Month: September 2024

PR241493

“Nemmnu fl-edukaturi li huma parti kruċjali fil-proġett tal-futur ta’ wliedna u għalhekk l-investiment b’saħħtu fihom.” Saħaq dan il-Prim Ministru Robert Abela fi żjara li għamel fl-Iskola Primarja ta’ San Ġwann, it-Tnejn filgħodu, fil-bidu ta’ sena skolastika oħra. Il-Prim Ministru akkumpanjat mill-Ministru għall-Edukazzjoni, l-Isport, iż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni Clifton Grima, kif ukoll mill-Prinċipal tal-Kulleġġ Santa Klara Jonathan Attard u l-Kap tal-Iskola David Caruana seta’ jara l-aħħar preparamenti li kienu għaddejjin mill-edukaturi hekk kif l-iskejjel jilqgħu l-istudenti fil-jiem li ġejjin.

Il-Prim Ministru Robert Abela żar il-klassijiet u ħa l-opportunità wkoll li jpoġġi mal-edukaturi ta’ din l-iskola, fejn irringrazzjahom tal-ħidma li jwettqu favur edukazzjoni tal-ogħla livell li jagħtu lill-istudenti kollha. “Għandna fiduċja b’saħħitha fikom l-edukaturi, u se nkomplu nappoġġjawkom biex tkomplu tagħmlu vjaġġ edukattiv mill-isbaħ lit-tfal tagħna”, kien il-messaġġ li għadda l-Prim Ministru lill-edukaturi preżenti.

Il-Prim Ministru semma wkoll it-tisħiħ li qed isir fis-settur edukattiv fosthom permezz tal-investiment li qed jsir fl-iskejjel, kif ukoll fir-riżorsa umana permezz tal-aqwa ftehim għall-edukaturi ffirmat fix-xhur li għaddew u li fisser żidiet b’saħħithom u kundizzjonijiet aħjar lill-edukaturi. Riżultat ta’ dan il-ftehim, fil-paga ta’ Ottubru, l-edukaturi li jaqgħu taħt il-ftehim settorjali l-ġdid se jaraw l-aġġustamenti fis-salarju tagħhom biż-żidiet il-ġodda.

Fis-sena skolastika l-ġdida madwar 8,200 edukatur se jkunu qed jgħallmu fl-iskejjel tal-Istat, filwaqt li t-total ta’ studenti li se jattendu għall-iskola fl-iskejjel tal-Istat huwa ta’ madwar 35,000 student. Fl-Iskola Primarja ta’ San Ġwann hemm 100 edukatur u madwar 570 student.

PR241478

Fil-Budget li jmiss ġenituri li jaħdmu għal rashom u għaddejjin minn trattament tal-IVF se jkunu qed jgawdu sa 100 siegħa ta’ leave mħallas mill-Gvern waqt ċiklu ta’ trattament.

Ħabbar dan il-Prim Ministru Robert Abela waqt laqgħa ta’ konsultazzjoni oħra qabel il-Budget 2025, din id-darba mal-Kamra tan-Negozji Żgħar u Medji. Laqgħa li saret fil-kumpanija NM Group fin-Naxxar fejn il-Prim Ministru kellu wkoll l-opportunità li jiltaqa’ mat-tmexxija tagħha flimkien mal-ħaddiema.

Filwaqt li fil-laqgħa ta’ konsultazzjoni, il-Prim Ministru u d-delegazzjoni mill-Kamra tan-Negozji Żgħar u Medji, iddiskutew il-proposti għall-Budget li jmiss, Dr Abela spjega li ommijiet li huma self-employed issa se jkunu qed jingħataw 60 siegħa ta’ leave imħallas filwaqt li t-tieni ġenitur li jkun self-employed ukoll, ikun intitolat għal 40 siegħa oħra waqt li jkunu għaddejjin biċ-ċiklu tal-IVF.

B’rabta man-negozji żgħar u medji, il-Prim Ministru Robert Abela rrimarka kif dawn huma s-sinsla tal-ekonomija ta’ pajjiżna. Għalhekk sostna l-importanza li bħala Gvern tibqa’ titwassal pożizzjoni ċara anki fil-fora Ewropea dwar il-kompettività ta’ pajjiżna bħala parti mis-Suq Waħdieni tal-Unjoni Ewropea.

“One size fits all huwa xi ħaġa li aħna nopponu bil-qawwa u d-diskussjoni tagħna anki fuq livell Ewropew dejjem tkun li mhux nixħtu l-piżijiet fuqkom biex notjenu dawn il-bidliet iżda noffru l-politika tal-inċentiv”, sostna l-Prim Ministru.

Jakkumpanjaw lill-Prim Ministru għal din il-laqgħa ta’ konsultazzjoni kien hemm id-Deputat Prim Ministru Ian Borg, il-Ministri Clayton Bartolo, Miriam Dalli u Clyde Caruana, is-Segretarju Parlamentari Andy Ellul u l-Kap tas-Segretarjat fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru Mark Mallia.

PR241458

F’laqgħa tal-Kabinett li saret f’Dar San Ġużepp Santa Venera, li fiha ġie diskuss is-soċjal, il-Prim Ministru Robert Abela tkellem dwar kif prinċipju ewlieni jrid jibqa’ dak li ngħinu lil kulħadd ikompli jimxi ’l quddiem. F’laqgħa li fiha saru interventi minn akkademiċi, nies involuti fl-oqsma soċjali u ċittadini differenti, mhux biss ġie rrimarkat l-investiment soċjali kbir li jagħmel il-Gvern iżda anki saret referenza lejn l-importanza ta’ servizzi fil-komunità.

Il-Prim Ministru Robert Abela sema’ l-interventi differenti u mbagħad tkellem dwar valur ewlieni li jrid jibqa’ jħaddan il-Gvern, dak tal-ġustizzja soċjali, fejn ma jintesa’ ħadd. “Il-ġustizzja soċjali tfisser li anki jekk hemm imqar persuna waħda fi tbatija, fi sfida, f’realtà diffiċli, dik irridu nindirizzawha”, saħaq il-Prim Ministru. Qal li l-Budget li ġej, u li qed jitfassal frott anki konsultazzjonijiet mas-soċjetà, irid ikun b’saħħtu fl-indirizzar tal-prijoritajiet tan-nies. Hawn semma kif irridu nkomplu nsaħħu l-middle-class ta’ pajjiżna.

Dr Abela nnota kif l-investiment soċjali fl-ewwel sitt xhur ta’ din is-sena kien jiżboq it-tliet kwarti ta’ biljun ewro. Qal li l-ekonomija Maltija trid tibqa’ b’saħħitha biex issostni dan l-investiment. Spjega kif f’pajjiżna hawn realtajiet soċjali, partikolarment fost il-familji u bħala Gvern irridu nkunu hemm biex inġibu bidliet li joffru spalla u jtaffu l-piż ta’ sfidi soċjali. F’dan ir-rigward qal li l-Gvern diġà beda jħares lejn ir-riforma fil-Qorti tal-Familja.

Il-Prim Ministru qal li filwaqt li rridu nwieżnu liż-żgħir, min telaq jimxi ma jistax jiġi abbandunat għax ikkunsidrat ma’ tan-nofs u għalhekk il-programm soċjali tal-Gvern irid jibqa’ jkun immirat għal kulħadd, inkluż għall-middle-class b’servizzi offruti fil-komunità.

Indirizza wkoll l-laqgħa tal-Kabinett, il-Ministru għall-Politika Soċjali u d-Drittijiet tat-Tfal Michael Falzon, li fisser il-ħidma soċjali bħala l-qalb ta’ kull soċjetà li tħabbat fejn hemm l-aktar bżonn u li tagħti u ssostni l-ħajja. ‘‘Bla dubju dan il-Gvern jemmen bis-sħiħ f’soċjetà li tgħin lil kulħadd, speċjalment lil min jiflaħ l-anqas. Għax qrib in-nies, u nifhmu sew il-ħtigijiet tagħhom, ser inkomplu nagħtu għajnuna finanzjarja filwaqt illi nipprovdu bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħin ta’ kwalità bejn il-familji’’, saħaq il-Ministru Falzon.

Qabel il-laqgħa tal-Kabinett, il-Prim Ministru ltaqa’ mar-residenti ta’ Dar San Ġużepp. “L-ulied kollha ħaqqhom ikollhom storja ta’ suċċess u l-investiment soċjali tagħna se nkomplu nkattruh anki b’dan il-ħsieb biex kulħadd jilħaq l-aspirazzjonijiet tiegħu”, saħaq il-Prim Ministru Robert Abela.

Huwa nnota li ftehim soċjali ta’ €2 miljun bejn il-Gvern u Dar San Ġużepp ifisser appoġġ importanti għal din ir-residenza, sabiex ir-residenti tfal jingħataw l-aħjar ħarsien possibbli. Dar San Ġużepp hija residenza li fiha tilqa’ tfal subien li għal raġunijiet differenti ma jkunux jistgħu jibqgħu jgħixu mal-familja bijoloġika tagħhom. Bħalissa din ir-residenza toffri kenn lil 15-il tifel li jiġu assistiti b’mod individwali f’dak kollu li jkollhom bżonn bħal kura tas-saħħa, edukazzjoni, terapija soċjali u psikoloġika.

Il-Prim Ministru ġie milqugħ u mdawwar mar-residenza mid-Direttur ta’ Dar San Ġużepp Fr Louis Mallia li spjega lil Dr Abela l-ħidma li titwettaq ta’ kuljum favur dawn it-tfal. Huwa tkellem dwar diversi stejjer ta’ suċċess ta’ tfal residenti li kibru f’adoloxxenti u f’adulti u li bnew karriera u familja u li baqgħu jgħixu fis-soċjetà b’mod indipendenti.

Il-Prim Ministru żar ukoll l-appartamenti fejn jgħixu t-tfal, kif ukoll spazju fi ħdan ir-residenza li hija attrezzata b’għodda edukattiva għat-tfal. Hawn ġie spjegat kif hemm programmi edukattivi individwali għar-residenti f’din id-dar.

PR241454

Il-Gvern Malti jinnota b’sodisfazzjon li n-nominat ta’ Malta għall-Kulleġġ tal-Kummissjoni Ewropea b’mandat mill-bidu ta’ Diċembru li ġej, Glenn Micallef, intlaqa’ mill-President tal-Kummissjoni Ewropea Ursula von der Leyen u ġie fdat bil-portafoll li jħalli impatt fuq in-nies, li huma l-preżent u l-futur tal-Unjoni Ewopea.

In-nominat ta’ Malta qed jingħata l-portafoll taż-Żgħażagħ, il-Ġustizzja Interġenerazzjonali, l-Isport u l-Kultura. Temi importanti li pajjiżna dejjem imbotta fuq l-aġenda nazzjonali u dik Ewropea u implimenta bidliet importanti f’dawn is-suġġetti li wasslu għal riformi li taw aktar vuċi.

Il-Gvern jemmen li ż-żgħażagħ huma l-katalisti tas-suċċess tal-lum u ta’ għada iżda mhux biss. Il-ġustizzja bejn il-ġenerazzjonijiet flimkien mal-isport u l-kultura huma aspetti importanti oħra favur il-kwalità tal-ħajja tan-nies.

Il-Gvern jinnota kif in-nomina żagħżugħa ta’ pajjiżna qed tiġi fdata b’portafoll importanti għall-futur taċ-ċittadini Ewropej u jħares ’il quddiem li jkompli jaħdem mal-Kummissjoni Ewropea favur il-ġid komuni taċ-ċittadini kollha tal-Istati Membri.

Il-Gvern jawgura kull suċċess lil Glenn Micallef fil-passi li jmiss u fil-ħidma futura tiegħu bħala vuċi żagħżugħa u soda b’risq il-poplu Malti u dak Ewropew.

PR241445

“Qed nagħmlu reviżjoni tal-politika tal-migrazzjoni tagħna biex din tkun aktar addattata għar-realtajiet u l-bżonnijiet tal-preżent u l-futur.”

Sostna dan il-Prim Ministru Robert Abela waqt laqgħa oħra ta’ konsultazzjoni ta’ qabel il-Budget mal-Assoċċjazzjoni ta’ min Iħaddem, l-MEA.

Fil-fatt, ġewwa l-Berġa ta’ Kastilja, il-Prim Ministru rrimarka l-ħidma tal-Gvern quddiem direzzjoni ġdida li ħa sabiex jindirizza sfidi u bżonnijiet ġodda li ġew xprunati mis-suċċess ekonomiku li kiseb pajjiżna fl-aħħar snin.

Filwaqt li rrimarka li dan is-suċċess ekonomiku jrid ikompli jiġi assigurat b’mod għaqli, il-Prim Ministru sostna kif dan issa jrid iwassal għal prijoritajiet ġodda, fosthom kwalità ta’ ħajja aħjar, infrastruttura aktar b’saħħitha, investiment dirett barrani ta’ valur miżjud u aktar impjiegi ta’ kwalità.

Dr Abela sostna l-importanza wkoll li l-Gvern jibqa’ jkun ta’ spalla filwaqt li jinċentiva li min iħaddem. Tenna kif dan għamlu fil-passat quddiem sfidi bħall-pandemija b’miżuri bħall-Covid Wage Supplement u anke fiż-żmien li ġej bil-miżura tat-tnaqqis tat-taxxa li se tolqot l-iktar lill-faxxa tal-middle class f’pajjiżna.

“It-tax cuts nemmen li se jkollhom effett doppju. L-ewwel li l-introjtu li jieħdu lura d-dar l-persuni fil-faxxa tal-middle class tagħna jkun iktar imsaħħaħ u nemmen li dan jista’ jkompli jwassal għal kwalità ta’ ħajja aħjar. Min naħa l-oħra se ninċentivaw aktar il-produttività għall-ħaddiema b’aktar inċentivi, b’aktar sehem f’pajjiżna li minnu jgawdi kulħadd.”

Intant, il-Prim Ministru tkellem dwar is-suq tax-xogħol f’pajjiżna u l-ħidma li diġà saret biex tiġi indirizzata r-realtà ta’ ħaddiema aktar milli meħtieġ f’setturi partikolari. Kien hawn li nnota wkoll il-ħidma li qed issir favur reviżjoni tal-politika tal-migrazzjoni ta’ pajjiżna, imsejsa fuq erba’ prinċipji differenti. Dawn jinkludu l-upskilling u r-reskilling tal-ħaddiema, li jiġu mħarsa d-drittijiet tagħhom, aktar stabbiltà u rati ta’ ritenzjoni tal-ħaddiema u għarfien tal-bżonn veru ta’ ħaddiema fl-industriji ta’ pajjiżna.

Il-Ministri Byron Camilleri, Clyde Caruana, Clifton Grima u Chris Bonett, is-Segretarju Parlamentari Andy Ellul, il-Membri Parlamentari Ray Abela u Davinia Sammut Hili u l-Kap tas-Segretarjat Mark Mallia, akkumpanjaw lill-Prim Ministru tul din il-laqgħa.