Month: September 2023

PR231361

Il-Prim Ministru Robert Abela jgħid li b’politika mmirata lejn il-bżonnijiet ta’ Għawdex, l-Għawdxin jgħixu kwalità ta’ ħajja aħjar

Fil-qalba tal-Belt Victoria, fil-preżenza ta’ bosta stakeholders Għawdxin, tnediet l-istrateġija għall-iżvilupp reġjonali ta’ Għawdex mibnija fuq il-kunċett ta’ Għawdex: Gżira ta’ Villaġġi. L-għan tal-istrateġija huwa li tixpruna tranżizzjoni ekonomika u soċjali biex l-Għawdxin jgħixu kwalità ta’ ħajja aħjar.

Dan il-pjan ta’ għaxar snin, li tfassal mill-Awtorità għall-Iżvilupp Reġjonali ta’ Għawdex, iħaddan tliet prinċipji ewlenin li huma l-użu għaqli tal-ambjent, kemm dak urban kif ukoll dak rurali, tkabbir ekonomiku li jwassal għal kwalità ta’ ħajja aħjar, u iżjed valur lill-identità Għawdxija.

Waqt din it-tnedija, il-Prim Ministru Robert Abela qal li huwa permezz ta’ policies immirati għall-bżonnijiet ta’ Għawdex li l-Għawdxin jistgħu jgħixu kwalità ta’ ħajja aħjar. Qal li l-viżjoni tal-Gvern għal Għawdex hija waħda ċara, dik li tilħaq il-bilanċ bżonjuż bejn l-attività ekonomika u l-aspett soċjali u ambjentali tal-gżira. “Irridu li l-Għawdxin jgħixu tajjeb, fi gżira b’ġejjieni mfassal minnhom. Ir-realtajiet ta’ Għawdex jafuhom l-aħjar l-Għawdxin u għalhekk għalina kien kruċjali li din l-istrateġija tinbet minn fost l-Għawdxin”, saħaq il-Prim Ministru.

Dr Abela qal li l-implimentazzjoni ta’ din l-istrateġija se tibda mill-baġit li ġej, bil-Gvern iħares lejn iktar inċentivi biex jiddirezzjona l-investiment u l-għażliet f’Għawdex lejn il-ħarsien tal-qalba tal-irħula u l-ambjent naturali. Semma kif Għawdex irid ikun il-mutur tat-tranżizzjoni ekoloġika, fosthom billi jkun l-ewwel parti tal-pajjiż li jkun carbon neutral, b’inċentivi għall-promozzjoni ta’ green buildings, l-elettrifikazzjoni tat-trasport, konnettività b’saħħitha u spazji miftuħa. Qal li l-akbar proġett ambjentali f’Għawdex, dak ta’ spazju miftuħ fil-qalba tar-Rabat, se jara r-riġenerazzjoni ta’ 22,000 metru kwadru ta’ art. Saħaq li l-konsultazzjoni dwar dan il-proġett għadha kif intemmet u li ntlaqgħet tajjeb ħafna mill-Għawdxin.

Irrefera wkoll għal numru ta’ proġetti oħra li se jiġu inawgurati fil-ġimgħat li ġejjin fosthom l-Iskola Primarja tan-Nadur, il-kumpless edukattiv tar-Rabat, iċ-Ċentru l-ġdid tad-Dentristrija, u ċ-Ċentru tas-Saħħa. Temm jgħid li Għawdex se jkun gżira ta’ opportunitajiet li joffri kwalità tal-ħajja li jixraq lill-Għawdxin.

Min-naħa tiegħu, il-Ministru għal Għawdex Clint Camilleri stqarr li din l-istrateġija li tnediet wara konsultazzjoni wiesgħa ddur mal-viżjoni ta’ Għawdex: Gżira ta’ Villaġġi. “Irridu naraw li nagħmlu l-aħjar użu sostennibli tal-art. Għawdex irid jimxi wkoll għal bilanċ ekonomiku li jassigura kwalità tal-ħajja. Irridu mill-ġdid nagħtu valur lill-identità ta’ Għawdex għaliex Għawdex mingħajr l-identità tiegħu ma jeżistix”, sostna l-Ministru għal Għawdex.

Il-Ministru Camilleri kompla jgħid li biex tintlaħaq din il-viżjoni qed ikunu preżentati 8 oqsma ta’ prijorità li se jwasslu biex din il-viżjoni għall-għaxar snin li ġejjin tkun implimentata. Il-Ministru Clint Camilleri temm jgħid li filwaqt li nirrikonoxxu li tul dawn l-aħħar snin sar ħafna u Għawdex mexa ’l quddiem, irridu issa nwettqu din l-istrateġija sabiex Għawdex verament jilħaq il-potenzjal tiegħu.

Il-Kap Eżekuttiv tal-Awtorità għall-Iżvilupp Reġjonali ta’ Għawdex, is-Sur Mario Borg, qal li l-proċess li bih tħejjiet din l-istrateġija kien wieħed rigoruż fejn saru sensiela ta’ laqgħat ta’ konsultazzjoni. Stqarr li din l-istrateġija hija waħda mfassla mill-Għawdxin għall-Għawdxin u msejsa fuq dak kollu li jagħmel lil Għawdex reġjun distint minn Malta, bil-kwalitajiet, opportunitajiet u karatteristiċi distinti tiegħu.

Aqra l-istrateġija hawnhekk.

PR231356

Waqt Konferenza dwar id-Drittijiet tal-Bniedem – LGBTIQ+, il-Prim Ministru Robert Abela saħaq li Malta se tibqa’ taħdem biex timxi iżjed ‘il quddiem fl-avvanz tal-libertajiet ċivili u tiġġieled l-istatus quo. F’indirizz li għamel fil-ftuħ tal-konferenza, li għaliha qed jattendu fost oħrajn numru ta’ attivisti Maltin u barranin, il-Prim Ministru saħaq li pajjiżna huwa kburi li sena wara l-oħra jibqa’ fl-ewwel post tal-indiċi ta’ ILGA Europe u se jibqa’ impenjat li jibqa’ fil-quċċata għaliex pajjiżna ma jista’ qatt jiddiskrimina kontra xi ħadd, inkluż għas-spejjeż tal-komunità LGBTIQ+.

“Kellna bosta qabżiet leġislattivi f’Malta,” saħaq il-Prim Ministru Abela, hu u jinnota kif mill-2013 ‘il quddiem, pajjiżna għamel passi ta’ ġgant fil-qasam tad-drittijiet ċivili. Qal li huwa ta’ tħassib jara min flok jimxi ‘l quddiem, idawwar l-arloġġ lura.

Innota kif fl-aħħar xhur, il-Gvern kompla jagħmel passi oħra notevoli bħal bidla li neħħiet att ta’ diskriminazzjoni fid-donazzjoni tad-demm biex b’hekk il-parametri li jirregolaw l-għoti tad-demm ġew ugwali għal kulħadd. Dan apparti impenji li jrid jonora l-Gvern mill-programm ta’ ħidma ‘Malta Flimkien’, bħall-introduzzjoni ta’ leġislazzjoni ġdida li tkompli ssaħħaħ l-ugwaljanza u li mediċini essenzjali fil-prevenzjoni tat-tixrid tal-HIV ikunu parti mill-formularju nazzjonali tal-mediċini.

Il-Prim Ministru Robert Abela fisser ukoll kif bħalissa għaddejja ħidma u ġie identifikat sit għal-LGBTIQ+ hub biex taħt saqaf wieħed jingħataw servizzi importanti għall-persuni LGBTIQ+, minn adolexxenti għal persuni akbar fl-età. Dan kollu qed isir fl-ispirtu wkoll tal-implimentazzjoni tal-Istrateġija u l-Pjan t’Azzjoni għall-Ugwaljanza u LGBTIQ+ 2023-2027.

Fl-indirizz tiegħu l-Prim Ministru Robert Abela fisser kif Malta hi kburija li qed tilqa’ fiha ċelebrazzjoni ta’ mħabba u rispett favur l-ugwaljanza permezz ta’ EuroPride Valletta 2023. Sellem lill-attivisti u l-għaqdiet li jaħdmu fil-qasam tad-drittijiet ċivili u li jwasslu messaġġ favur l-ugwaljanza. Qal li Malta hija pajjiż ħieles fejn wieħed jista’ jgħix kif fil-fatt iħoss li hu u jista’ jibni familja.​

PR231354

L-Uffiċċju tal-Prim Ministru jirreferi għal stqarrija ppubblikata b’rabta mar-rapport tal-Kumitat ta’ Esperti Dwar il-midja u l-ittra annessa. 

Mal-mument li rċieva r-rapport, il-Gvern minnufih ippubblika stqarrija biex jinforma li kien irċieva dan ir-rapport. Il-Gvern hu marbut ukoll bit-termini ta’ referenza li jpoġġi r-rapport fuq il-mejda tal-Kamra tar-Rappreżentanti u hekk se jsir fl-ewwel jum li jiltaqa’ l-Parlament. Wara li ntalbu numru ta’ estensjonijiet ir-rapport għadda lill-Gvern meta l-Parlament kien aġġornat, u l-intenzjoni tal-Gvern hi li hekk kif il-Parlament ikun qed jerġa’ jiltaqa’ dan ir-rapport ikun ippubblikat fl-ewwel jum u għalhekk fl-ewwel possibbiltà. Ir-rapport ikun ippubblikat b’mod sħiħ bi trasparenza sħiħa kif il-Gvern dejjem wera f’dan il-proċess. 

Dwar il-proċess ta’ konsultazzjoni l-Gvern ifakkar li kellu diġà abbozzati numru ta’ liġijiet li jsaħħu bil-kbir il-professjoni tal-ġurnaliżmu u kien fuq inizjattiva tiegħu li għaddihom lill-Kumitat ta’ Esperti għall-ewwel rispons tiegħu. Ibbażat fuq ir-rispons ta’ rapport li rċieva, li wkoll kien ippubblikat, il-Gvern ressaq liġijiet fil-Parlament. Minkejja li kienet diġà saret konsultazzjoni, l-Istitut tal-Ġurnalisti Maltin ħass li għandha ssir iktar konsultazzjoni. Il-Gvern ma kellu ebda problema. Għal darb’oħra il-Kumitat ta’ Esperti kien fdat b’dan il-proċess u l-Kumitat ħa l-impenn li jwessa’ l-konsultazzjoni tant li anke organizza konferenza għal dan il-għan.

Ftit ġimgħat ilu l-Kumitat ta r-rapport finali li dwaru issa ssir l-evalwazzjoni tiegħu u jkun jista’ jsir il-proċess leġiżlattiv. Dan hu proċess fejn il-Gvern la qatt żamm u lanqas se jżomm xejn sigriet, filwaqt li qatt m’għalaq il-bieb għal konsultazzjoni.

PR231344

Is-sigurtà tan-nies tibqa’ prijorità. Għalhekk ser nibqgħu ninvestu fil-ħaddiema tal-Forzi tal-Ordni biex ħidmiethom ta’ servizz u ħarsien għan-nies tissokta.

Sostna dan il-Prim Ministru Robert Abela fi żjara li għamel mal-Ministru għall-Intern, is-Sigurtà, ir-Riformi u l-Ugwaljanza Byron Camilleri, fiċ-Ċentru tal-Operazzjonijiet il-ġdid tal-Forzi Armati ta’ Malta. Investiment li se jinkorpora l-ħidma kollha li s-suldati jwettqu f’emerġenzi tal-ewwel għajnuna, salvataġġi, operazzjonijiet militari, kif ukoll interċezzjonijiet kontra l-kriminalità. Investiment li se jkun qiegħed jissarraf f’servizzi ta’ sigurtà tal-ogħla livell u aktar effiċjenti għall-benefiċċju tal-familji Maltin u Għawdxin. Dan hekk kif il-faċilitajiet jirriflettu l-ħtiġijiet tal-ġurnata ta’ pajjiż modern. Bix-xogħol fuq din il-binja, b’investiment ta’ aktar minn €5 miljun ko-finanzjati b’fondi Ewropej wasal fl-aħħar fażi tiegħu, liema binja se tkun tista’ topera f’kull eventwalità hekk kif hija wkoll anti-sismika.

Dan l-investiment se jkun qed jinkorpora taħt saqaf wieħed erba’ pilastri msejħa Joint Military Operations Centre, Rescue Coordination Centre, National Coordination Centre, u l-kontroll tat-traffiku ta’ bastimenti madwar il-kosta.

Fl-isfond tal-investiment infrastrutturali, il-Gvern kompla jinvesti f’dawn il-ħaddiema billi tahom id-dritt li jissieħbu f’union u ġew iffirmati l-ewwel sett ta’ ftehimiet kollettivi tax-xorta tagħhom mal-korpi dixxiplinati kollha. Gvern li assigura li dawn jitħallsu tax-xogħol li għamlu fi żmien ieħor u ma tħallsux għalih. Dan filwaqt li ftit tax-xhur ilu, dan il-ftehim kompla jiġi msaħħaħ b’pakkett finanzjarju aqwa għas-suldati.

Il-Prim Ministru Robert Abela rrimarka li dan il-Gvern ta d-dinjità li jistħoqqilhom lill-ħaddiema tal-korpi dixxiplinati u l-familji tagħhom. L-għan huwa li l-poplu jkollu komunitajiet aktar siguri, bi Gvern li jkun spalla ma’ spalla mal-Korpi Dixxiplinati.

In-nies qed jaraw korpi dixxiplinati li jġibu r-riżultati u bi preżenza akbar qrib ta’ fejn jgħixu, jaħdmu u jiddevertu. B’dan qed jagħmluh b’riżorsi moderni li jagħmluha possibbli sabiex jirrispondu b’mod aktar effiċjenti għal sitwazzjonijiet ta’ emerġenza.

Il-Prim Ministru faħħar il-ħidma li l-Forzi Armati jwettqu ta’ kuljum u għal mod kif it-taħriġ kontinwu li jirċievu jsarrfuh f’servizz lill-poplu kollu. Servizz li mhux biss qegħdin jagħtu f’Malta, iżda anke f’pajjiżi oħra kif rajna fl-aħħar ġimgħat.​​

PR231331

Il-ħajja u s-sehem attiv fil-komunità huma t-triq ’il quddiem biex niżguraw inklużjoni vera għall-ġid komuni.

Kien dan il-messaġġ tal-Prim Ministru Robert Abela fi żjara li għamel f’Dar Warda Pembroke, dar residenzjali fil-komunità li fiha jgħixu erba’ żgħażagħ b’diżabilità.

Żgħażagħ li għandhom bejn l-14 u d-19-il sena, li bis-sostenn li qed jingħataw mis-support workers ta’ Aġenzija Sapport, qegħdin jgħixu fost il-komunità filwaqt li jtejbu l-ħiliet tagħhom. Dan billi qegħdin jingħataw attenzjoni individwali skont il-ħiliet tagħhom u dak li huwa ta’ interess għalihom. Tispikka wkoll il-preparazzjoni li dawn iż-żgħażagħ, f’ambjent ta’ familja, qegħdin jingħataw biex dejjem isiru aktar indipendenti. Fost oħrajn, akkumpanjati mis-support workers, kull ġimgħa jmorru jagħmlu x-xirja għall-bżonnijiet ta’ kuljum jew għal affarijiet oħra li jkollhom bżonn. Qegħdin jilħqu wkoll l-aspirazzjonijiet tagħhom billi jingħataw sostenn biex jitħarrġu f’dak li jinteressahom. Minn sapport lil dawk li qegħdin jistudjaw, għal dawk li jispikkaw fit-tpinġija jew sport bħal dak tal-għawm. 

Il-Prim Ministru Robert Abela nnota b’sodisfazzjon, waqt żjara f’din ir-residenza akkumpanjat mill-Ministru għall-Inklużjoni, il-Volontarjat u d-Drittijiet tal-Konsumatur Julia Farrugia Portelli, li b’dawn ir-residenzi fil-komunità, mhux biss qegħdin noffru ambjent xieraq lil dawn it-tfal u żgħażagħ fl-ibliet u fl-irħula tagħna, iżda qegħdin ukoll ninvestu fl-abbiltajiet tagħhom biex ikomplu mixjin ’il quddiem u jwettqu l-ħolm tagħhom.

Sostna li għal dan il-gvern id-drittijiet ta’ persuni b’diżabilità huma marbutin mal-ugwaljanza, u minkejja li fost oħrajn żdiedet ir-rata ta’ persuni b’diżabilità fid-dinja tax-xogħol, qatt ma nistgħu ngħidu li wasalna u għalhekk ser inkomplu nistinkaw sabiex kull persuna b’diżabilità tingħata l-appoġġ kollu li jeħtiġilha. Żied jgħid li filwaqt li qegħdin inkomplu nżidu dawn it-tip ta’ djar fil-komunitajiet, qegħdin ninvestu wkoll f’servizzi ġodda fosthom dak ta’ assistent personali li qegħdin iħallu lil dawn it-tfal u żgħażagħ jgħixu ħajja attiva fil-komunità li trabbew fiha.

Fil-fatt, din id-dar hi waħda min-numru ta’ postijiet li l-aġenzija tmexxi fil-komunità f’diversi lokalitajiet f’Malta u f’Għawdex bis-servizz ta’ Supported Independent Living, liema proġett kien ċentrali fil-politika tal-gvern għall-inklużjoni, fl-aħħar snin. B’dan is-servizz hu intenzjonat li joffri spazji aċċessibbli u ambjent fejn persuni b’diżabilità jistgħu jakkwistaw u jtejbu l-ħiliet tagħhom billi jsegwu pjanijiet individwalizzati mħejjija għalihom skont ix-xewqat u l-bżonnijiet tagħhom sabiex eventwalment huma jkunu jistgħu jgħixu fil-komunità b’mod indipendenti. B’total ta’ 90 persuna b’diżabilità fil-preżent qed jibbenefikaw minn dawn il-programmi tranżitorji fuq bażi ta’ għajxien indipendenti waqt li Aġenzija Sapport għaddejja b’ħidma sabiex jinfetħu aktar faċilitajiet tranżitorji, fosthom f’Ħal Kirkop u l-Qrendi filwaqt li dar f’Ħad-Dingli ser tkun qed tinfetaħ biex tintuża għal servizzi ta’ respite.

Preżenti għal din iż-żjara kien hemm il-Kap Eżekuttiv ta’ Aġenzija Sapport, Oliver Scicluna.