Month: September 2023

PR231327

L-Uffiċċju tal-Prim Ministru jerġa’ jikkonferma li meta kien hemm xamma ta’ allegat abbuż, lura fl-2021, dan ġie riferut mill-ewwel lill-Korp tal-Pulizija. M’hemmx prova aqwa minn din kif l-Uffiċċju tal-Prim Ministru ma jittollera ebda illegalità.

Eventwalment, meta sar magħruf kif bdew jiżviluppaw l-investigazzjonijiet tal-Pulizija, ittieħdu minnufih ukoll id-deċiżjonijiet politiċi. Mingħajr ebda tkaxkir tas-saqajn. 

Iktar minn hekk, ma jirriżulta minn imkien li xi ħadd fil-customer care ta’ Kastilja ddirezzjona lil xi persuna biex jagħmel xi ħaġa li hija illegali. 

Minn dak irrapportat u li ntqal jirriżulta li dawn il-persuni li kellmu lis-Sunday Times diġà ġew mitkellma u investigati mill-awtoritajiet. Il-Gvern iħeġġeġ lil dawn il-persuni biex jipproduċu kwalunkwe prova oħra meħtieġa, mhux l-inqas billi jsemmu l-persuni involuti biex jissostanzjaw dak li ntqal pubblikament u jgħinu lill-Pulizija fl-investigazzjoni tagħha u ssir ġustizzja. 

Dawn il-persuni li saret referenza għalihom minn min tkellem għandhom bil-provi meħtieġa jkunu mressqa quddiem il-ġustizzja, għax hekk biss isir ħaqq magħhom u mas-soċjetà. 

Hekk biss wieħed ikun jista’ jifred dak li hu minnu u ppruvat, minn kummenti u insinwazzjonijiet maħsuba biex jieħdu kapital politiku. 

Ta’ min jinnota wkoll kif fl-aħħar jiem saru wkoll diversi akkużi bla bażi. Uħud diġà kellhom ikunu irtirati.

Għalhekk jidher ċar li hemm min qed juża dan il-każ għal skopijiet ulterjuri u lest jimmanipula l-informazzjoni li jkollu.

Iktar minn hekk il-Gvern mhux biss hu interessat li ssir ġustizzja, iżda hu interessat ukoll li jsaħħaħ is-sistemi tiegħu biex tonqos il-possibbiltà ta’ każi ta’ allegat abbuż.  

Minkejja li jeżistu sistemi robusti kontra l-abbuż fid-Dipartiment tas-Sigurtà Soċjali u d-Diviżjoni għall-Għajnuna Finanzjarja u Osservanza, tant li kienu bis-saħħa tagħhom ukoll li ġew identifikati numru ta’ każi suspettużi u ġew riferuti lill-Pulizija, il-Gvern iħoss illi għandu jkun hemm evalwazzjoni tal-proċessi biex dawn ikunu msaħħa fejn meħtieġ.

Għalhekk, indipendentement minn kull investigazzjoni tal-Pulizija, il-Gvern ħatar Bord independenti kompost minn tliet membri sabiex jevalwa l-proċess ta’ kif jiġi approvat l-għoti tal-Benefiċċju għal Diżabilità Severa.

Fuq kollox fl-aħħar snin dan kien l-iktar Gvern li daħħal miżuri li permezz tagħhom daħħal il-kunċett li jaqbillek taħdem – making work pay – u saħansitra naqset u mhux żdiedet id-dipendenza fuq il-benefiċċji soċjali. Għalhekk il-Gvern huwa determinat li l-benefiċċji soċjali jmorru biss għand min ħaqqu. Hija wkoll bla bażi l-allegazzjoni tal-Oppożizzjoni Nazzjonalista li seta’ kien hemm abbuż marbut ma’ xiri ta’ voti, iktar u iktar meta qabel l-elezzjoni ġenerali kienu diġà ttieħdu passi sodi fuq dan il-każ li jġibu fix-xejn din l-insinwazzjoni.

Li hu żgur hu li dwar dan il-każ l-awtoritajiet ħadu u se jibqgħu jieħdu l-passi kollha li kellhom jieħdu. 

Kuntrarju għal kif seħħ fi snin imgħoddija taħt amministrazzjoni differenti.

Jum il-Vitorja – Ċerimonja ta’ tqegħid ta’ kuruni mill-Prim Ministru Robert Abela, mir-Rappreżentanta tal-Kap tal-Oppożizzjoni Paula Mifsud Bonnici, persuni distinti u korpi kostitwiti.

PR231305

Il-Prim Ministru Robert Abela inawgura l-ewwel pixxina fuq ġewwa ta’ daqs Olimpiku f’pajjiżna, fil-Kumpless Sportiv tal-Kottonera.

Il-Prim Ministru Robert Abela ddeskriva dan il-proġett bħala xhieda ta’ gvern li jrid kontinwament jinvesti fil-ġid komuni. B’din hija r-raġuni għalfejn irid ikompli jinħoloq il-ġid, biex imbagħad ikunu jistgħu jsiru investimenti fi proġetti ta’ livell għoli bħal dawn, li rriduhom mifruxa mal-pajjiż kollu.

Fil-fatt, din il-pixxina, li saret b’investiment ta’ €14-il miljun, se tkompli tagħti kontribut qawwi biex nilħqu l-aqwa livelli fl-isport. Il-fatt li dan l-investiment sportiv uniku qiegħed fin-Nofsinhar ta’ Malta huwa xhieda oħra wkoll ta’ kif f’Malta aktar ġusta, irridu li nilħqu lill-pajjiż kollu.

Proġett li meta jarawh it-tfal tagħna, jifhmu li mhux biss jistgħu jaspiraw daqs kull tifel u tifla minn pajjiż ieħor, imma li dik l-aspirazzjoni jistgħu jilħquha. Dan rajnieh fil-prattika fil-Logħob tal-Pajjiżi ż-Żgħar tal-Ewropa li organizzajna f’pajjiżna. Dakinhar, il-Prim Ministru tenna li l-investiment li sar ma kienx limitat għal dak il-logħob u lanqas għall-bini biss, iżda ġew investiti miljuni oħra fl-iżvilupp tal-atleti nfushom. Investiment li se jissokta, b’allokazzjoni ta’ €5 miljun mill-Fond Soċjali għall-Iżvilupp Nazzjonali għat-taħriġ u għat-tħejjija tal-atleti.

Il-Prim Ministru kkonkluda li dak favur l-isport hu impenn ta’ gvern sħiħ għax irridu li kulħadd ikollu opportunitajiet indaqs, li kull tifel u tifla f’Malta jistgħu joħolmu li jieħdu lil pajjiżna fil-livell li jmiss u dan il-gvern irid li dak il-ħolm isir realtà.

Din il-pixxina hija mgħammra bl-aqwa teknoloġiji u tinkludi, fost l-oħrajn, numru ta’ dressing rooms għall-atleti u għall-uffiċjali, uffiċini, kmamar tal-kontroll, stand għall-ispettaturi u kmamar għall-ħtiġijiet sanitarji. Is-saqaf tal-pixxina huwa magħmul apposta biex jikkumplimenta s-swar u huwa mifrux fuq travi tal-injam li għandhom tul ta’ 44 metru. Din il-faċilità għandha wkoll ħitan tal-ħġieġ li jkopru mal-44 metru kwadru kull naħa, filwaqt li d-daqs tal-pixxina jissodisfa r-rekwiżiti mill-Federazzjoni Internazzjonali tal-Għawm, hija wkoll attrezzata b’impjant ta’ tisħin tal-ilma u arja kkundizzjonata. Hija ta’ daqs olimpiku ta’ 5,000 metru kwadru u mgħammra bl-aħjar teknoloġija fosthom dik tal-bulkheads biex il-pixxina tkun maqsuma f’aktar minn faċilità waħda. L-art tal-pixxina għandha wkoll funzjoni li parti minnha għandha l-art li titla’ u tinżel biex il-kowċis tal-għawm ikunu jistgħu jagħtu l-lezzjonijiet tagħhom fl-ilma stess ġo fond differenti skont il-bżonn.

Min-naħa tiegħu, il-Ministru għall-Edukazzjoni, l-Isport, iż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni, Clifton Grima, esprima sodisfazzjon li din il-pixxina ta’ daqs Olimpiku, proġett imwiegħed fil-manifest elettorali, se tkun opportunità eċċellenti biex is-settur tal-isport akwatiku f’pajjiżna jkompli jieħu spinta ’l quddiem u jkompli jwassal għal aktar suċċessi. Sostna, li huwa sodisfatt ukoll għax issa t-tfal għandhom faċilità li tgħinhom b’mod iktar professjonali fit-taħriġ u ’l quddiem, bħala atleti, ikunu jistgħu jkomplu jiksbu aktar riżultati fuq livell internazzjonali.

B’wieħed mill-pilastri tal-istrateġija nazzjonali tal-isport hija l-faċilitajiet sportivi u fi kliem il-Kap Eżekuttiv ta’ SportMalta Mark Cutajar, din il-pixxina hija waħda mill-aqwa faċilitajiet sportivi f’pajjiżna. SportMalta dejjem taħdem favur li l-atleti jkollhom faċilitajiet tal-ogħla standards biex jilħqu l-potenzjal massimu tagħhom u jikkompetu fuq livell internazzjonali. Din il-ħidma qiegħda tkompli favur futur aqwa fis-settur sportiv. 

Fl-inawgurazzjoni tkellem ukoll iż-żagħżugħ Jayden Cassar, li huwa plejer tat-tim nazzjonali tal-waterpolo ta’ taħt is-sbatax-il sena. Qal li l-atleti Maltin iħossuhom fortunati li issa għandhom pixxina li hija fost l-aqwa fil-Mediterran. Dan il-proġett, spjega li se jkun qed iħajjar u jressaq aktar tfal u żgħażagħ lejn l-isport akwatiku u rrefera għalih bħala opportunità eċċellenti biex l-isport akwatiku f’pajjiżna jkompli jimxi ’l quddiem u jimmarka aktar suċċessi barra minn xtutna. “Atleti lokali m’għandhomx aktar l-iżvantaġġ fejn atleti barranin minħabba li jridu jitħarrġu f’pixxina miftuħa f’Malta u jikkompetu f’waħda magħluqa barra minn xtutna. Permezz ta’ din il-pixxina, jistgħu jiżdiedu aktar programmi sportivi biex l-atleti u l-istudenti tal-iskejjel tal-madwar ikunu jistgħu jikbru u jiżviluppaw. Pixxina fuq ġewwa fil-Kottonera hija ta’ vantaġġ kbir għal kull min għandu l-isport akwatiku għal qalbu”.

Il-Prim Ministru Robert Abela kien akkumpanjat minn martu, Dr Lydia Abela, President ta’ Special Olympics Malta.

PR231299

Kuntrarju għal dak li qal il-Partit Nazzjonalista fl-istqarrija tiegħu, l-Uffiċċju tal-Prim Ministru kkummenta sa minn qabel kien ippubblikat l-artiklu fit-Times of Malta, tant li wieġeb id-domandi tal-ġurnalist bl-iktar mod kategoriku. 

L-istess wieġeb bl-iktar mod kategoriku, il-Ministru Owen Bonnici li wkoll jissemma fl-istqarrija tal-Partit Nazzjonalista. 

It-tweġibiet fiż-żewġ każi kienu kategoriċi. Ċaħda għal dak allegat u li fuqu issa jrid jibni l-istqarrijiet tiegħu l-Partit Nazzjonalista. 

L-Uffiċċju tal-Prim Ministru kien ċar kristall li meta kien hemm allegat każ ta’ abbużi simili, kien saħansitra l-istess uffiċċju li rrapporta minnufih lill-pulizija, u jirriżulta li din bdiet minnufih bl-investigazzjonijiet tagħha.

Għall-korrettezza, it-tweġiba tal-Uffiċċju tal-Prim Ministru qed tkun ippubblikata hawn.

“It is imperative to note that a similar irregularity was reported to the Executive Police by the Permanent Secretary in charge of the People & Standards Division within the OPM, immediately when a suspicious case was brought to its attention. Further Police investigations ensued. It does not result that any employee at the customer care division ever suggested any ‘claimant’ or medical practitioner to commit any irregularity, nor that any such employee was aware of these alleged irregularities.”

Jekk trid tibda tkun kredibbli, l-Oppożizzjoni għandha tal-inqas tirrikonoxxi l-fatti meta titkellem u tieqaf tibbaża stqarrijiet fuq dak li taf li mhux minnu.