Investiment fl-Università li bih Malta kapaċi tkun fuq quddiem fir-riċerka u l-innovazzjoni

PR240298

23/02/2024

• Il-Prim Ministru Robert Abela jinawgura laboratorji state-of-the-art parti mill-kumpless TRAKE

Malta kapaċi tkun minn ta’ quddiem fir-riċerka u l-innovazzjoni. Dan permezz ta’ investiment fl-istituzzjonijiet edukattivi biex uliedna jirċievu edukazzjoni li tippreparahom għal karrieri ta’ kwalità li qed jinħolqu fl-industriji tal-futur. Messaġġ importanti li għadda l-Prim Ministru Robert Abela waqt li inawgura laboratorji tar-riċerka u l-innovazzjoni fil-qasam tal-inġinerija, parti mill-ewwel binja ddedikata għar-riċerka fl-Università ta’ Malta.

Dawn il-laboratorji huma parti mill-kumpless TRAKE (Transdisciplinary Research and Knowledge Exchange) u se jilqgħu fihom studenti li qed jistudjaw f’livell Maġisteru u Dottorat. Fihom se ssir riċerka marbuta mal-inġinerija tal-manifattura, l-intelliġenza artifiċjali, l-awtomatizazzjoni u l-inġinerija robotika kemm għall-vetturi fuq l-art, fuq il-baħar u anki dawk aerospazjali.

Il-Prim Ministru Robert Abela saħaq li dak li qed jiġi inawgurat permezz ta’ ħidma b’sinerġija bejn Ministeri, entitajiet iżda anki l-viżjoni tal-Università ta’ Malta, huwa sinjal ċar ta’ fejn irridu nieħdu lil pajjiżna għas-snin li ġej biex inkunu fuq quddiem tal-avvanzi teknoloġiċi li qed iseħħu madwar id-dinja. Qal li dan l-investiment komprensiv ta’ €39 miljun b’fondi pubbliċi u dawk Ewropej huwa xhieda ta’ investiment fl-edukazzjoni, speċjalment fir-riżorsi li jħejju primarjament liż-żgħażagħ għat-teknoloġija tal-futur. Hawn semma deċiżjoni oħra li ħa l-Gvern li jirriforma s-sistema tal-istipendji u jżidhom partikolarment għal studenti li qed jistudjaw f’oqsma tal-futur u li jagħtu valur miżjud lil pajjiżna.

Dr Abela qal li daqstant ieħor l-investiment fir-riżors uman, ir-riċerkaturi li jnisslu s-suċċess ta’ proġett bħal dak inawgurat fl-Università għaliex il-laboratorji u l-apparat state-of-the-art li hemm jingħata l-ħajja mill-għerf tal-istudenti Maltin. Dan sostnieh ukoll waqt iż-żjara li kellu fil-laboratorji u tkellem mal-istudenti li qed jirriċerkaw anki fl-ittestjar tal-elettronika fejn qed jinħolqu teknoloġiji intelliġenti applikati f’oqsma diversi sabiex nibqgħu ntejbu l-effiċjenza pereżempju fl-użu tal-enerġija fil-binjiet tagħna.

Il-Prim Ministru Robert Abela rrefera wkoll għal żjara li kellu aktar kmieni din il-ġimgħa fil-fabbrika ta’ Trelleborg u nnota wkoll kif f’pajjiżna hawn bosta kumpaniji li qed ifuru bl-innovazzjoni u joffru prodotti ta’ kwalità li jispiċċaw f’dak kollu li nużaw ta’ kuljum bħal karozzi, mediċini, mobile phones u aġġeġi oħra. “Għalhekk investiment bħal dan hu importanti għax qed inħejju l-istudenti għal dak li se jsibu fl-industrija, anzi iktar minn hekk dawn l-istudenti se jfasslu fejn trid tmur l-industrija”, sostna l-Prim Ministru Abela. Irrimarka wkoll li filwaqt li qed ninvestu f’laboratorji tal-ogħla livell għar-riċerka u l-innovazzjoni, daqstant ieħor irridu ninvestu f’dawk l-istudenti li dak li jaraw b’għajnejhom, jagħmluh b’idejhom. Hawn semma l-korsijiet fis-snajja’ fejn ukoll tidħol ix-xjenza u t-teknoloġija.

Il-Prim Ministru qal li huwa għalhekk li l-inizjattiva fl-Università ta’ Malta mhiex waħda iżolata imma tagħti direzzjoni ċara taż-żerriegħa li tfajna f’oqsma industrijali ġodda. Dan f’kuntest ta’ dak li qed isir biex bħala pajjiż inkomplu nrawwmu namra max-xjenza u t-teknoloġija anki fl-edukazzjoni bikrija. Dan fi ħsieb ċar li l-edukazzjoni tagħna tkun allinijata mal-ekonomija li qed noħolqu.

FacebookTwitter
Skip to content