Month: April 2025

PR250547

Il-Prim Ministru Robert Abela inawgura faċilità sportiva fi grawnd ġdid tal-futbol fil-Mediterranean College of Sport. Waqt iż-żjara li għamel f’dan il-kulleġġ f’Birkirkara, il-Prim Ministru kellu ċ-ċans iżur l-istudenti fil-klassijiet tal-iskola sekondarja flimkien mal-laboratorji xjentifiċi marbuta mal-qasam sportiv. Hemm huwa kellu ċ-ċans jitkellem ukoll mal-ħaddiema fid-dipartimenti differenti li jvarjaw minn kowċis sa professjonisti.

Dr Abela spjega kif b’kollox Vassallo Group implimenta investiment ta’ €15-il miljun biex twaqqaf dan il-kulleġġ sportiv biex b’hekk inħoloq mas-7,000 metru kwadru ta’ spazji immirati għall-isport. Ġew irrinnovati wkoll 2,000 metru kwadru ta’ spazji inkluż pixxina, grawnds tal-football, gym tal-ġinnastika u sports performance centre. Dan il-kulleġġ fetaħ fit-30 ta’ Settembru li għadda u llum għandu 95 student. Filwaqt li jipprovdi edukazzjoni tal-livell tas-sekondarja u sixth form mmirat għal studenti-atleti, l-istess kulleġġ jipprovdi taħriġ fil-football, waterpolo, għawm, atletika u dixxiplini sportivi oħrajn. Il-mira hija li taħriġ fit-tennis u ġinnastika artistika jibda jingħata mis-sena d-dieħla.

Fis-snin li ġejjin il-kulleġġ mistenni li jilqa’ fih mal-400 student atleta. Bħalissa mas-70 persuna jaħdmu fi ħdan dan il-kulleġġ. It-tmexxija tal-kulleġġ ħabbret ukoll kif għandha pjanijiet sabiex mis-sena skolastika li jmiss tiftaħ skola primarja u hekk iżżid it-taħriġ edukattiv tagħha.

Fiċ-ċerimonja fejn fiha ġie inawgurat grawnd tal-futbol ġdid, li ssemma għal Fr Hilary Tagliaferro wara l-kontribut kbir li ta lill-futbol Malti speċjalment fost iż-żgħażagħ, il-Prim Ministru Robert Abela sostna, “Bħala Gvern grati u nieħdu gost naraw investiment bħal dan, investiment fil-qasam edukattiv u sportiv, li jħares lejn l-edukazzjoni b’mod ħolistiku.” Żied jgħid, “Bħala Gvern se nibqgħu ninvestu fl-infrastruttura sportiva u f’bosta aspetti oħra sportivi iżda ċertament nieħdu gost naraw il-privat jikkumplimenta dan. Irridu nkomplu nibagħtu l-messaġġ li l-isport għandu jkun parti integrali mill-mod kif ngħixu,” temm jgħid il-Prim Ministru hekk kif irringrazzja wkoll lil Vassallo Group għar-rikonoxximent li taw lil Fr Hilary Tagliaferro hekk kif iddeskrivieh bħala ikona tal-isport Malti.

Fil-Berġa ta’ Kastilja, il-Prim Ministru Robert Abela laqa’ r-rebbieħ ta’ Mużika Mużika 2025, Jamie Cardona. Il-Prim Ministru għamel sorpriża lil Jamie Cardona billi flimkien miegħu, laqgħetu n-nanna ta’ Jamie, Josephine Costantino.

Jamie Cardona rebaħ dan il-festival bil-kanzunetta ‘Stajna Konna Aħna’. Mużika Mużika huwa festival li jiċċelebra l-kanzunetta Maltija u li paxxa lin-nies bi spettaklu mill-isbaħ għal tliet iljieli infila.

Fil-preżenza wkoll tal-Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali Owen Bonnici, ir-rebbieħ ta’ Mużika Mużika 2025 spjega l-esperjenza tiegħu għall-ewwel darba f’dan il-festival prestiġjuż. Il-Prim Ministru Robert Abela awgura kull suċċess lil Jamie Cardona u lil Aleandro Spiteri Monsigneur, wieħed mill-kompożituri li kien qed jakkumpanja lil Cardona f’din il-laqgħa.

PR250512

Il-Prim Ministru Robert Abela żar il-Komunità Santa Marija fejn isir programm ta’ riabilitazzjoni li joffri għajnuna lil dawk li jaffaċċjaw il-problema tad-dipendenza fuq sustanzi fosthom id-droga u l-alkoħol. Flimkien mal-Ministru għall-Politika Soċjali u d-Drittijiet tat-Tfal, Michael Falzon, u mal-Kap Eżekuttiv tal-Fondazzjoni għas-Servizzi ta’ Ħarsien Soċjali (FSWS), Alfred Grixti, il-Prim Ministru rrikonoxxa l-impenn kontinwu tal-Aġenzija Sedqa fi ħdan l-FSWS hekk kif dan il-programm mhux biss joffri appoġġ biex persuni jegħlbu d-dipendenza tagħhom, iżda jgħinhom ukoll jerġgħu jintegraw fis-soċjetà u jsibu l-għajnuna meħtieġa biex jibdew ħajja ġdida.

Matul iż-żjara tiegħu, il-Prim Ministru kellu l-opportunità jiltaqa’ mal-membri tar-residenza u jara mill-qrib kif jaħdem dan il-programm, li huwa mibni fuq kunċett ta’ komunità terapewtika. Il-Prim Ministru żar il-binja fejn jgħixu r-residenti, fejn seta’ jara l-mod ta’ kif titmexxa din ir-residenza bis-sehem ta’ kull resident. Din iż-żjara segwiet b’laqgħa flimkien mal-persuni li jgħixu f’din il-komunità, fejn dawn tkellmu dwar l-esperjenzi li qed jgħaddu minnhom fil-vjaġġ tagħhom lejn ir-riabilitazzjoni.

Il-Prim Ministru nnota l-investiment mill-FSWS f’servizzi ta’ riabilitazzjoni li joffru soluzzjonijiet fit-tul għal dawk li qed ifittxu bidla f’ħajjithom. “Il-politika ta’ dan il-gvern kienet dejjem dik li ngħinu lil kull membru tas-soċjetà jkollu l-għajnuna, iċ-ċans ugwali u l-opportunitajiet kollha sabiex jirnexxi. Din il-komunità hija xhieda ta’ dan. Qed naħdmu biex nagħtu t-tama lil kull min qed jaffaċċja sfidi relatati mad-dipendenza fuq id-droga. Bħala Gvern kommessi li nkomplu nsaħħu dawn il-programmi biex aktar persuni jingħataw l-opportunità li jibnu futur aħjar.”

Il-Komunità Santa Marija hija mfassla fuq tliet fażijiet residenzjali u fażi ta’ aftercare, li tipprovdi struttura biex ir-residenti jkunu dejjem iggwidati fil-vjaġġ tagħhom. Tul il-programm, ir-residenti jingħataw għajnuna psikoloġika u terapewtika kif ukoll sessjonijiet ta’ taħriġ u attivitajiet edukattivi biex jibnu ħiliet ġodda u jsaħħu l-indipendenza tagħhom.

Ir-residenti li tkellmu mal-Prim Ministru rrakkontaw stejjer ta’ sfida u perseveranza, u kif il-programm tal-Komunità Santa Marija offrielhom it-tama u l-għodod meħtieġa biex jerġgħu jibdew ħajja b’saħħitha filwaqt li jintegraw fis-soċjeta bl-aħjar mod possibbli.

Il-Prim Ministru rrikonoxxa x-xogħol dedikat tal-professjonisti li jmexxu dan iċ-ċentru u qal li dan huwa eżempju ta’ kif is-servizzi soċjali jistgħu jkunu katalisti ta’ bidla pożittiva fil-ħajja tan-nies. “Dan huwa investiment fil-ħajja tan-nies, investiment f’soċjetà aktar inklużiva u ġusta, fejn kulħadd jingħata t-tieni ċans.”

Waqt din iż-żjara, il-Prim Ministru ltaqa’ wkoll mal-pazjenti li bħalissa jinsabu fl-SMIPU. Is-Substance Misuse Inpatient Unit, magħruf ukoll bħala Dar l-Impenn, huwa l-unika faċilità medika f’Malta li toffri osservazzjoni u stabbilizzazzjoni għall-persuni li jkunu qed jissieltu mad-dipendenza fuq is-sustanzi.

Din il-faċilità li tifforma parti mill-Aġenzija Sedqa fi ħdan l-FSWS tilqa’ fiha sa massimu ta’ seba’ persuni li jkunu rreferuti minn tobba speċjalizzati fid-dipendenzi. L-għan ewlieni ta’ Dar l-Impenn huwa li joffri kura medika intensiva għal perjodu qasir ta’ bejn sebat u għaxart ijiem taħt l-għajnejn ta’ professjonisti tas-saħħa. Minkejja l-perjodu limitat ta’ kura, din il-faċilità tipprovdi opportunità importanti għall-individwi biex jibdew il-vjaġġ tagħhom lejn il-fejqan u jirċievu l-għajnuna meħtieġa biex jegħlbu d-dipendenza tagħhom.