Stqarrija mill-Uffiċċju tal-Prim Ministru

PR240327

29/02/2024

Bil-għan li tkun ikkonsolidata u kkoordinata b’mod aħjar il-ħidma marbuta mal-immaniġġjar ta’ ħaddiema barranin fis-suq tax-xogħol Malti, il-Prim Ministru Robert Abela ħa deċiżjoni li l-aġenziji Identità u Jobs+ ikunu responsabbiltà tal-istess Ministeru. Il-Gvern ilu għal diversi xhur jieħu azzjonijiet diretti u kkoordinati biex il-kontroll tal-awtoritajiet Maltin jissaħħaħ, tiżdied il-kwalità u s-suq tax-xogħol Malti jassorbi l-ħaddiema li għandu bżonn u mhux iktar. Il-pass li qed jittieħed illum huwa primarjament maħsub biex tissaħħaħ il-koordinazzjoni bejn l-entitajiet governattivi.

Għal dan il-għan il-Ministru Byron Camilleri se jkun qed iservi bħala Ministru għall-Intern, is-Sigurtà Nazzjonali u x-Xogħol. Il-ħidma fis-suq tax-xogħol trid tibni wkoll fuq il-ħidma importanti u b’saħħitha mibdija mill-Ministru Clyde Caruana bit-tnedija u l-bidu tat-twettiq tal-politika nazzjonali għas-suq tax-xogħol.

B’konsegwenza ta’ din il-bidla, ir-riformi u l-ugwaljanza issa se jkunu qed jimxu taħt id-Deputat Prim Ministru Chris Fearne, bis-Segretarju Parlamentari Rebecca Buttigieg tibqa’ fdata bir-responsabbiltà tas-setturi. Il-Ministeru se jkun iġib l-isem tal-Ministeru għall-Fondi Ewropej, Ugwaljanza, Riformi u Djalogu Soċjali.

FacebookTwitter
Skip to content