Month: April 2025

PR250659

Il-Gvern qed jiddikjara l-ġurnata ta’ għada, it-Tlieta 22 ta’ April 2025, bħala jum ta’ luttu b’turija ta’ rispett lejn il-Qdusija Tiegħu Papa Franġisku.

Il-ġurnata tal-funeral ta’ Papa Franġisku se titħares bħala jum ta’ luttu nazzjonali. Dakinhar funzjonijiet u attivitajiet pubbliċi tal-Gvern se jiġu mħassra. 

Il-bnadar kollha fuq il-bini u l-uffiċini pubbliċi għandhom jittajru mezz’asta fiż-żewġ dati.

Papa Franġisku kien il-mexxej tal-Knisja Kattolika u simbolu tal-ġustizzja soċjali u l-paċi għall-popli tad-dinja kollha. Il-Gvern iħeġġeġ lill-poplu Malti u Għawdxi kollu sabiex jingħaqad f’din l-aħħar tislima ta’ rispett billi josserva dawn il-ġranet ta’ luttu.

PR250657

Il-Gvern ta’ Malta juri s-sogħba għall-mewt ta’ Francis Zammit Dimech li serva bħala Aġent President tar-Repubblika ta’ Malta. Dr Zammit Dimech serva wkoll f’diversi karigi oħra fosthom f’Kabinetti tal-Ministri, fl-ogħla istituzzjoni tal-pajjiż il-Parlament u rrappreżenta lil pajjiżna fil-Parlament Ewropew.

Il-Prim Ministru Robert Abela fisser lil Francis Zammit Dimech bħala politiku ġentlom, sod fl-argumenti tiegħu iżda ġentili u rispettuż fil-manjieri u l-atteġġjament tiegħu. Qal li Malta tibqa’ grata għas-servizz tiegħu anki dan l-aħħar meta kien Aġent President waqt li kellu sfidi ta’ saħħa.

Il-Gvern jagħti l-kondoljanzi sinċiera lil qrabatu u dawk l-aktar qrib tiegħu.

PR250651

Il-Gvern ta’ Malta jsellem il-memorja ta’ Papa Franġisku u jagħti l-kondoljanzi lill-Istat tal-Vatikan.

Il-Papa Franġisku kellu rabta speċjali ma’ pajjiżna wara li għamel żjara appostolika f’pajjiżna fl-2022. Kienet okkażjoni sabiħa li fiha Papa Franġisku żar il-gżejjer Maltin u ltaqa’ mal-poplu Malti u Għawdxi f’laqgħat li jibqgħu mfakkra fl-istorja ta’ dan il-pajjiż.

Filwaqt li nnota l-laqgħat li kellu fuq livell personali ma’ Papa Franġisku, il-Prim Ministru Robert Abela rrimarka għall-ħidma importanti li wettaq Papa Franġisku tul il-pontifikat tiegħu fosthom li wassal vuċi importanti favur dawk l-aktar vulnerabbli u tella’ fuq l-aġenda internazzjonali numru ta’ temi soċjali.

Papa Franġisku ħadem bi sħiħ favur il-paċi fi żmien ta’ sfidi ġeo-politiċi u mbotta riformi notevoli fil-Knisja Kattolika.

Il-Prim Ministru Robert Abela flimkien ma’ martu Dr Lydia Abela u l-Ministru għall-Intern, is-Sigurtà u x-Xogħol Byron Camilleri, żar il-Forn tal-Ħabs fil-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin

Il-Prim Ministru Robert Abela, li ġie mdawwar mill-Kap Eżekuttiv tal-Aġenzija għas-Servizzi Korrettivi Christopher Siegersma, ra l-ħidma li kienet għaddejja mill-priġunieri u mill-uffiċjali tal-Aġenzija sabiex jippreparaw prodotti bħal qagħaq tal-appostli u ħelu li jistgħu jinxtraw mill-pubbliku. Il-Prim Ministru kellu kliem ta’ tifħir għall-ħidma li kienet qed issir għal din l-inizjattiva li qed tibqa’ popolari sena wara l-oħra f’dawn iż-żminijiet.

L-inizjattiva mill-Forn tal-Ħabs, apparti li toffri prodotti tradizzjonali lill-pubbliku, tgħin fir-riabilitazzjoni tar-residenti fil-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin fejn tagħtihom sens ta’ skop u anke jakkwistaw ħiliet ġodda u siewja.

Fil-binja tal-Aġenzija għall-Ħarsien ta’ Persuni li jkunu qed ifittxu l-Ażil f’Ħal Far, il-Prim Ministru Robert Abela flimkien ma’ martu Dr Lydia Abela, il-Ministru għall-Intern, is-Sigurtà u x-Xogħol Byron Camilleri u l-Ministru għas-Saħħa u l-Anzjanità Attiva Jo Etienne Abela ltaqgħu mal-erbat itfal Palestinjani minn Gaża li jinsabu f’pajjiżna biex jirċievu kura medika.

Il-Prim Ministru tkellem ukoll mal-familji ta’ dawn it-tfal. Huwa għamlilhom kuraġġ u qalilhom li huma milqugħa f’pajjiżna biex jerġgħu jieħdu ħajjithom mill-ġdid wara s-sofferenza li ġabet magħha l-gwerra. Sostna kif pajjiżna dejjem jibqa’ jimbotta l-pożizzjoni konsistenti tiegħu favur il-paċi u l-waqfien b’mod permanenti tal-ġlied. Fil-preżenza wkoll tal-Ambaxxatur Palestinjan f’Malta Fadi Hanania spjega kif Malta tibqa’ tadvoka favur is-soluzzjoni taż-żewġ Stati.

Mart il-Prim Ministru Dr Lydia Abela tat rigali lil dawn it-tfal mill-inizjattiva li ssir ta’ kull sena ‘Rigal bi Mħabba’ frott il-ġenerożità tal-poplu Malti u Għawdxi. Intant kien il-Ħamis, fis-sigħat bikrin ta’ filgħodu li permezz ta’ vjaġġ li ħa sigħat twal mil-Lvant Nofsani, dawn it-tfal waslu f’pajjiżna biex jirċievu l-kura medika fl-isptar Mater Dei. Dan wara wkoll ħidma kkordinata taħt inizjattiva mħaddma skont il-Mekkaniżmu tal-Unjoni Ewropea għall-Protezzjoni Ċivili bis-sehem tad-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili ta’ Malta.