Ngħinu lil kulħadd ikompli jimxi ’l quddiem – il-Prim Ministru Robert Abela f’laqgħa tal-Kabinett man-nies li ddiskuta s-soċjal

PR241458

17/09/2024

F’laqgħa tal-Kabinett li saret f’Dar San Ġużepp Santa Venera, li fiha ġie diskuss is-soċjal, il-Prim Ministru Robert Abela tkellem dwar kif prinċipju ewlieni jrid jibqa’ dak li ngħinu lil kulħadd ikompli jimxi ’l quddiem. F’laqgħa li fiha saru interventi minn akkademiċi, nies involuti fl-oqsma soċjali u ċittadini differenti, mhux biss ġie rrimarkat l-investiment soċjali kbir li jagħmel il-Gvern iżda anki saret referenza lejn l-importanza ta’ servizzi fil-komunità.

Il-Prim Ministru Robert Abela sema’ l-interventi differenti u mbagħad tkellem dwar valur ewlieni li jrid jibqa’ jħaddan il-Gvern, dak tal-ġustizzja soċjali, fejn ma jintesa’ ħadd. “Il-ġustizzja soċjali tfisser li anki jekk hemm imqar persuna waħda fi tbatija, fi sfida, f’realtà diffiċli, dik irridu nindirizzawha”, saħaq il-Prim Ministru. Qal li l-Budget li ġej, u li qed jitfassal frott anki konsultazzjonijiet mas-soċjetà, irid ikun b’saħħtu fl-indirizzar tal-prijoritajiet tan-nies. Hawn semma kif irridu nkomplu nsaħħu l-middle-class ta’ pajjiżna.

Dr Abela nnota kif l-investiment soċjali fl-ewwel sitt xhur ta’ din is-sena kien jiżboq it-tliet kwarti ta’ biljun ewro. Qal li l-ekonomija Maltija trid tibqa’ b’saħħitha biex issostni dan l-investiment. Spjega kif f’pajjiżna hawn realtajiet soċjali, partikolarment fost il-familji u bħala Gvern irridu nkunu hemm biex inġibu bidliet li joffru spalla u jtaffu l-piż ta’ sfidi soċjali. F’dan ir-rigward qal li l-Gvern diġà beda jħares lejn ir-riforma fil-Qorti tal-Familja.

Il-Prim Ministru qal li filwaqt li rridu nwieżnu liż-żgħir, min telaq jimxi ma jistax jiġi abbandunat għax ikkunsidrat ma’ tan-nofs u għalhekk il-programm soċjali tal-Gvern irid jibqa’ jkun immirat għal kulħadd, inkluż għall-middle-class b’servizzi offruti fil-komunità.

Indirizza wkoll l-laqgħa tal-Kabinett, il-Ministru għall-Politika Soċjali u d-Drittijiet tat-Tfal Michael Falzon, li fisser il-ħidma soċjali bħala l-qalb ta’ kull soċjetà li tħabbat fejn hemm l-aktar bżonn u li tagħti u ssostni l-ħajja. ‘‘Bla dubju dan il-Gvern jemmen bis-sħiħ f’soċjetà li tgħin lil kulħadd, speċjalment lil min jiflaħ l-anqas. Għax qrib in-nies, u nifhmu sew il-ħtigijiet tagħhom, ser inkomplu nagħtu għajnuna finanzjarja filwaqt illi nipprovdu bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħin ta’ kwalità bejn il-familji’’, saħaq il-Ministru Falzon.

Qabel il-laqgħa tal-Kabinett, il-Prim Ministru ltaqa’ mar-residenti ta’ Dar San Ġużepp. “L-ulied kollha ħaqqhom ikollhom storja ta’ suċċess u l-investiment soċjali tagħna se nkomplu nkattruh anki b’dan il-ħsieb biex kulħadd jilħaq l-aspirazzjonijiet tiegħu”, saħaq il-Prim Ministru Robert Abela.

Huwa nnota li ftehim soċjali ta’ €2 miljun bejn il-Gvern u Dar San Ġużepp ifisser appoġġ importanti għal din ir-residenza, sabiex ir-residenti tfal jingħataw l-aħjar ħarsien possibbli. Dar San Ġużepp hija residenza li fiha tilqa’ tfal subien li għal raġunijiet differenti ma jkunux jistgħu jibqgħu jgħixu mal-familja bijoloġika tagħhom. Bħalissa din ir-residenza toffri kenn lil 15-il tifel li jiġu assistiti b’mod individwali f’dak kollu li jkollhom bżonn bħal kura tas-saħħa, edukazzjoni, terapija soċjali u psikoloġika.

Il-Prim Ministru ġie milqugħ u mdawwar mar-residenza mid-Direttur ta’ Dar San Ġużepp Fr Louis Mallia li spjega lil Dr Abela l-ħidma li titwettaq ta’ kuljum favur dawn it-tfal. Huwa tkellem dwar diversi stejjer ta’ suċċess ta’ tfal residenti li kibru f’adoloxxenti u f’adulti u li bnew karriera u familja u li baqgħu jgħixu fis-soċjetà b’mod indipendenti.

Il-Prim Ministru żar ukoll l-appartamenti fejn jgħixu t-tfal, kif ukoll spazju fi ħdan ir-residenza li hija attrezzata b’għodda edukattiva għat-tfal. Hawn ġie spjegat kif hemm programmi edukattivi individwali għar-residenti f’din id-dar.

FacebookTwitter
Skip to content