L-Uffiċċju tal-Prim Ministru jirreferi għal rapport fis-Sunday Times of Malta ppubblikat dalgħodu

PR231327

10/09/2023

L-Uffiċċju tal-Prim Ministru jerġa’ jikkonferma li meta kien hemm xamma ta’ allegat abbuż, lura fl-2021, dan ġie riferut mill-ewwel lill-Korp tal-Pulizija. M’hemmx prova aqwa minn din kif l-Uffiċċju tal-Prim Ministru ma jittollera ebda illegalità.

Eventwalment, meta sar magħruf kif bdew jiżviluppaw l-investigazzjonijiet tal-Pulizija, ittieħdu minnufih ukoll id-deċiżjonijiet politiċi. Mingħajr ebda tkaxkir tas-saqajn. 

Iktar minn hekk, ma jirriżulta minn imkien li xi ħadd fil-customer care ta’ Kastilja ddirezzjona lil xi persuna biex jagħmel xi ħaġa li hija illegali. 

Minn dak irrapportat u li ntqal jirriżulta li dawn il-persuni li kellmu lis-Sunday Times diġà ġew mitkellma u investigati mill-awtoritajiet. Il-Gvern iħeġġeġ lil dawn il-persuni biex jipproduċu kwalunkwe prova oħra meħtieġa, mhux l-inqas billi jsemmu l-persuni involuti biex jissostanzjaw dak li ntqal pubblikament u jgħinu lill-Pulizija fl-investigazzjoni tagħha u ssir ġustizzja. 

Dawn il-persuni li saret referenza għalihom minn min tkellem għandhom bil-provi meħtieġa jkunu mressqa quddiem il-ġustizzja, għax hekk biss isir ħaqq magħhom u mas-soċjetà. 

Hekk biss wieħed ikun jista’ jifred dak li hu minnu u ppruvat, minn kummenti u insinwazzjonijiet maħsuba biex jieħdu kapital politiku. 

Ta’ min jinnota wkoll kif fl-aħħar jiem saru wkoll diversi akkużi bla bażi. Uħud diġà kellhom ikunu irtirati.

Għalhekk jidher ċar li hemm min qed juża dan il-każ għal skopijiet ulterjuri u lest jimmanipula l-informazzjoni li jkollu.

Iktar minn hekk il-Gvern mhux biss hu interessat li ssir ġustizzja, iżda hu interessat ukoll li jsaħħaħ is-sistemi tiegħu biex tonqos il-possibbiltà ta’ każi ta’ allegat abbuż.  

Minkejja li jeżistu sistemi robusti kontra l-abbuż fid-Dipartiment tas-Sigurtà Soċjali u d-Diviżjoni għall-Għajnuna Finanzjarja u Osservanza, tant li kienu bis-saħħa tagħhom ukoll li ġew identifikati numru ta’ każi suspettużi u ġew riferuti lill-Pulizija, il-Gvern iħoss illi għandu jkun hemm evalwazzjoni tal-proċessi biex dawn ikunu msaħħa fejn meħtieġ.

Għalhekk, indipendentement minn kull investigazzjoni tal-Pulizija, il-Gvern ħatar Bord independenti kompost minn tliet membri sabiex jevalwa l-proċess ta’ kif jiġi approvat l-għoti tal-Benefiċċju għal Diżabilità Severa.

Fuq kollox fl-aħħar snin dan kien l-iktar Gvern li daħħal miżuri li permezz tagħhom daħħal il-kunċett li jaqbillek taħdem – making work pay – u saħansitra naqset u mhux żdiedet id-dipendenza fuq il-benefiċċji soċjali. Għalhekk il-Gvern huwa determinat li l-benefiċċji soċjali jmorru biss għand min ħaqqu. Hija wkoll bla bażi l-allegazzjoni tal-Oppożizzjoni Nazzjonalista li seta’ kien hemm abbuż marbut ma’ xiri ta’ voti, iktar u iktar meta qabel l-elezzjoni ġenerali kienu diġà ttieħdu passi sodi fuq dan il-każ li jġibu fix-xejn din l-insinwazzjoni.

Li hu żgur hu li dwar dan il-każ l-awtoritajiet ħadu u se jibqgħu jieħdu l-passi kollha li kellhom jieħdu. 

Kuntrarju għal kif seħħ fi snin imgħoddija taħt amministrazzjoni differenti.

FacebookTwitter
Skip to content