Month: February 2024

PR240297

Il-Gvern jesprimi s-sogħba tiegħu għat-telfa ta’ ħames ħajjiet waqt operazzjoni ta’ salvataġġ li l-Forzi Armati ta’ Malta qed tagħmel illum. 

Fl-istess ħin jirrikonoxxi l-ħidma tal-Forzi Armati ta’ Malta li għal darba oħra salvat il-ħajjiet, f’dan il-każ 29 persuna. Tmienja minn dawn il-persuni ngħataw il-kura fl-isptar Mater Dei u l-Gvern irid irodd ħajr ukoll lill-Forzi tal-Ordni l-oħra u t-tim mediku li assista.

Sfortunatament, traġedji bħal tal-lum huma xhieda tal-effetti tal-atti kriminali tat-traffikanti tal-bnedmin u l-Gvern Malti se jibqa’ jaħdem biex ikisser il-mudell ta’ dawk it-traffikanti.

PR240262

Il-qasam tal-manifattura qed ikompli jissaħħaħ u jiddiversifika f’oqsma ġodda li qed iwasslu għal karrieri aħjar għal uliedna f’oqsma innovattivi bħar-robotika u l-inġinerija speċjalizzati, li qed isseħħ f’pajjiżna. Dan qed juri li l-ekonomija ta’ Malta qed tiddiversifika anke permezz ta’ għajnuna li l-Gvern joffri lil dan il-qasam li jimpjega eluf ta’ ħaddiema Maltin u Għawdxin. Dan qed iwassal biex il-manifattura llum hija storja ta’ suċċess għal pajjiżna għax qed tagħraf tinvesti fl-innovazzjoni u l-qalba ambjentali xprunata mill-abbiltà u l-bżulija tal-ħaddiema Maltin u Għawdxin, li llum jinsabu fit-tmun ta’ dan l-investiment dirett barrani.

Fi żjara li għamel fil-fabbrika ta’ Trelleborg Sealing Solutions, fiż-żona industrijali ta’ Ħal Far, il-Prim Ministru Robert Abela nnota l-pjan ta’ din il-kumpanija, b’aktar minn 60 sena ta’ storja f’pajjiżna, li tkompli tinvesti mal-€14-il miljun fis-sentejn li ġejjin biex l-operat tagħha jkun wieħed aktar nadif. Fil-fatt l-investiment addizzjonali f’makkinarju sostenibbli fl-industriji tal-bijoteknoloġija u l-farmaċewtika u s-semiconductors fost oħrajn, ġej wara li l-kumpanija qed tespandi b’aktar minn 6,000m2 ta’ spazju addizzjonali fosthom 4,000m2 ta’ spazju għall-produzzjoni. Dan wara li rċeviet għajnuna mill-Malta Enterprise u INDIS Malta.

Il-Prim Ministru Robert Abela żar iż-żona fejn qed jinbena l-ispazju addizzjonali u nnota kif f’dan il-post qed ikomplu jinħolqu karrieri ta’ kwalità skont il-prijoritajiet il-ġodda li għandu l-pajjiż. “Ifisser li nistgħu nibqgħu nipprogressaw u jinħolqu impjiegi li jagħtu kwalità ta’ ħajja aħjar iżda b’bidliet ambjentali li jagħtu wkoll opportunità ekonomika,” saħaq il-Prim Ministru Abela.

F’diskussjoni li kellu mal-ħaddiema fuq il-lant tax-xogħol, Dr Abela nnota l-avvanz fil-karrieri ta’ bosta ħaddiema, b’wieħed mill-ħaddiema, Ryan Carabott, żagħżugħ ta’ 27 sena, illum imexxi tim ta’ nies wara li daħal it-Trelleborg b’apprentistat. L-inġinier Neal Borg ukoll beda mal-istess kumpanija jaħdem fl-inġinerija u llum imexxi l-fabbrika bħala General Manager. Hawn ġie rrimarkat dwar il-ħtieġa tat-titjib tal-ħiliet biex il-ħaddiema jibqgħu jipprogressaw, xi ħaġa li l-kumpanija tagħmel b’mod intensiv biex tipprepara l-impjegati tagħha fil-produzzjoni ta’ prodotti tal-futur li jagħtu l-opportunità biex dawn l-istess prodotti minn Malta jidħlu fi swieq internazzjonali ġodda u innovattivi. 

Preżentement il-kumpanija tħaddem kważi sitt mitt ruħ f’Ħal Far u fil-Marsa u hija stabbilita bħala ċentru t’eċċellenza fil-manifattura u fil-qasam tar-riċerka u l-innovazzjoni kemm f’pajjiżna u anki fil-Grupp ta’ Trelleborg. Il-grupp jirreġistra bejgħ annwali ta’ madwar tliet biljun ewro kull sena. Trelleborg temmen ukoll li f’Malta teżisti klima li l-industriji li tispeċjalizza fihom, jistgħu jkomplu jikbru. 

Fiż-żjara l-Prim Ministru Robert Abela kien akkumpanjat ukoll mill-Ministru għall-Ekonomija, l-Intrapriża u Proġetti Strateġiċi Silvio Schembri.

PR240245

Erba’ artijiet li jinsabu f’żoni tal-iżvilupp ser ikunu qegħdin jinbidlu fi spazji ħodor miftuħa għall-familji. Artijiet li fuqhom setgħu jinbnew 30 blokka appartamenti iżda minflok ser jinbidlu fi spazji rikreattivi viċin fejn ngħixu, naħdmu jew niddevertu. 

Dan ħabbru l-Prim Ministru Robert Abela li fisser kif dawn il-proġetti se jissarrfu f’Malta isbaħ b’direzzjoni ċara li f’dawn iż-żoni rridu trasformazzjoni li mhux mimlija binjiet u strutturi oħra, iżda żona ddominata minn spazji miftuħa mimlija siġar. Fi kliem il-Prim Ministru, dawn il-proġetti jibgħatu sinjal ieħor ta’ Gvern li jżomm kelmtu.

Il-Prim Ministru Robert Abela tkellem kif kien ta kelma li f’din il-leġiżlatura ser ikollna l-akbar proġett ta’ spazji miftuħa madwar il-pajjiż u li dik il-kelma dan il-Gvern qiegħed u ser jibqa’ jżommha. B’dawn l-erba’ artijiet, li jinsabu f’Ħal Luqa, Ħal Kirkop, Ħal Lija u San Ġiljan, ser ikunu qegħdin joffru spazju mħaddar ġdid b’mixja qasira għal madwar 7,000 familja. 

Bi proġetti ta’ dan it-tip ser naraw aktar minnhom din is-sena, bil-mira hi li mhedda ta’ 20,000 metru kwadru jingħataw għat-tgawdija tan-nies, b’dawn l-ewwel erba’ artijiet jinkludu madwar 8,000 metru kwadru ta’ art. 

Il-Prim Ministru tkellem kif meta nbeda dan l-eżerċizzju, biex artijiet tal-Gvern żviluppabbli jiġu allokati għal dan il-għan iltaqa’ ma’ ċertu xettiċċiżmu. Xettiċċiżmu li fi kliemu jixhed il-bidla li jrid ikollna fil-mentalità. Tenna li l-Gvern se jagħmel kull proġett li hemm bżonn għall-pajjiż għaliex l-ispazji miftuħa huma bżonn daqskemm hi bżonn skola jew Berġa tas-saħħa.

“Il-proġetti ta’ spazji miftuħa jridu jsiru parti mit-tessut soċjali ta’ pajjiżna. Din tal-lum hi aħbar sabiħa oħra. Fejn qed inżommu mal-kelma li tajna lill-poplu Malti u Għawdxi. Biex uliedna u l-ġenituri tagħna, ilkoll kemm aħna, ngħixu f’pajjiż isbaħ.”

Il-Ministru għall-Enerġija, l-Ambjent u r-Riġenerazzjoni tal-Port il-Kbir Miriam Dalli esprimiet li l-ambizzjoni tal-familji f’pajjiżna,  li l-progress fil-kwalità tal-ħajja li esperjenzaw f’dawn l-aħħar snin jiġi rifless fl-ambjent ta’ madwarna, hija l-ambizzjoni tagħna. Il-Ministru Miriam Dalli spjegat li diġà tlestew diversi ġonna ġodda filwaqt li għaddejja ħidma fuq ħafna oħrajn. “Fl-istess waqt, Project Green qed taħdem biex tintroduċi ideat innovattivi favur is-sostenibbiltà inkluż l-effiċjenza fl-użu tal-enerġija u l-ilma, is-sostenibbiltà fil-materjali użati u l-manutenzjoni ta’ dawn l-ispazji,” qalet il-Ministru Dalli, filwaqt li aċċennat għall-kollaborazzjoni anke mas-settur privat. Il-Ministru Dalli saħqet li t-tfassil tal-proġetti se jkun qed isir id f’id mal-Kunsill Lokali rispettivi u Project Green se tikkonsulta mal-komunitajiet li jgħixu fl-inħawi, biex tiġi rriġenerata l-bijodiversità naturali u biex dawn l-ispazji jkunu aktar aċċessibbli u siguri għall-pubbliku.

Min-naħa tiegħu l-Ministru għall-Artijiet u l-Implimentazzjoni tal-Programm Elettorali Stefan Zrinzo Azzopardi spjega li f’din l-ewwel parti ta’ dan il-proċess ġew identifikati 8,000 metru kwadru ta’ artijiet f’erba’ lokalitajiet. Dawn l-artijiet fis-suq kienu jiswew qrib l-għoxrin miljun ewro b’hekk issa Project Green se tkun tista’ tikkonverti dawn l-artijiet fi spazji ħodor miftuħa fil-qalba ta’ Ħal Luqa, Ħal Kirkop, Ħal Lija u San Ġiljan, kollha ftit minuti biss ‘il bogħod minn postijiet residenzjali. L-Awtorità tal-Artijiet hija mpenjata li tidentifika aktar artijiet ta’ dan it-tip biex sa din is-sena nilħqu l-mira ta’ 20,000 metru kwadru ta’ artijiet bħal dawn.

Informazzjoni dwar l-erba’ siti:

Ħal Luqa

• Triq Mikielanġ Sapiano

• Żona tal-iżvilupp għal ħames sulari ta’ bini

• 3,400 metru kwadru

Ħal Kirkop

• Triq Nerik Xerri

• Żona tal-iżvilupp għal ħames sulari ta’ bini

• 1,100 metru kwadru

Ħal Lija

• Triq Merino

• Żona tal-iżvilupp għal erba’ sulari ta’ bini

• 700 metru kwadru

San Ġiljan

• Ta’ Ġiorni

• Żona tal-iżvilupp għal binjiet differenti

• 2,300 metru kwadru

PR240236

Irridu nwettqu bidliet bl-aktar mod ġust biex nibqgħu nipprogressaw flimkien għal kwalità ta’ ħajja aħjar. Kien dan il-messaġġ ewlieni li ħareġ minn diskors li għamel il-Prim Ministru Robert Abela fil-Parlament waqt id-diskussjoni tal-Abbozz ta’ Liġi fuq Azzjoni dwar il-Klima. Abbozz li qed jara t-twaqqif ta’ Awtorità għat-Tibdil fil-Klima, li l-Prim Ministru fl-indirizz li għamel fl-ogħla istituzzjoni tal-pajjiż fissirha bħala sinjal b’saħħtu ta’ Gvern magħqud u sħiħ għal azzjoni fuq il-bidla fil-klima u saħaq li din l-Awtorità se jkollha ħidma komprensiva, b’viżjoni ħolistika u bi djalogu soċjali li jinvolvi lil kulħadd biex isseħħ il-bidla.

“Ilkoll irridu nemmnu fil-bidliet li hemm bżonn u nwettquhom. Jekk nintilfu fil-partiġġaniżmu nkunu qed nonqsu lill-ġenerazzjonijiet futuri għaliex ma niħdux fil-ħin dawk id-deċiżjonijiet meħtieġa”, qal il-Prim Ministru Robert Abela hu u jsostni li jekk ma nbiddlux, ibati kulħadd. Innota kif il-bidla fil-klima hija realtà u pajjiżna, anki jekk ċkejken irid ikun pro-attiv u l-politika ambjentali tagħna trid tkun mibnija fuq il-prevenzjoni.

Dr Abela rrimarka li t-twaqqif tal-Awtorità għat-Tibdil fil-Klima tibni fuq bidliet kbar oħra li qed jitwettqu fosthom; it-trasformazzjoni favur użu ta’ enerġija aktar nadifa, azzjonijiet li jnaqqsu l-impatt tat-turiżmu u l-ġarr tal-merkanzija bħall-proġett tax-shore-to-ship, il-proġetti tar-riċiklaġġ u biex mill-iskart noħorġu b’riżorsa u sors ta’ enerġija, id-direzzjoni favur investiment iktar aħdar bil-ħruġ tal-green bonds u l-implimentazzjoni tal-akbar proġetti ta’ spazji miftuħa.

Il-Prim Ministru fisser il-qalba ambjentali bħala l-akbar opportunità ekonomika tal-ġenerazzjoni tagħna. Qal li fuq kollox din il-qalba trid iżżomm fiċ-ċentru tagħha lill-familji. “Il-Gvern qatt mhu se jitfa’ l-piż tal-bidliet fuq in-nies. Mhux ma niħdux deċiżjonijiet iebsin, dawk neħduhom kemm hemm bżonn iżda d-deċiżjonijiet ma jsirux eħfef billi l-piż jerfgħuh in-nies”, qal b’mod ċar il-Prim Ministru Robert Abela, li saħaq li dan il-messaġġ jgħaddih ukoll b’saħħa fil-fora Ewropea. Dan sostnieh f’kuntest li poġġa l-argument li ma nistgħux noħolqu sigurtà ambjentali jekk f’ħajjet in-nies ma nagħtux is-sigurtà ekonomika. Il-Prim Ministru wissa wkoll kontra l-populiżmu, li fisser kif rah mill-Oppożizzjoni f’riformi li daħħal il-Gvern, bħal meta l-pajjiż ġie biex neħħa l-bejgħ ta’ prodotti magħmula mis-single-use plastic. Sostna li l-populiżmu ma jagħtikx is-soluzzjonijiet.

Il-Prim Ministru appella għal sforz kollettiv u bidliet fil-mentalità għaliex tabilħaqq jemmen li l-bidliet meħuda b’deċiżjonijiet tajbin jistgħu jġibu ħolqien ta’ xogħol ġdid, effiċjenzi fir-riżorsi u aċċess għal swieq ġodda fost oħrajn. Dan sabiex inkomplu nassiguraw tkabbir ekonomiku u sostenn soċjali quddiem sfidi klimatiċi. Qal li fuq quddiem ta’ din il-bidla jrid ikun hemm it-tfal u żgħażagħ li għandu jkollhom sehem fid-deċiżjonijiet u huwa għalhekk li l-Gvern qed ikollu laqgħat magħhom fosthom fil-Youth Advisory Forum.

Il-Prim Ministru Robert Abela temm jgħid li Malta hi pajjiż li ma tibżax mill-bidla għax din kapaċi ndawruha f’opportunità ta’ suċċess. Saħaq li l-liġi mressqa mhix sempliċiment kitba fuq karta iżda impenn ta’ Gvern favur bidla soċjali u ekonomika li twassal għal prosperità ġdida.

PR240219

Il-Prim Ministru Robert Abela jinawgura s-Sezzjoni Marittima tad-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili f’Kordin

Illum għandna d-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili fl-aqwa pożizzjoni li qatt kien biex iwettaq xogħlu. Meta f’post bħal dan tinvesti fl-aqwa ambjent, l-aqwa għodda u l-aqwa faċilitajiet tkun qed tinvesti fil-ħarsien tas-soċjetà, iżda wkoll fil-ħaddiema nfushom. Ħaddiema li jaħdmu f’ambjent aħjar, iktar sigur għalihom, ifisser riżultati aħjar u fuq kollox serħan il-moħħ għalihom u għall-familji tagħhom. 

Kien dan il-messaġġ tal-Prim Ministru Robert Abela waqt l-inawgurazzjoni tas-Sezzjoni Marittima tad-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili f’Kordin akkumpanjat mill-Ministru għall-Intern, is-Sigurtà, ir-Riformi u l-Ugwaljanza Byron Camilleri. 

Inawgurazzjoni ta’ proġett b’investiment ta’ kważi nofs miljun ewro, li ser ikun qiegħed jikkontribwixxi għal Malta aktar sigura hekk kif is-Sezzjoni Marittima tal-Protezzjoni Ċivili issa hija tal-ogħla livell, tant li mhux biss issaħħet biex twieġeb għal salvataġġ fuq il-baħar, iżda ser tkun tista’ toffri wkoll appoġġ f’sejħiet oħra fuq l-art. Bil-binja issa toffri l-aqwa ambjent biex il-ħaddiema jagħtu l-aħjar servizz, fosthom b’sistema ta’ telekomunikazzjoni ġdida, li tippermetti l-kamra tal-kontroll tad-Dipartiment tinforma lill-ħaddiema kollha li jkunu fil-binja dwar kull inċident li jkun jirrikjedi l-assistenza immedjata tagħhom. B’dan jingħaqad mal-proġetti riċenti l-oħra fil-Protezzjoni Ċivili, bħalma huma l-vetturi u opri tal-baħar il-ġodda għat-tifi tan-nar b’investiment li laħħaq iżjed minn 5 miljun ewro, li huma maħsuba għall-ħtiġijiet ta’ pajjiżna. Dan filwaqt li issa tinkludi wkoll tliet garaxxijiet li fost oħrajn ikunu jistgħu jakkomodaw l-inġenji tat-taqsima HAZMAT li twieġeb għal emerġenzi marbuta ma’ materjal kimiku perikoluż. Il-binja l-ġdida hija wkoll mgħammra b’dawk li huma msejħa bħala dry room u wet room, li mhux biss huma essenzjali għall-ħaddiema iżda wkoll kritiċi f’operazzjonijiet ta’ salvataġġ.

Il-Prim Ministru rrefera għal diskussjonijiet li matul din l-inawgurazzjoni kellu mal-Uffiċjali tal-Protezzjoni Ċivili, uħud minnhom ilhom snin iservu, u spjega kif jfissrulek id-differenza li b’dawn l-investimenti qegħdin nagħmlu fil-ġurnata ta’ kuljum tagħhom. Tenna li jispikka wkoll is-sens ta’ kburija meta jilbsu l-uniformi Maltija barra minn xtutna u javviċinawhom kollegi u saħansitra jmorru fuqhom bħala punt ta’ referenza.

Dan hekk kif il-Gvern qiegħed jinvesti madwar €30 miljun fis-sena fis-sigurtà ta’ pajjiżna, biex jissokta l-investiment f’dan is-settur li fi kliem il-Prim Ministru ħaddiem b’kundizzjonijiet  u b’faċilitajiet aqwa, iwassal biex l-familji fil-mument tal-bżonn isibu Korpi Dixxiplinati lesti li mhux jgħinuhom biss, imma jgħinuhom bl-aqwa mod.

“U hekk qegħdin jagħmlu. Illum qegħdin naraw il-Korpi bi preżenza akbar u viżibbli fil-komunitajiet tagħna – qrib fejn ngħixu, naħdmu u niddevertu. Dan hu dipartiment li se jkompli jissaħħaħ. Fil-fatt kien pjaċir tiegħi li niltaqa’ mal-64 rekluta li qed jitħarrġu biex jingħaqdu fil-forza. Tara f’għajnejhom il-motivazzjoni li jkollhom karriera ta’ suċċess u li jħossuhom privileġġjati li qed jingħataw taħriġ ta’ kwalità u li d-determinazzjoni tagħhom tikber meta jaraw l-investiment li qed isir fil-Protezzjoni Ċivili. B’uħud minnhom segwew ukoll il-passi tal-ġenituri tagħhom u jgħidulek kif madwar il-mejda fi djarhom jitkellmu dwar kif fl-aħħar snin dan id-Dipartiment inbidel biex illum huwa iżjed lest biex jindirizza l-bżonnijiet ta’ Malta moderna.”

Il-Prim Ministru Robert Abela temm billi esprima sens ta’ sodisfazzjon qawwi li kemm ilu Prim Ministru lill-Korpi Dixxiplinati kollha tajnihom ftehim settorjali, jiġifieri lill-Uffiċjali tad-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili, tal-Aġenzija għas-Servizzi Korrettivi, il-Pulizija u tal-Armata. Spjega li meta qegħdin nitkellmu fuq ftehim settorjali nkunu qegħdin nitkellmu fuq pagi, kundizzjonijiet aħjar u drittijiet ġodda.

Fil-fatt, min-naħa tiegħu, il-Ministru Byron Camilleri sostna kif barra l-investimenti kapitali li qed isiru b’mod kontinwu, il-Gvern qed jinvesti wkoll direttament fil-ħaddiema, kemm billi jkomplu jitjiebu l-kundizzjonijiet u d-drittijiet tal-ħaddiema fil-korpi dixxiplinati u anke fit-taħriġ tagħhom. Mis-sensiela ta’ ftehimiet kollettivi rispettivi, għal tisħiħ fil-pensjoni tas-servizz, b’serħan il-moħħ ukoll fi protezzjoni lill-familjari tal-istess ħaddiema, illum għandna sisien sodi li fuqhom nistgħu nkomplu nsaħħu s-sigurtà ta’ pajjiżna.

“Illum inawgurajna faċilitajiet ġodda biex il-ħaddiema tas-sezzjoni marittima tal-Protezzjoni Ċivili, inkluż il-bugħaddasa, ikunu jistgħu jirrispondu fil-pront għal emerġenzi fuq il-baħar madwar il-kosta tal-gżejjer Maltin. Jikkumplimenta dan il-bini hawn investimenti multimiljunarji oħra f’inġenji u opri tal-baħar oħra li qed ikunu inawgurati llum, u oħrajn li ġew imżanzna fl-aħħar xhur, biex jintużaw mill-ħaddiema, kif fil-fatt jiġri f’sitwazzjonijiet t’emerġenza kemm fuq il-baħar, kif ukoll fuq l-art. Bħala Gvern ser nibqgħu naħdmu għal iżjed sigurtà u serħan il-moħħ għan-nies.”

Preżenti għall-inawgurazzjoni kien hemm id-Direttur Ġenerali tal-Protezzjoni Ċivili Peter Paul Coleiro, is-Segretarju Permanenti Joyce Dimech, flimkien ma’ ħaddiema u Uffiċjali tal-Protezzjoni Ċivili.