In-nominat ta’ Malta għall-Kummissjoni Ewropea fdat b’portafoll li jħalli impatt fuq il-preżent u l-futur

PR241454

17/09/2024

Il-Gvern Malti jinnota b’sodisfazzjon li n-nominat ta’ Malta għall-Kulleġġ tal-Kummissjoni Ewropea b’mandat mill-bidu ta’ Diċembru li ġej, Glenn Micallef, intlaqa’ mill-President tal-Kummissjoni Ewropea Ursula von der Leyen u ġie fdat bil-portafoll li jħalli impatt fuq in-nies, li huma l-preżent u l-futur tal-Unjoni Ewopea.

In-nominat ta’ Malta qed jingħata l-portafoll taż-Żgħażagħ, il-Ġustizzja Interġenerazzjonali, l-Isport u l-Kultura. Temi importanti li pajjiżna dejjem imbotta fuq l-aġenda nazzjonali u dik Ewropea u implimenta bidliet importanti f’dawn is-suġġetti li wasslu għal riformi li taw aktar vuċi.

Il-Gvern jemmen li ż-żgħażagħ huma l-katalisti tas-suċċess tal-lum u ta’ għada iżda mhux biss. Il-ġustizzja bejn il-ġenerazzjonijiet flimkien mal-isport u l-kultura huma aspetti importanti oħra favur il-kwalità tal-ħajja tan-nies.

Il-Gvern jinnota kif in-nomina żagħżugħa ta’ pajjiżna qed tiġi fdata b’portafoll importanti għall-futur taċ-ċittadini Ewropej u jħares ’il quddiem li jkompli jaħdem mal-Kummissjoni Ewropea favur il-ġid komuni taċ-ċittadini kollha tal-Istati Membri.

Il-Gvern jawgura kull suċċess lil Glenn Micallef fil-passi li jmiss u fil-ħidma futura tiegħu bħala vuċi żagħżugħa u soda b’risq il-poplu Malti u dak Ewropew.

FacebookTwitter
Skip to content