Month: April 2025

PR250610

Il-Gvern se jkompli jsaħħaħ l-għajnuna lill-pazjenti fosthom billi jkopri l-ispejjeż kollha tal-mediċini tal-kanċer

Fi żjara lill-pazjenti Maltin li qed jirċievu l-kura medika f’Londra, il-Prim Ministru Robert Abela ħabbar li l-Gvern għaddej bit-tħejjijiet biex l-ewwel għaxar mediċini minn ftit aktar minn erbgħin għall-kura tal-kanċer jidħlu fil-formularju u b’hekk jingħataw mingħajr ħlas. Dan bħala parti minn bidla tranżitorja li fiha l-Gvern se jieħu fuqu l-piż tal-mediċini tal-kanċer flok il-Malta Community Chest Fund u b’hekk il-pazjenti jingħataw il-kura bi dritt, u mhux b’karità. Sakemm isseħħ il-bidla, il-pazjenti xorta se jibqgħu jkunu mgħejjuna mill-Malta Community Chest Fund. 

F’Londra, flimkien ma’ Angele Cuschieri u Rennie Zerafa ta’ Puttinu Cares, il-Prim Ministru Robert Abela u martu Lydia Abela tennew l-appoġġ kontinwu li Malta tibqa’ tagħti għal kawżi soċjali bħal ma tressaq ’il quddiem din l-għaqda li twettaq ġid kbir fis-soċjetà Maltija. 

Il-Prim Ministru qal li l-valuri importanti li jħaddan il-poplu Malti u Għawdxi, bħall-imħabba u s-solidarjetà, huma riflessi fil-ħidma bla qies li twettaq Puttinu Cares. “L-inkwiet għandna nerfgħuh aħna bħala Gvern u mhux in-nies. Fuq kollox, irridu nibqgħu nagħtu s-serħan il-moħħ lill-familji u lil Puttinu Cares, li jgħixu vjaġġ ta’ sfida iżda fih din l-għaqda turi empatija liema bħalha ma’ dawk li jkollhom bżonn spalla,” qal Dr Abela. 

Mal-Prim Ministru Robert Abela f’Londra kien hemm il-Ministru għas-Saħħa u l-Anzjanità Attiva Jo Etienne Abela, li flimkien waslu dan il-messaġġ ta’ kuraġġ lill-familji Maltin. 

Iż-żjara tal-Prim Ministru bdiet fl-isptar Royal Marsden li huwa meqjus bħala wieħed mill-aqwa ċentri tal-onkoloġija fid-dinja. Milqugħ mill-konsulent Dr Francesca Sillito, Dr Abela seta’ jara x-xogħol li jsir biex tingħata kura speċjalizzata lil min jiġi bżonnha. F’sala tal-isptar, il-Prim Ministru u Dr Lydia Abela qattgħu ħin ma’ pazjent Malti li bħalissa qed jingħata trattament fir-Royal Marsden. 

Dr Abela, li huwa l-ewwel Prim Ministru Malti li żar lil Puttinu f’Londra, iltaqa’ wkoll mal-kirurgu Malti Matthew Schembri li jaħdem fl-isptar Royal Marsden fejn jispeċjalizza fir-robotika għat-trattament tal-kanċer tal-prostata u jirriċerka dwar l-użu tal-intelliġenza artifiċjali biex titjieb il-ħajja tal-pazjent fil-vjaġġ tiegħu wara d-djanjożi. 

F’isem il-Gvern Malti, il-Prim Ministru ppreżenta wkoll donazzjoni lir-Royal Marsden Cancer Charity li se tmur għal investiment fir-riċerka biex ikomplu l-proġetti ta’ studju fost oħrajn fuq identifikazzjoni kmieni tal-marda, trattament personalizzat u trattamenti ġodda.

Iż-żjara kompliet fl-appartamenti ta’ Puttinu Cares f’Sutton. Hawnhekk, Dr Robert Abela u d-delegazzjoni tiegħu tkellmu ma’ persuni ta’ etajiet differenti li qed jgħixu f’dawn il-postijiet sakemm jieħdu l-kura meħtieġa. Dawn il-familji nnutaw l-appoġġ kbir li jirċievu mingħand Puttinu Cares. Ġie rrimarkat ukoll kif l-għajnuna mogħtija mill-Gvern tissarraf li f’mument ta’ sfida, jiġu koperti l-ispejjeż marbuta mal-vjaġġ mhux biss ta’ persuna waħda li takkumpanja lill-pazjent, fosthom tfal, iżda anki t-tieni persuna.

Mill-appartamenti ta’ Sutton, iż-żjara kompliet fil-proprjetà l-ġdida ta’ Puttinu Cares fiċ-ċentru ta’ Londra, fejn qed jinbnew appartamenti għall-familji Maltin u Għawdxin eqreb ta’ fejn il-pazjenti jirċievu t-trattament mediku. Ingħad kif din il-binja, frott id-donazzjonijiet tal-poplu Malti u l-għajnuna mill-Gvern, se tkun imsemmija għall-mibki tabib Dr Victor Calvagna, li ħadem ma’ għadd ta’ tfal u familji li ntlaqtu mill-marda tal-kanċer. Bis-saħħa ta’ din il-binja, li issa hemm permessi biex jitla’ wkoll sular ġdid, se jiġu akkomodati mat-80% tal-pazjenti u qraba li jiġu bżonn akkomodazzjoni waqt li jkunu fl-Ingilterra biex jirċievu l-kura. 

Sitwazzjoni li sa għoxrin sena ilu kienet għal kollox differenti, hekk kif il-familji u l-pazjenti kien ikollhom jaħsbu huma fejn joqogħdu bl-ispejjeż li ġġib magħha. Preżentament bejn sittin u disgħin pazjent jivvjaġġaw minn Malta lejn l-Ingilterra kull xahar biex jirċievu kura fi sptarijiet fiċ-ċentru ta’ Londra. 

Iż-żjara tal-Prim Ministru ntemmet għand is-sorijiet Franġiskani f’Londra li wkoll jiddedikaw il-ħin u r-riżorsi tagħhom biex joffru assistenza mill-qalb, b’servizzi li jiffaċilitaw il-ħajja tal-familji Maltin waqt li jkunu għaddejjin minn mumenti ta’ sfida. 

Intant, il-President ta’ Puttinu Cares Angele Cuschieri rringrazzjat lill-poplu Malti u Għawdxi tal-appoġġ li dejjem wera lejn l-għaqda li taħdem mal-familji, fosthom tfal morda bil-kanċer. Hija tenniet l-appell t’għajnuna f’maratona li se ssir nhar il-Ġimgħa l-Kbira u li fiha se tkompli ssir realtà l-ħolma tal-proġett ta’ appartamenti fiċ-ċentru ta’ Londra biex jakkomoda l-familji Maltin li jkunu l-Ingilterra għall-kura medika. 

Angele Cuschieri qalet li hi xi ħaġa sabiħa li l-pajjiż ikun hemm b’risq il-familji li jkunu għaddejjin minn perjodu diffiċli ta’ mard u spjegat kif il-missjoni ta’ Puttinu Cares ma tistax tieqaf iżda trid tkompli tissaħħaħ.

Din iż-żjara f’Londra kienet ikkordinata bis-sehem tal-Kummissarju Għoli ta’ Malta għar-Renju Unit, il-Professur Stephen Montefort.

PR250597

Il-Prim Ministru Robert Abela jinawgura żewġ skejjel ġodda fir-Rabat Għawdex – l-Iskola Primarja Sir Arturo Mercieca u l-Iskola Medja Agius de Soldanis

Il-Prim Ministru Robert Abela, akkumpanjat mill-Ministru għall-Edukazzjoni u l-Isport, iż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni Clifton Grima u mill-Ministru għal Għawdex u l-Ippjanar Clint Camilleri, inawgura żewġ skejjel ġodda fil-kampus edukattiv fir-Rabat, Għawdex: l-Iskola Primarja Sir Arturo Mercieca u l-Iskola Medja Agius de Soldanis.

Il-proġett tal-iskola Primarja jinkludi 16-il klassi għall-Primarja, 10 klassijiet għall-kindergarten, klassijiet u laboratorji għax-xjenza, IT u arti, fuq żona ta’ 8,000 metru kwadru bi 3,000 metru kwadru minnhom żoni għall-isport u r-rikreazzjoni tat-tfal. L-iskola Primarja u l-kindergarten flimkien kapaċi jieħdu madwar 650 tifel u tifla. Bħala parti minn dan il-proġett sar ukoll it-tkabbir u l-immodernizzar tal-Iskola Medja li hemm fl-istess żona u li tikkonsisti f’30 klassi li ġew rinovati, laboratorji tax-xjenza, żewġ swali ġodda għal użu differenti, gymnasium u klassijiet ġodda għall-arti, il-mużika, u d-drama.

Il-Prim Ministru żar diversi klassijiet tal-iskola Primarja u ltaqa’ mat-tfal waqt attivitajiet edukattivi. Wara żjara fiċ-Childcare Centre modern, żar ukoll l-iskola Medja fejn segwa sessjonijiet ta’ arti u xjenza, kif ukoll diskussjoni mal-istudenti li kienet tinkludi l-parteċipazzjoni ta’ personalitajiet magħrufa Għawdxin Mark Laurence Zammit, Sarah Bonnici u Daniel Formosa. Il-Prim Ministru għalaq id-diskussjoni b’intervent li sar fost l-istudenti stess.

F’indirizz tiegħu l-Prim Ministru Robert Abela saħaq li dak li ġie inawgurat mhuwiex biss żewġ skejjel; hu investiment fil-ħolm u l-aspirazzjonijiet ta’ mijiet ta’ tfal Għawdxin. Dan il-kampus hu eżempju ċar ta’ kif irridu naraw lill-edukazzjoni – moderna u inklużiva. Dan il-proġett sar permezz ta’ investiment ta’ madwar €18-il miljun u jinkludi wkoll childcare centre, faċilitajiet sportivi u ċentru ta’ interpretazzjoni arkeoloġika mibni madwar fdalijiet ta’ oqbra Puniċi li nstabu waqt il-kostruzzjoni.

Il-Ministru Clifton Grima qal li għalkemm il-bini huwa importanti, l-iktar ħaġa kruċjali hija li f’dan il-kumpless inħoloq l-ambjent meħtieġ biex it-tfal jiżviluppaw il-ħiliet tagħhom. “Illum dawn l-istudenti u l-edukaturi għandhom l-ambjent edukattiv meħtieġ biex il-perkors edukattiv jgħinhom mhux biss jiżviluppaw il-ħiliet tagħhom, imma wkoll li jwassalhom biex jilħqu l-aspirazzjonijiet għall-futur tagħhom. Din l-iskola ġdida u l-modernizzar tal-kumpless jingħaqad mal-katina ta’ skejjel ġodda u modernizzati li qed nagħtu u qed jitgawdew mill-istudenti u l-edukaturi tagħna,” qal il-Ministru Grima.

Il-Ministru Clint Camilleri stqarr li l-inawgurazzjoni tal-iskejjel Primarja u Medja tar-Rabat hija pass ieħor importanti fit-triq tal-modernizzazzjoni tas-settur edukattiv f’Għawdex. “Bil-bini tal-iskola Primarja ġdida u bit-tkabbir u l-immodernizzar tal-iskola Medja dawn l-istituzzjonijiet edukattivi jirriflettu l-impenn konkret tal-Gvern biex jassigura ambjent ta’ tagħlim adegwat, sigur u innovattiv għall-istudenti tagħna,” il-Ministru Camilleri.

Il-Ministru Clint Camilleri temm jgħid li dan l-investiment huwa xhieda ċara tal-viżjoni tagħna favur edukazzjoni inklussiva u ta’ kwalità, li tqiegħed lit-tfal Għawdxin fiċ-ċentru tal-iżvilupp soċjali u edukattiv tal-gżira.

Dan il-proġett jagħmel il-kampus edukattiv fir-Rabat, Għawdex, uniku f’Malta peress li joffri edukazzjoni minn childcare sa sixth form f’ambjent wieħed integrat.

Erbat itfal Palestinjani minn Gaża waslu f’pajjiżna biex jirċievu kura medika. Kif kien imħabbar mill-Prim Ministru Robert Abela, Malta kompliet toffri din l-għajnuna umanitarja u laqgħet lil dawn it-tliet subien u tifla, kif ukoll lil qrabathom, li qed jakkumpanjawhom.

Minn vjaġġ mil-Lvant Nofsani, dawn it-tfal waslu fis-sigħat bikrin tal-Ħamis filgħodu wara anki ħidma kkordinata taħt inizjattiva mħaddma skont il-Mekkaniżmu tal-Unjoni Ewropea għall-Protezzjoni Ċivili bis-sehem tad-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili ta’Malta. It-tfal se jirċievu kura medika mill-professjonisti fl-Isptar Mater Dei filwaqt li l-qraba qed jiġu ospitati mill-Aġenzija għall-Ħarsien ta’ Persuni li jkunu qed ifittxu l-Ażil (AWAS).

PR250576

Kwalità ta’ ħajja b’saħħitha għal kulħadd” – il-Prim Ministru Robert Abela jniedi l-bażi tal-Viżjoni Malta 2050

Waqt diskussjoni fiċ-Ċittadella, Għawdex, il-Prim Ministru Robert Abela nieda l-bażi tal-Viżjoni Malta 2050. Din il-laqgħa, li kienet forma ta’ diskussjoni miftuħa fil-preżenza tal-Kabinett tal-Ministri, ġabret kelliema ta’ etajiet varji u membri oħra tal-komunità inkluż dik Għawdxija, sabiex jiddiskutu direzzjoni komuni għal pajjiż sostenibbli.

Il-Prim Ministru beda biex ippreżenta u spjega d-dikjarazzjoni ewlenija tal-viżjoni, dik li pajjiżna jkun: “Nazzjon sigur u reżiljenti, ispirat mill-wirt storiku tiegħu u mmexxi mill-progress, li jippromwovi kwalità ta’ ħajja b’saħħitha għal kulħadd.”

Il-Prim Ministru tkellem dwar kif hu jara l-futur ta’ pajjiżna: “Nara lil Malta bħala pajjiż b’saħħtu, sostenibbli u inklussiv. Pajjiż li jieħu ħsieb lin-nies tiegħu. Li jipproteġi dak li jagħmilna uniċi. Li jipprepara għall-futur b’kuraġġ, bi kreattività u b’serjetà. Malta b’saħħitha. Malta li tattira l-aqwa investiment teknoloġiku. Uliedna jkunu aktarx fl-aqwa taż-żgħożija tagħhom. Jaqtgħu l-frott tal-istudji tagħhom. Jaħtfu l-aqwa opportunitajiet li rridu noħolqulhom.”

Il-Viżjoni Malta 2050 ser tinbena fuq erba’ pilastri ewlenin:

1. Tkabbir Ekonomiku Sostenibbli, fejn Malta tkompli tirreġistra medja ta’ tkabbir ekonomiku ta’ 5% fis-sena bejn issa u l-2035, liema tkabbir isir b’pass aktar sostenibbli u xprunat mill-oqsma tas-servizzi finanzjarji, is-settur diġitali, l-innovazzjoni u r-riċerka, manifattura ta’ livell għoli, turiżmu ta’ kwalità, il-qasam tal-iGaming, u oqsma oħra marbuta mal-avjazzjoni u l-marittimu, fost oħrajn.

2. Servizzi Aċċessibbli u biċ-Ċittadin fiċ-Ċentru, sabiex naċċertaw li l-esperjenza ta’ kull persuna f’pajjiżna tkun waħda ta’ kwalità, inklussiva, b’servizzi soċjali mill-aqwa, inkluż housing affordabbli, komunitajiet vibranti, u b’servizzi tal-aqwa kwalità, partikolarment dawk relatati mas-saħħa u l-mobbiltà, xprunati minn teknoloġija avvanzata u diġitalizzazzjoni.

3. Pajjiż aktar reżiljenti u b’sistema ta’ Edukazzjoni Moderna, sabiex nassiguraw li pajjiżna, minkejja ċ-ċokon u r-realtajiet ġeo-fiżiċi tiegħu, inaqqas kemm jista’ jkun il-vulnerabbilità eċċessiva kkawżata minn dipendenza barranija, partikolarment f’oqsma strateġiċi u ta’ importanza nazzjonali bħall-enerġija, l-ilma, l-ikel u l-ħaddiema. Kritiku f’dan kollu hu li nassiguraw li jibqa’ jkollna sistema ta’ edukazzjoni mill-aqwa u innovattiva, li tħares ’il quddiem u li tkun allinjata mal-miri u l-bżonnijiet ta’ pajjiżna. Fuq dan kollu rridu nassiguraw li pajjiżna jkun ukoll wieħed reżiljenti u adattabbli għat-tibdil fil-klima.

4. Użu Intelliġenti tal-Art u tal-Baħar, sabiex nassiguraw ippjanar effiċjenti u l-konservazzjoni tar-riżorsi naturali ta’ pajjiżna b’mod li jkollna bilanċ ekoloġiku tajjeb. Hawnhekk jispikkaw il-bżonn ta’ ippjanar urban aktar effiċjenti, li pajjiżna igawdi minn aktar spazji ħodor u miftuħa, u li nħarsu flimkien lejn proġetti fuq reklamazzjoni tal-art bħal ma qed isir preżentament ġewwa l-Freeport.

Dawn il-pilastri huma magħġuna f’daqqa minn erba’ faċilitaturi li huma l-politika u l-governanza tajba, il-finanzjament li se jiġi allokat b’mod strateġiku għall-inizzjattivi u proġetti li sejrin isiru, it-trasformazzjoni diġitali, u finalment l-aġġornament ta’ Brand Malta biex tirrifletti l-aspirazzjonijiet imġedda ta’ pajjiżna.

Matul din il-laqgħa ġie spjegat fid-dettall kif din il-viżjoni nbniet u kif dawn il-pilastri ssawru, grazzi għal konsultazzjoni estensiva li saret ma’ korpi kostitwiti, Ministeri u entitajiet, focus groups ma’ gruppi tan-negozju u ċittadini privati, surveys u sentiment analysis u laqgħat oħra ta’ konsultazzjoni u djalogu fosthom fl-ogħla organi tal-MCESD, mal-Oppożizzjoni u anke l-Youth Advisory Forum, fost l-oħrajn. F’konformità ma’ din il-viżjoni, ser jiġu stabbiliti Indikaturi ta’ Prestazzjoni (KPIs), li se jkunu pubbliċi u aċċessibbli, sabiex il-pubbliku jkun jista’ jara jekk il-Gvern huwiex jilħaq dawn l-indikaturi. Dan jagħti wkoll lill-pubbliku opportunità li jkunu l-għassiesa tal-progress tal-viżjoni.

Waqt il-preżentazzjoni, il-Prim Ministru Abela qal, “Dan mhux biss pjan tal-Gvern, iżda konversazzjoni nazzjonali li tmur lil hinn minn ċiklu politiku jew partit wieħed fil-Gvern.” F’Għawdex, il-Prim Ministru Robert Abela qal ukoll li l-Viżjoni Malta 2050 toffri wkoll opportunità unika għal Għawdex. “Il-Viżjoni tara lil Għawdex bħala mudell għall-pajjiż kollu. Ghawdex fost l-ewwel li jista’ jibbenefika għaliex dak ta’ Għawdex huwa l-mudell li jridu l-Maltin. Għawdex huwa parti mill-isfidi u l-aspirazzjonijiet ewlenin li l-Viżjoni Malta 2050 qed tfittex li tindirizza, mill-iżvilupp sostenibbli u l-kwalità tal-ħajja, sal-konnettività, l-innovazzjoni u r-reżiljenza ekonomika”, qal Dr Abela.

Min-naħa tiegħu, il-Ministru għall-Ekonomija, l-Intrapriża u Proġetti Strateġiċi Silvio Schembri spjega li fil-proċess tat-tfassil ta’ din il-viżjoni ġew analizzati aktar minn tletin strateġija settorjali ewlenija ta’ pajjiżna, li jipprovdu ħarsa ġenerali komprensiva tad-direzzjonijiet tal-politika attwali. Dan l-eżerċizzju wassal għar-ri-eżami ta’ aktar minn 1,800 inizjattiva individwali, li minnhom aktar minn 90 makro-inizjattiva ġew ikkonsolidati fil-qafas ta’ din il-viżjoni. Saret ukoll analiżi profonda ta’ mega trends li japplikaw għal pajjiżna, u sar ukoll tqabbil ma’ pajjiżi oħra bħall-Irlanda, il-Lussemburgu, id-Danimarka u Singapore.

Fuq kollox huwa aċċenna dwar il-mod ġdid li bih se nibdew inkejlu s-suċċess ta’ pajjiżna: “Qegħdin niffukaw fuq il-kwalità tal-ħajja tal-individwu, mhux biss fuq il-Prodott Domestiku Gross. Dan ifisser li ser inkejlu l-progress u s-suċċess tagħna skont kemm il-poplu tagħna qed jgħix ħajja b’saħħitha u kuntenta”.

Intant fil-konklużjoni tiegħu, il-Prim Ministru Robert Abela appella għall-għaqda: “Ejja naffrontaw din l-isfida b’umiltà u determinazzjoni. Ejja nkomplu niktbu din il-Viżjoni flimkien, mhux biss bil-kelma, imma bl-għemil. Din hija Malta li rridu nibnu għalina u għall-ġenerazzjonijiet li ġejjin.”

Il-konsultazzjoni pubblika se tkompli fix-xhur li ġejjin u matul is-sajf biex imbagħad il-Viżjoni Malta 2050 titnieda b’mod sħiħ u finali iktar tard. Kull min għandu interess li jikkontribwixxi l-ideat tiegħu għall-viżjoni nazzjonali ta’ pajjiżna jista’ jsib id-dettalji u l-informazzjoni meħtieġa fuq envision2050.gov.mt.

PR250551

Il-Prim Ministru Robert Abela żar The Club Fitness Centre fil-Qrendi, fejn qed isir taħriġ tal-OCR speċjalizzat u inklużiv għall-awtiżmu. Matul iż-żjara, akkumpanjat mill-Ministru għall-Inklużjoni u l-Volontarjat Julia Farrugia, il-Prim Ministru ltaqa’ ma’ tfal u ġenituri li qed jibbenefikaw minn din l-inizjattiva. Dan il-proġett innovattiv, imniedi fl-2022, huwa kollaborazzjoni bejn il-Ministeru għall-Inklużjoni u l-Volontarjat, l-Autism Parents Association, u The Club Fitness Centre mmexxi minn Julian Briffa. Il-faċilità toffri taħriġ sportiv bla ħlas lil tfal li jinsabu fil-firxa tal-awtiżmu, filwaqt li tibqa’ miftuħa wkoll għal tfal oħra tal-komunità.

Matul iż-żjara tiegħu, il-Prim Ministru Robert Abela kellu l-opportunità jara mill-qrib it-taħriġ u apparat speċjalizzat li qed jintuża biex jgħin lit-tfal jintegraw aħjar fl-attivitajiet sportivi. Huwa faħħar l-impenn tal-organizzaturi u rrikonoxxa l-irwol importanti li dawn il-proġetti għandhom fl-inklużjoni u l-iżvilupp personali tat-tfal. “Dan il-proġett huwa xhieda ta’ kif qed inkomplu noħolqu opportunitajiet biex kulħadd ikun jista’ jipparteċipa fis-soċjetà. Aħna kommessi li nkomplu ninvestu f’aktar inizjattivi bħal din li jagħtu futur aħjar lil kulħadd,” saħaq il-Prim Ministru Abela.

Il-Ministru Julia Farrugia fakkret li dan il-proġett ingħata appoġġ finanzjarju mill-Gvern biex jissaħħaħ l-ispazju u l-programmi ta’ taħriġ. “Qed noħolqu ambjent fejn it-tfal kollha jistgħu jgawdu mill-benefiċċji tal-isport u jiżviluppaw il-ħiliet tagħhom b’mod sigur u inklużiv,” qalet il-Ministru Farrugia.

Il-proġett ta’ taħriġ inklużiv huwa mibni fuq tliet pilastri ewlenin: is-saħħa sportiva, l-inklużjoni, u l-komunità. Għaldaqstant il-faċilità tilqa’ mhux biss tfal bl-awtiżmu iżda wkoll residenti u anzjani li jixtiequ jagħmlu użu minnha matul il-ġimgħa.

Intant waqt din iż-żjara l-Prim Ministru ltaqa ma’ diversi ġenituri li tkellmu dwar l-għajnuniet li offrew appoġġ lill-familji ta’ tfal b’diżabilità. Dan hekk kif permezz tal-iskema ta’ rifużjoni fuq l-ispejjeż tat-terapija għat-tfal b’diżabilità, il-ġenituri issa jistgħu jitolbu lura sa €750 fis-sena għal sessjonijiet ta’ terapija. Din hi żieda ta’ €250 mill-€500 li kien l-ammont stabbilit għas-sena li għaddiet. L-inizjattiva mħabbra tinkludi wkoll ġenituri bi dħul baxx u dawk fuq benefiċċji soċjali. Dan il-pass jassisti direttament lill-familji biex ikunu jistgħu jiffukaw fuq il-ġid u l-iżvilupp tat-tfal tagħhom mingħajr piż finanzjarju żejjed.