F’Għawdex, il-Gvern iħabbar qafas avvanzat tal-Viżjoni Malta 2050 u jtellaq l-aħħar fażi ta’ konsultazzjoni pubblika

PR250576

08/04/2025

Kwalità ta’ ħajja b’saħħitha għal kulħadd” – il-Prim Ministru Robert Abela jniedi l-bażi tal-Viżjoni Malta 2050

Waqt diskussjoni fiċ-Ċittadella, Għawdex, il-Prim Ministru Robert Abela nieda l-bażi tal-Viżjoni Malta 2050. Din il-laqgħa, li kienet forma ta’ diskussjoni miftuħa fil-preżenza tal-Kabinett tal-Ministri, ġabret kelliema ta’ etajiet varji u membri oħra tal-komunità inkluż dik Għawdxija, sabiex jiddiskutu direzzjoni komuni għal pajjiż sostenibbli.

Il-Prim Ministru beda biex ippreżenta u spjega d-dikjarazzjoni ewlenija tal-viżjoni, dik li pajjiżna jkun: “Nazzjon sigur u reżiljenti, ispirat mill-wirt storiku tiegħu u mmexxi mill-progress, li jippromwovi kwalità ta’ ħajja b’saħħitha għal kulħadd.”

Il-Prim Ministru tkellem dwar kif hu jara l-futur ta’ pajjiżna: “Nara lil Malta bħala pajjiż b’saħħtu, sostenibbli u inklussiv. Pajjiż li jieħu ħsieb lin-nies tiegħu. Li jipproteġi dak li jagħmilna uniċi. Li jipprepara għall-futur b’kuraġġ, bi kreattività u b’serjetà. Malta b’saħħitha. Malta li tattira l-aqwa investiment teknoloġiku. Uliedna jkunu aktarx fl-aqwa taż-żgħożija tagħhom. Jaqtgħu l-frott tal-istudji tagħhom. Jaħtfu l-aqwa opportunitajiet li rridu noħolqulhom.”

Il-Viżjoni Malta 2050 ser tinbena fuq erba’ pilastri ewlenin:

1. Tkabbir Ekonomiku Sostenibbli, fejn Malta tkompli tirreġistra medja ta’ tkabbir ekonomiku ta’ 5% fis-sena bejn issa u l-2035, liema tkabbir isir b’pass aktar sostenibbli u xprunat mill-oqsma tas-servizzi finanzjarji, is-settur diġitali, l-innovazzjoni u r-riċerka, manifattura ta’ livell għoli, turiżmu ta’ kwalità, il-qasam tal-iGaming, u oqsma oħra marbuta mal-avjazzjoni u l-marittimu, fost oħrajn.

2. Servizzi Aċċessibbli u biċ-Ċittadin fiċ-Ċentru, sabiex naċċertaw li l-esperjenza ta’ kull persuna f’pajjiżna tkun waħda ta’ kwalità, inklussiva, b’servizzi soċjali mill-aqwa, inkluż housing affordabbli, komunitajiet vibranti, u b’servizzi tal-aqwa kwalità, partikolarment dawk relatati mas-saħħa u l-mobbiltà, xprunati minn teknoloġija avvanzata u diġitalizzazzjoni.

3. Pajjiż aktar reżiljenti u b’sistema ta’ Edukazzjoni Moderna, sabiex nassiguraw li pajjiżna, minkejja ċ-ċokon u r-realtajiet ġeo-fiżiċi tiegħu, inaqqas kemm jista’ jkun il-vulnerabbilità eċċessiva kkawżata minn dipendenza barranija, partikolarment f’oqsma strateġiċi u ta’ importanza nazzjonali bħall-enerġija, l-ilma, l-ikel u l-ħaddiema. Kritiku f’dan kollu hu li nassiguraw li jibqa’ jkollna sistema ta’ edukazzjoni mill-aqwa u innovattiva, li tħares ’il quddiem u li tkun allinjata mal-miri u l-bżonnijiet ta’ pajjiżna. Fuq dan kollu rridu nassiguraw li pajjiżna jkun ukoll wieħed reżiljenti u adattabbli għat-tibdil fil-klima.

4. Użu Intelliġenti tal-Art u tal-Baħar, sabiex nassiguraw ippjanar effiċjenti u l-konservazzjoni tar-riżorsi naturali ta’ pajjiżna b’mod li jkollna bilanċ ekoloġiku tajjeb. Hawnhekk jispikkaw il-bżonn ta’ ippjanar urban aktar effiċjenti, li pajjiżna igawdi minn aktar spazji ħodor u miftuħa, u li nħarsu flimkien lejn proġetti fuq reklamazzjoni tal-art bħal ma qed isir preżentament ġewwa l-Freeport.

Dawn il-pilastri huma magħġuna f’daqqa minn erba’ faċilitaturi li huma l-politika u l-governanza tajba, il-finanzjament li se jiġi allokat b’mod strateġiku għall-inizzjattivi u proġetti li sejrin isiru, it-trasformazzjoni diġitali, u finalment l-aġġornament ta’ Brand Malta biex tirrifletti l-aspirazzjonijiet imġedda ta’ pajjiżna.

Matul din il-laqgħa ġie spjegat fid-dettall kif din il-viżjoni nbniet u kif dawn il-pilastri ssawru, grazzi għal konsultazzjoni estensiva li saret ma’ korpi kostitwiti, Ministeri u entitajiet, focus groups ma’ gruppi tan-negozju u ċittadini privati, surveys u sentiment analysis u laqgħat oħra ta’ konsultazzjoni u djalogu fosthom fl-ogħla organi tal-MCESD, mal-Oppożizzjoni u anke l-Youth Advisory Forum, fost l-oħrajn. F’konformità ma’ din il-viżjoni, ser jiġu stabbiliti Indikaturi ta’ Prestazzjoni (KPIs), li se jkunu pubbliċi u aċċessibbli, sabiex il-pubbliku jkun jista’ jara jekk il-Gvern huwiex jilħaq dawn l-indikaturi. Dan jagħti wkoll lill-pubbliku opportunità li jkunu l-għassiesa tal-progress tal-viżjoni.

Waqt il-preżentazzjoni, il-Prim Ministru Abela qal, “Dan mhux biss pjan tal-Gvern, iżda konversazzjoni nazzjonali li tmur lil hinn minn ċiklu politiku jew partit wieħed fil-Gvern.” F’Għawdex, il-Prim Ministru Robert Abela qal ukoll li l-Viżjoni Malta 2050 toffri wkoll opportunità unika għal Għawdex. “Il-Viżjoni tara lil Għawdex bħala mudell għall-pajjiż kollu. Ghawdex fost l-ewwel li jista’ jibbenefika għaliex dak ta’ Għawdex huwa l-mudell li jridu l-Maltin. Għawdex huwa parti mill-isfidi u l-aspirazzjonijiet ewlenin li l-Viżjoni Malta 2050 qed tfittex li tindirizza, mill-iżvilupp sostenibbli u l-kwalità tal-ħajja, sal-konnettività, l-innovazzjoni u r-reżiljenza ekonomika”, qal Dr Abela.

Min-naħa tiegħu, il-Ministru għall-Ekonomija, l-Intrapriża u Proġetti Strateġiċi Silvio Schembri spjega li fil-proċess tat-tfassil ta’ din il-viżjoni ġew analizzati aktar minn tletin strateġija settorjali ewlenija ta’ pajjiżna, li jipprovdu ħarsa ġenerali komprensiva tad-direzzjonijiet tal-politika attwali. Dan l-eżerċizzju wassal għar-ri-eżami ta’ aktar minn 1,800 inizjattiva individwali, li minnhom aktar minn 90 makro-inizjattiva ġew ikkonsolidati fil-qafas ta’ din il-viżjoni. Saret ukoll analiżi profonda ta’ mega trends li japplikaw għal pajjiżna, u sar ukoll tqabbil ma’ pajjiżi oħra bħall-Irlanda, il-Lussemburgu, id-Danimarka u Singapore.

Fuq kollox huwa aċċenna dwar il-mod ġdid li bih se nibdew inkejlu s-suċċess ta’ pajjiżna: “Qegħdin niffukaw fuq il-kwalità tal-ħajja tal-individwu, mhux biss fuq il-Prodott Domestiku Gross. Dan ifisser li ser inkejlu l-progress u s-suċċess tagħna skont kemm il-poplu tagħna qed jgħix ħajja b’saħħitha u kuntenta”.

Intant fil-konklużjoni tiegħu, il-Prim Ministru Robert Abela appella għall-għaqda: “Ejja naffrontaw din l-isfida b’umiltà u determinazzjoni. Ejja nkomplu niktbu din il-Viżjoni flimkien, mhux biss bil-kelma, imma bl-għemil. Din hija Malta li rridu nibnu għalina u għall-ġenerazzjonijiet li ġejjin.”

Il-konsultazzjoni pubblika se tkompli fix-xhur li ġejjin u matul is-sajf biex imbagħad il-Viżjoni Malta 2050 titnieda b’mod sħiħ u finali iktar tard. Kull min għandu interess li jikkontribwixxi l-ideat tiegħu għall-viżjoni nazzjonali ta’ pajjiżna jista’ jsib id-dettalji u l-informazzjoni meħtieġa fuq envision2050.gov.mt.

FacebookTwitter