu l-Presidenza ta’ dan il-Kunsill filwaqt li matul din is-sena qed jippresiedi wkoll l-Organizzazzjoni għas-Sigurtà u l-Koperazzjoni fl-Ewropa, l-OSCE. Innota l-irwol importanti li għandha Malta favur il-protezzjoni tal-valuri u l-prinċipji tal-OSCE b’rabta mas-sigurtà.

Il-Prim Ministru rrimarka wkoll għad-diversifikazzjoni tal-ekonomija Maltija biex tibqa’ toffri opportunitajiet differenti u anki semma qafas regolatorju b’saħħtu li pajjiżna jħaddan f’oqsma differenti. Il-Prim Ministru Abela semma wkoll l-importanza tad-diplomazija kulturali u hawn irrefera għall-Biennale tal-Arti li se jsir f’Malta fil-ġimgħat li ġejjin, bl-iskop li jgħaqqad nies differenti.

Il-Prim Ministru tenna dak li impenjat li jagħmel il-Gvern, fejn issa se jkun qed japplika formalment biex pajjiżna jissieħeb fl-Organizzazzjoni għall-Koperazzjoni Ekonomika u l-Iżvilupp, l-OECD. Dan pajjiżna se jagħmlu mhux biss biex ikun aktar parteċipi fit-tiswir tal-politika internazzjonali u jippromwovi l-interessi tiegħu iżda anki jimbotta interessi komuni ta’ stati żgħar bħal Malta.

Il-Prim Ministru Robert Abela temm jirringrazzja lill-Ambaxxaturi u l-Uffiċjali fis-Servizz Diplomatiku għax-xogħol tagħhom b’risq pajjiżna u qal li huwa ottimist li l-ġejjieni jġib aktar opportunitajiet lejn Malta.

PR240187

  • Il-Prim Ministru Robert Abela jżur l-iskola l-ġdida fl-Imsida li x-xogħlijiet fuqha daħlu fl-aħħar fażi

14-il proġett b’ investiment ta’ €173.5 miljun. Dawn huma l-proġetti ta’ infrastruttura edukattiva li dan il-Gvern qiegħed iwettaq biex jissarrfu f’esperjenza edukattiva tal-ogħla livell għall-istudenti Maltin u Għawdxin. 

Fosthom dawk fuq l-iskola l-ġdida tal-Imsida, li fi żjara l-Prim Ministru Robert Abela akkumpanjat mill-Ministru għall-Edukazzjoni, l-Isport, iż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni Clifton Grima setgħa jara kif ix-xogħlijiet ta’ kostruzzjoni tlestew biex issa l-proġett daħal fl-aħħar fażi tiegħu. Bix-xogħlijiet kienu jinkludu t-twaqqigħ tal-iskola li kien hemm qabel biex isir il-bini ta’ skola ġdida fuq l-istess sit ta’ 10,000 metru kwadru li jinkludi wkoll żoni ta’ rikreazzjoni.

Il-Prim Ministru Robert Abela rrimarka li dan hu l-mod kif pajjiżna qed jibqa’ jipprovdi l-aqwa edukazzjoni, li hija l-bażi biex kull tifel u tifla f’pajjiżna jwettqu l-aspirazzjonijiet tagħhom. Irrefera wkoll li huwa b’dan il-mod li qegħdin insarrfu l-ekonomija Maltija li qed tingħata certifikat wieħed wara ieħor. Dan filwaqt li kien għalhekk dan il-Gvern irnexxielu jikseb rekord ta’ fondi Ewropej biex jitgawdew mill-familji Maltin u Għawdxin. Hu u jsemmi żewġ aspetti innovattivi ta’ dan il-proġett, fosthom l-outdoor classroom environment u l-ġonna vertikali, spjega li investimenti bħal dawn imorru lil hinn mill-binja innifisha iżda qegħdin jassiguraw l-aqwa ambjent li fih jistgħu jircievu l-edukazzjoni ulied pajjiżna.

Dan hu proġett li qed isir b’investiment ta’ madwar €24 miljun, parzjalment finanzjat mill-Pjan għall-Irkupru u r-Reżiljenza’ (RRP) tal-Unjoni Ewropea.

Min-naħa tiegħu l-Ministru Clifton Grima qal li dan il-proġett juri kemm Gvern Laburista minn dejjem ta prijorità lil dan is-settur tant importanti għal pajjiżna, is-settur edukattiv. Sostna li l-investiment li qed isir f’din l-iskola huwa investiment fit-tfal u fl-edukaturi tagħna.Bini edukattiv modern li fih l-istudenti mhux biss jieħdu l-edukazzjoni tagħhom, imma jieħdu wkoll gost jitgħallmu. Dan filwaqt li joffri spazji edukattivi moderni li fihom l-edukaturi qed isibu ambjent li jilqa’ għal dak kollu li titlob il-professjoni tagħhom.

L-iskola l-ġdida għandha madwar 40 klassi, 26 klassi normali u għadd ta’ klassijiet oħrajn għal suġġetti speċifiċi fosthom l-iżvilupp personali u soċjali, l-arti, il-mużika, ix-xjenza, il-litteriżmu, u l-etika. L-iskola se jkollha wkoll Ċentru għall-Ħarsien tat-Tfal, librerija pubblika u sala li tesa’ madwar 300 persuna. Il-librerija pubblika, is-sala u parti mill-ispazju rikreattiv se jkunu jistgħu jintużaw mill-komunità lokali wara l-ħinijiet tal-iskola. Taħt l-iskola hemm ukoll parkeġġ għal madwar 180 karozza fuq żewġ livelli.

Il-proġett jinkludi l-bini ta’ kumpless ġdid għall-Imsida Sea Scouts, bi spazju ta’ aktar minn 500 metru kwadru fuq barra u fuq ġewwa.

Għal din iż-żjara kien hemm ukoll preżenti s-Sindku tal-Imsida, Margaret Baldacchino Cefai, membri tal-Kunsill, il-Kap Eżekuttiv tal-Fondazzjoni għall-Iskejjel t’Għada Neville Young flimkien mac-Chairperson tal-istess Fondazzjoni Cory Greenland.

PR240180

Qiegħda tiġi ppubblikata Stqarrija Ministerjali li għamel il-Prim Ministru Robert Abela fis-Seduta Parlamentari tat-Tlieta 6 ta’Frar, 2024.

Il-Prim Ministru Robert Abela kellu laqgħa mal-Ministru għall-Affarijiet Barranin tat-Turkija Hakan Fidan. Fil-laqgħa ġew diskussi bosta temi fosthom it-tisħiħ tar-relazzjonijiet kummerċjali bejn iż-żewġ pajjiżi, il-possibbiltà ta’ aktar koperazzjoni fis-settur tal-enerġija rinnovabbli, anki fid-dawl ta’ ftehim bejn Malta u l-Libja f’dan ir-rigward, u l-immigrazzjoni.

Iż-żewġ naħat tkellmu ukoll dwar il-Presidenza li għandha Malta tal-OSCE u l-Prim Ministru saħaq fuq l-impenn ta’ pajjiżna li jibqa’ jisħaq għall-paċi f’kuntest tal-gwerra fl-Ukrajna u fil-Lvant Nofsani. Dwar l-Ukrajna ġiet innutata l-medjazzjoni diplomatika Torka li anki qed issarraf f’riżultati marbuta mas-sigurtà tal-ikel. Dwar il-Lvant Nofsani l-Prim Ministru saħaq li l-komunità internazzjonali trid tibqa’ taħdem għall-waqfien permanenti tal-ġlied u għas-soluzzjoni taż-żewġ stati. Fil-laqgħa kien hemm ukoll il-Ministru għall-Affarijiet Barranin u Ewropej u l-Kummerċ, Ian Borg u l-Kap tas-Segretarjat tal-Uffiċċju tal-Prim Ministru, Glenn Micallef.