10/04/2025
Erbat itfal Palestinjani minn Gaża waslu f’pajjiżna biex jirċievu kura medika. Kif kien imħabbar mill-Prim Ministru Robert Abela, Malta kompliet toffri din l-għajnuna umanitarja u laqgħet lil dawn it-tliet subien u tifla, kif ukoll lil qrabathom, li qed jakkumpanjawhom.
Minn vjaġġ mil-Lvant Nofsani, dawn it-tfal waslu fis-sigħat bikrin tal-Ħamis filgħodu wara anki ħidma kkordinata taħt inizjattiva mħaddma skont il-Mekkaniżmu tal-Unjoni Ewropea għall-Protezzjoni Ċivili bis-sehem tad-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili ta’Malta. It-tfal se jirċievu kura medika mill-professjonisti fl-Isptar Mater Dei filwaqt li l-qraba qed jiġu ospitati mill-Aġenzija għall-Ħarsien ta’ Persuni li jkunu qed ifittxu l-Ażil (AWAS).