Month: January 2024

PR240045

Il-Prim Ministru Robert Abela jindirizza lill-Konsli Onorarji ta’ Malta waqt l-iskambju t’awguri fil-bidu tas-sena l-ġdida. Id-diskors qed ikun ippubblikat.

PR240029

Malta użat b’suċċess mija fil-mija tal-fondi Ewropej allokati għaliha għall-perjodu 2013-2020, liema perjodu teknikament għalaq f’Diċembru li għadda.

Ħabbar dan il-Prim Ministru Robert Abela meta fl-inawgurazzjoni tal-Palazz tal-Gran Mastru kien qed jitkellem dwar l-użu tal-fondi Ewropej.

Il-Prim Ministru tenna li dan jawgura tajjeb għall-perjodu li ninsabu fih wara li l-Gvern preżenti nnegozja l-ikbar pakkett ta’ fondi Ewropej għal pajjiżna u b’hekk Malta issa għandha d-doppju tal-fondi Ewropej li kellha qabel x’tuża.

Meta kienu għaddejjin in-negozjati dwar il-pakkett ta’ fondi għall-perjodu kurrenti, il-Gvern ma waqafx bil-ħidma biex jinvesti l-pakkett ta’ fondi Ewropej li kellu għad-dispożizzjoni tiegħu. B’dawn il-fondi issa ġew assorbiti kollha għall-benefiċċju taċ-ċittadini Maltin u Għawdxin.

Il-€1.1 biljun għall-perjodu 2013-2020 kienu investiti fi proġetti kapitali, proġetti soċjali u programmi oħra.

Fosthom bl-investiment ta’ €925.5 miljun, saru 128 investiment jew proġett li l-mira tagħhom kienet li tagħmel l-ekonomija tagħna mhux biss aktar kompetittiva iżda anke innovattiva.

Fost dawn kien hemm il-fondi ta’ koeżjoni li bihom saru investimenti infrastrutturali fl-edukazzjoni, fis-saħħa, fil-kultura u l-innovazzjoni, fl-enerġija rinnovabbli u l-kompetittività. Ma’ dawn jiżdiedu investimenti li saru fl-infrastruttura marittima u tat-toroq tagħna, flimkien ma’ fondi oħra li ġew allokati biex nimmitigaw l-impatti tal-pandemija, kif proprju għamilna b’suċċess. Bl-investiment f’dawn l-oqsma laħaq is-€673 miljun.

Dan filwaqt li madwar €280 miljun il-Gvern investihom f’prijoritajiet aktar soċjali u fil-ħiliet, biex ngħinu aktar nies jibnu fuq il-kapaċitajiet tagħhom, isibu xogħol aħjar filwaqt li ntejbu l-ħidma tal-istituzzjonijiet tagħna. F’dan il-qasam biss, saru 54 proġett, tliet skemi maġġuri u strument finanzjarju fil-qasam tal-edukazzjoni.

Hu stmat li ftit inqas minn 150,000 persuna bbenefikaw minn opportunitajiet jew proġetti li saru b’dan il-fond madwar Malta u Għawdex. B’dawn ma jinkludux proġetti u ħidma li kienet għaddejja fl-aħħar snin bil-fondi ta’ rkupru u reżiljenza.

Il-kumplament tal-fondi kien finanzjament lejn programmi bħal Erasmus u inizjattivi oħra.

Il-Prim Ministru tenna l-impenn tal-Gvern li filwaqt li jkompli jaħsad l-opportunitajiet għal pajjiżna, ikompli jinvesti fin-nies u jwettaq aktar ħidma għall-poplu Malti u Għawdxi.

PR240023

Fi żjara li għamel lil persuni li qegħdin isegwu programm rijabilitattiv fil-komunità tal-Caritas f’Baħar iċ-Ċagħaq, il-Prim Ministru Robert Abela tenna li dan il-Gvern jemmen li kull persuna għandu jkollha l-opportunità li tirrijabilita ruħha u timxi ’l quddiem. 

Huwa għalhekk li l-Gvern għal darb’oħra se jkun qiegħed jinvesti fil-Prison Inmates Programme li jitħaddem mill-Caritas Malta, biex dawn il-persuni jingħataw l-attenzjoni u s-sostenn li jeħtieġu biex joħorġu mid-dipendenza tad-droga u jkunu dejjem aktar lesti biex wara li jiskontaw is-sentenza jintegraw aħjar fis-soċjetà. 

Fil-fatt, akkumpanjat mill-Ministru għall-Intern, is-Sigurtà, ir-Riformi u l-Ugwaljanza Byron Camilleri u mis-Segretarju Parlamentari għar-Riformi u l-Ugwaljanza Rebecca Buttigieg, ħabbar li l-Gvern, b’investiment ta’ €1.3 miljun, se jibqa’ jinvesti f’dan il-programm għat-tliet snin li ġejjin biex ikompli joffri ambjent ta’ dar maħsub speċifikament għal priġunieri dipendenti fuq id-droga waqt li jkunu qegħdin jiskontaw is-sentenza. 

B’dan, fi kliem il-Prim Ministru Robert Abela, se jkompli jsaħħaħ il-politika rijabilitattiva li qed iħaddem il-Gvern, fosthom dik li qed tara jiġu żviluppati iżjed half-way-houses għal dawk li jkunu qegħdin jiskontaw l-aħħar parti tas-sentenza ta’ priġunerija biex jingħataw l-għodda neċessarja li tippreparahom jerġgħu jgħixu fis-soċjetà, filwaqt li qed ikompli jsir investiment ukoll fl-għaqdiet volontarji li jaħdmu direttament fir-rijabilitazzjoni karċerarja bħalma huma Caritas Malta, l-Għaqda mid-Dlam għad-Dawl u l-Fondazzjoni Rise. 

Parallel, twaqqfet ukoll il-Victim Support Agency biex jingħata s-sostenn u l-ħarsien lill-vittmi tal-istess reati kriminali. 

F’diskussjoni li kellu mal-ħdax-il persuna li bħalissa qegħdin isegwu l-Prison Inmates Programme, il-Prim Ministru rrefera wkoll għal riforma oħra li l-Gvern se jkun qiegħed ipoġġi għad-diskussjoni fil-jiem li ġejjin kif imwiegħed fil-programm elettorali, dwar il-possibilità li persuni li jkollhom il-kondotta tagħhom imċappsa jingħataw l-opportunità li ma jibqgħux iġorru t-tikketta tal-kondotta għal għomorhom. Xhieda ta’ Gvern li b’riformi kuraġġużi qiegħed ikompli jindirizza realtajiet speċifiċi. 

Il-Prim Ministru temm b’ringrazzjament lill-Caritas Malta u l-ħaddiema kollha involuti f’dan il-programm għall-ġid li qegħdin iwettqu fis-soċjetà.

Anthony Gatt, Direttur ta’ Caritas Malta, esprima l-apprezzament tiegħu għall-kollaborazzjoni mal-Ministeru tal-Intern u l-Aġenzija għas-Servizzi Korrettivi, kif ukoll għal din l-għajnuna sostanzjali. Fisser kif l-investiment tal-Gvern id f’id mal-impenn ta’ Caritas Malta qiegħed iwassal biex persuni li jkunu skontaw sentenza ta’ ħabs u kellhom dipendenza fuq id-droga jerġgħu jsiru membri sħaħ fis-soċjetà tagħna u jagħtu lura kontribut siewi.

Id-Direttur ta’ Caritas Malta semma’ b’sodisfazzjon numru ta’ stejjer ta’ suċċess inkluż ta’ persuni li għamlu l-Prison Inmates Programme u li mal-medda taż-żmien saru wkoll ħaddiema ta’ Caritas Malta u li llum qed iservu ta’ eżempju. 

Temm b’ringrazzjament lill-Prim Ministru għal din iż-żjara li fissirha bħala messaġġ ċar tad-dinjità ta’ dawn il-persuni.

PR240015

F’laqgħa mad-disa’ membri żgħażagħ tal-Youth Advisory Forum, il-Prim Ministru Robert Abela qal li l-kontribut tagħhom f’din il-pjattaforma jista’ jwassal għal riżultati aħjar għal pajjiżna. Il-Prim Ministru qal dan f’kummenti introduttorji matul laqgħa tal-Youth Advisory Forum li l-membri tiegħu ntgħażlu wara sejħa pubblika. Tmien membri ntgħażlu wara proċess ta’ għażla filwaqt li r-rappreżentanta tal-Kunsill Nazzjonali taż-Żgħażagħ ġiet nomintata mill-Kunsill stess. B’hekk id-disa’ membri ta’ dan l-ewwel Youth Advisory Forum se jkunu qed iservu għal total ta’ tmintax-il xahar bil-għan li jagħtu l-ideat tagħhom dwar temi ta’ importanza nazzjonali u mhux biss dak li jolqot liż-żgħażagħ.

Il-Prim Ministru qal li pajjiżna huwa l-post li fih jistgħu jintlaħqu l-aspirazzjonijiet taż-żgħażagħ Maltin u Għawdxin. Saħaq li din il-pjattaforma ġdida hija propju l-għodda li se tkun qed tara li dan verament jitwettaq. “L-aspirazzjonijiet huma komuni. Iż-żgħażagħ iridu li jkollna mpjiegi tajbin, li ngħixu f’pajjiż sabiħ, f’pajjiż nadif. Li jkollhom ħin ta’ kwalità mal-familja. Pajjiż sigur u trankwill. U ambjent sabiħ”, qal Dr Abela. Qal ukoll li ż-żgħażagħ jridu pajjiż fil-paċi mal-pajjiżi ġirien tiegħu u fir-reġjun ta’ madwarna u madwar il-kumplament tad-dinja.

Il-Prim Ministru tkellem ukoll dwar ħidmet il-Gvern f’din is-sena l-ġdida u ta elenku ta’ proġetti u inizjattivi li tlestew u li diġà qed igawdi minnhom il-poplu. Hawnhekk irrefera għall-investiment fl-Iskola Primarja tan-Nadur, is-sejħa li ħarġet għal xogħol ta’ mmodernizzar fuq is-sub-station tal-elettriku ħdejn l-Isptar Mater Dei u sub-stations oħra għat-tisħiħ tad-distribuzzjoni tad-dawl. Semma’ kif bdew jitqassmu ż-żidiet fil-pensjonijiet u ż-żieda fil-Carers’ Grant għal dawk l-anzjani li jkollhom carer magħhom id-dar.

Fil-qasam ambjentali, il-Prim Ministru rrefera għall-aqwa riżultati li qatt akkwistat il-Wasteserv fir-riċiklaġġ, fejn il-pajjiż kellu tnaqqis sostanzjali fl-iskart mhux isseparat fil-borża s-sewda u żieda fenomenali fl-iskart organiku sseparat. Dan filwaqt li f’dik li hija immigrazzjoni rregolari, fl-2023 Malta rrilokat u rritornat immigranti rregolari aktar minn kemm kien hemm wasliet matul is-sena li għaddiet.

Il-laqgħa kompliet b’diskussjoni mal-membri tal-Forum dwar temi li ressqu ’l quddiem huma nfushom. Il-kompożizzjoni tal-Youth Advisory Forum tinsab fis-sit elettroniku primministru.gov.mt