Artijiet li fuqhom setgħu nbnew 30 blokka appartamenti ser jinbidlu fi spazji miftuħa għall-familji

PR240245

16/02/2024

Erba’ artijiet li jinsabu f’żoni tal-iżvilupp ser ikunu qegħdin jinbidlu fi spazji ħodor miftuħa għall-familji. Artijiet li fuqhom setgħu jinbnew 30 blokka appartamenti iżda minflok ser jinbidlu fi spazji rikreattivi viċin fejn ngħixu, naħdmu jew niddevertu. 

Dan ħabbru l-Prim Ministru Robert Abela li fisser kif dawn il-proġetti se jissarrfu f’Malta isbaħ b’direzzjoni ċara li f’dawn iż-żoni rridu trasformazzjoni li mhux mimlija binjiet u strutturi oħra, iżda żona ddominata minn spazji miftuħa mimlija siġar. Fi kliem il-Prim Ministru, dawn il-proġetti jibgħatu sinjal ieħor ta’ Gvern li jżomm kelmtu.

Il-Prim Ministru Robert Abela tkellem kif kien ta kelma li f’din il-leġiżlatura ser ikollna l-akbar proġett ta’ spazji miftuħa madwar il-pajjiż u li dik il-kelma dan il-Gvern qiegħed u ser jibqa’ jżommha. B’dawn l-erba’ artijiet, li jinsabu f’Ħal Luqa, Ħal Kirkop, Ħal Lija u San Ġiljan, ser ikunu qegħdin joffru spazju mħaddar ġdid b’mixja qasira għal madwar 7,000 familja. 

Bi proġetti ta’ dan it-tip ser naraw aktar minnhom din is-sena, bil-mira hi li mhedda ta’ 20,000 metru kwadru jingħataw għat-tgawdija tan-nies, b’dawn l-ewwel erba’ artijiet jinkludu madwar 8,000 metru kwadru ta’ art. 

Il-Prim Ministru tkellem kif meta nbeda dan l-eżerċizzju, biex artijiet tal-Gvern żviluppabbli jiġu allokati għal dan il-għan iltaqa’ ma’ ċertu xettiċċiżmu. Xettiċċiżmu li fi kliemu jixhed il-bidla li jrid ikollna fil-mentalità. Tenna li l-Gvern se jagħmel kull proġett li hemm bżonn għall-pajjiż għaliex l-ispazji miftuħa huma bżonn daqskemm hi bżonn skola jew Berġa tas-saħħa.

“Il-proġetti ta’ spazji miftuħa jridu jsiru parti mit-tessut soċjali ta’ pajjiżna. Din tal-lum hi aħbar sabiħa oħra. Fejn qed inżommu mal-kelma li tajna lill-poplu Malti u Għawdxi. Biex uliedna u l-ġenituri tagħna, ilkoll kemm aħna, ngħixu f’pajjiż isbaħ.”

Il-Ministru għall-Enerġija, l-Ambjent u r-Riġenerazzjoni tal-Port il-Kbir Miriam Dalli esprimiet li l-ambizzjoni tal-familji f’pajjiżna,  li l-progress fil-kwalità tal-ħajja li esperjenzaw f’dawn l-aħħar snin jiġi rifless fl-ambjent ta’ madwarna, hija l-ambizzjoni tagħna. Il-Ministru Miriam Dalli spjegat li diġà tlestew diversi ġonna ġodda filwaqt li għaddejja ħidma fuq ħafna oħrajn. “Fl-istess waqt, Project Green qed taħdem biex tintroduċi ideat innovattivi favur is-sostenibbiltà inkluż l-effiċjenza fl-użu tal-enerġija u l-ilma, is-sostenibbiltà fil-materjali użati u l-manutenzjoni ta’ dawn l-ispazji,” qalet il-Ministru Dalli, filwaqt li aċċennat għall-kollaborazzjoni anke mas-settur privat. Il-Ministru Dalli saħqet li t-tfassil tal-proġetti se jkun qed isir id f’id mal-Kunsill Lokali rispettivi u Project Green se tikkonsulta mal-komunitajiet li jgħixu fl-inħawi, biex tiġi rriġenerata l-bijodiversità naturali u biex dawn l-ispazji jkunu aktar aċċessibbli u siguri għall-pubbliku.

Min-naħa tiegħu l-Ministru għall-Artijiet u l-Implimentazzjoni tal-Programm Elettorali Stefan Zrinzo Azzopardi spjega li f’din l-ewwel parti ta’ dan il-proċess ġew identifikati 8,000 metru kwadru ta’ artijiet f’erba’ lokalitajiet. Dawn l-artijiet fis-suq kienu jiswew qrib l-għoxrin miljun ewro b’hekk issa Project Green se tkun tista’ tikkonverti dawn l-artijiet fi spazji ħodor miftuħa fil-qalba ta’ Ħal Luqa, Ħal Kirkop, Ħal Lija u San Ġiljan, kollha ftit minuti biss ‘il bogħod minn postijiet residenzjali. L-Awtorità tal-Artijiet hija mpenjata li tidentifika aktar artijiet ta’ dan it-tip biex sa din is-sena nilħqu l-mira ta’ 20,000 metru kwadru ta’ artijiet bħal dawn.

Informazzjoni dwar l-erba’ siti:

Ħal Luqa

• Triq Mikielanġ Sapiano

• Żona tal-iżvilupp għal ħames sulari ta’ bini

• 3,400 metru kwadru

Ħal Kirkop

• Triq Nerik Xerri

• Żona tal-iżvilupp għal ħames sulari ta’ bini

• 1,100 metru kwadru

Ħal Lija

• Triq Merino

• Żona tal-iżvilupp għal erba’ sulari ta’ bini

• 700 metru kwadru

San Ġiljan

• Ta’ Ġiorni

• Żona tal-iżvilupp għal binjiet differenti

• 2,300 metru kwadru

FacebookTwitter
Skip to content