Jissokta l-investiment għal Malta sigura

PR240219

12/02/2024

Il-Prim Ministru Robert Abela jinawgura s-Sezzjoni Marittima tad-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili f’Kordin

Illum għandna d-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili fl-aqwa pożizzjoni li qatt kien biex iwettaq xogħlu. Meta f’post bħal dan tinvesti fl-aqwa ambjent, l-aqwa għodda u l-aqwa faċilitajiet tkun qed tinvesti fil-ħarsien tas-soċjetà, iżda wkoll fil-ħaddiema nfushom. Ħaddiema li jaħdmu f’ambjent aħjar, iktar sigur għalihom, ifisser riżultati aħjar u fuq kollox serħan il-moħħ għalihom u għall-familji tagħhom. 

Kien dan il-messaġġ tal-Prim Ministru Robert Abela waqt l-inawgurazzjoni tas-Sezzjoni Marittima tad-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili f’Kordin akkumpanjat mill-Ministru għall-Intern, is-Sigurtà, ir-Riformi u l-Ugwaljanza Byron Camilleri. 

Inawgurazzjoni ta’ proġett b’investiment ta’ kważi nofs miljun ewro, li ser ikun qiegħed jikkontribwixxi għal Malta aktar sigura hekk kif is-Sezzjoni Marittima tal-Protezzjoni Ċivili issa hija tal-ogħla livell, tant li mhux biss issaħħet biex twieġeb għal salvataġġ fuq il-baħar, iżda ser tkun tista’ toffri wkoll appoġġ f’sejħiet oħra fuq l-art. Bil-binja issa toffri l-aqwa ambjent biex il-ħaddiema jagħtu l-aħjar servizz, fosthom b’sistema ta’ telekomunikazzjoni ġdida, li tippermetti l-kamra tal-kontroll tad-Dipartiment tinforma lill-ħaddiema kollha li jkunu fil-binja dwar kull inċident li jkun jirrikjedi l-assistenza immedjata tagħhom. B’dan jingħaqad mal-proġetti riċenti l-oħra fil-Protezzjoni Ċivili, bħalma huma l-vetturi u opri tal-baħar il-ġodda għat-tifi tan-nar b’investiment li laħħaq iżjed minn 5 miljun ewro, li huma maħsuba għall-ħtiġijiet ta’ pajjiżna. Dan filwaqt li issa tinkludi wkoll tliet garaxxijiet li fost oħrajn ikunu jistgħu jakkomodaw l-inġenji tat-taqsima HAZMAT li twieġeb għal emerġenzi marbuta ma’ materjal kimiku perikoluż. Il-binja l-ġdida hija wkoll mgħammra b’dawk li huma msejħa bħala dry room u wet room, li mhux biss huma essenzjali għall-ħaddiema iżda wkoll kritiċi f’operazzjonijiet ta’ salvataġġ.

Il-Prim Ministru rrefera għal diskussjonijiet li matul din l-inawgurazzjoni kellu mal-Uffiċjali tal-Protezzjoni Ċivili, uħud minnhom ilhom snin iservu, u spjega kif jfissrulek id-differenza li b’dawn l-investimenti qegħdin nagħmlu fil-ġurnata ta’ kuljum tagħhom. Tenna li jispikka wkoll is-sens ta’ kburija meta jilbsu l-uniformi Maltija barra minn xtutna u javviċinawhom kollegi u saħansitra jmorru fuqhom bħala punt ta’ referenza.

Dan hekk kif il-Gvern qiegħed jinvesti madwar €30 miljun fis-sena fis-sigurtà ta’ pajjiżna, biex jissokta l-investiment f’dan is-settur li fi kliem il-Prim Ministru ħaddiem b’kundizzjonijiet  u b’faċilitajiet aqwa, iwassal biex l-familji fil-mument tal-bżonn isibu Korpi Dixxiplinati lesti li mhux jgħinuhom biss, imma jgħinuhom bl-aqwa mod.

“U hekk qegħdin jagħmlu. Illum qegħdin naraw il-Korpi bi preżenza akbar u viżibbli fil-komunitajiet tagħna – qrib fejn ngħixu, naħdmu u niddevertu. Dan hu dipartiment li se jkompli jissaħħaħ. Fil-fatt kien pjaċir tiegħi li niltaqa’ mal-64 rekluta li qed jitħarrġu biex jingħaqdu fil-forza. Tara f’għajnejhom il-motivazzjoni li jkollhom karriera ta’ suċċess u li jħossuhom privileġġjati li qed jingħataw taħriġ ta’ kwalità u li d-determinazzjoni tagħhom tikber meta jaraw l-investiment li qed isir fil-Protezzjoni Ċivili. B’uħud minnhom segwew ukoll il-passi tal-ġenituri tagħhom u jgħidulek kif madwar il-mejda fi djarhom jitkellmu dwar kif fl-aħħar snin dan id-Dipartiment inbidel biex illum huwa iżjed lest biex jindirizza l-bżonnijiet ta’ Malta moderna.”

Il-Prim Ministru Robert Abela temm billi esprima sens ta’ sodisfazzjon qawwi li kemm ilu Prim Ministru lill-Korpi Dixxiplinati kollha tajnihom ftehim settorjali, jiġifieri lill-Uffiċjali tad-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili, tal-Aġenzija għas-Servizzi Korrettivi, il-Pulizija u tal-Armata. Spjega li meta qegħdin nitkellmu fuq ftehim settorjali nkunu qegħdin nitkellmu fuq pagi, kundizzjonijiet aħjar u drittijiet ġodda.

Fil-fatt, min-naħa tiegħu, il-Ministru Byron Camilleri sostna kif barra l-investimenti kapitali li qed isiru b’mod kontinwu, il-Gvern qed jinvesti wkoll direttament fil-ħaddiema, kemm billi jkomplu jitjiebu l-kundizzjonijiet u d-drittijiet tal-ħaddiema fil-korpi dixxiplinati u anke fit-taħriġ tagħhom. Mis-sensiela ta’ ftehimiet kollettivi rispettivi, għal tisħiħ fil-pensjoni tas-servizz, b’serħan il-moħħ ukoll fi protezzjoni lill-familjari tal-istess ħaddiema, illum għandna sisien sodi li fuqhom nistgħu nkomplu nsaħħu s-sigurtà ta’ pajjiżna.

“Illum inawgurajna faċilitajiet ġodda biex il-ħaddiema tas-sezzjoni marittima tal-Protezzjoni Ċivili, inkluż il-bugħaddasa, ikunu jistgħu jirrispondu fil-pront għal emerġenzi fuq il-baħar madwar il-kosta tal-gżejjer Maltin. Jikkumplimenta dan il-bini hawn investimenti multimiljunarji oħra f’inġenji u opri tal-baħar oħra li qed ikunu inawgurati llum, u oħrajn li ġew imżanzna fl-aħħar xhur, biex jintużaw mill-ħaddiema, kif fil-fatt jiġri f’sitwazzjonijiet t’emerġenza kemm fuq il-baħar, kif ukoll fuq l-art. Bħala Gvern ser nibqgħu naħdmu għal iżjed sigurtà u serħan il-moħħ għan-nies.”

Preżenti għall-inawgurazzjoni kien hemm id-Direttur Ġenerali tal-Protezzjoni Ċivili Peter Paul Coleiro, is-Segretarju Permanenti Joyce Dimech, flimkien ma’ ħaddiema u Uffiċjali tal-Protezzjoni Ċivili.

FacebookTwitter
Skip to content