Month: June 2026

PR260944

Fl-ewwel kwart tas-sena l-ekonomija ta’ pajjiżna kibret bi 3.9%. Din hija rata akbar minn dik imbassra minn istituzzjonijiet bħall-Bank Ċentrali u l-Fond Monetarju Internazzjonali, kif ukoll mir-rata ta’ tkabbir osservata fil-bqija taż-żona ewro, li hija madwar ħames darbiet anqas. L-ekonomija Maltija kibret b’sitt darbiet ir-rata fl-Italja u bi tlettax-il darba r-rata ta’ espansjoni tal-Ġermanja.

L-ixprun tat-tkabbir ekonomiku matul l-ewwel tliet xhur kompliet tkun id-domanda domestika. Fil-fatt kważi nofs tat-tkabbir kien dovut għal konsum akbar mill-familji. Dan kien jirrifletti l-fatt li kien irreġistrat l-ogħla ammont ta’ dħul għall-ħaddiema qatt osservat fl-istorja. Dan hekk kif id-dħul tal-ħaddiema laħaq il-figura rekord ta’ €2.8 biljun. Dan kien aktar minn 9% akbar mill-ammont ta’ dħul osservat is-sena li għaddiet, bi kwart taż-żieda tkun frott il-ftehim kollettiv ġdid tal-ħaddiema tas-servizz pubbliku. Barra mit-titjib fil-konsum, d-domanda domestika tjiebet ukoll grazzi għall-investiment akbar kif ukoll żieda fl-ispiża tal-Gvern.

Anke il-bilanċ tal-pagamenti nternazzjonali ta’ pajjiżna tjieb matul is-sena li għaddiet. Dan hekk kif kien hemm żieda fl-esportazzjoni ta’ kważi €288 miljun. Dan seħħ minkejja s-sitwazzjoni internazzjonali ta’ sfida, bi tnaqqis fir-ritmu ekonomiku globali u t-tariffi imposti mill-Gvern Amerikan. Imma b’kuntrast għal negozji f’pajjiżi madwarna, kumpaniji Maltin qed jibqgħu kompetittivi għax ma tgħabbewx bi prezzijiet għolja tal-enerġija, filwaqt li l-Gvern Malti mhux jimponi taxxi ġodda bħalma qed jagħmlu Gvernijiet oħra.

Kważi kwart tat-tkabbir ekonomiku li seħħ kien dovut għas-settur diġitali, mentri kien hemm titjib ukoll fl-attività tas-servizzi professjonali u amministrattivi, flimkien mas-servizzi finanzjarji. Dan filwaqt li kien hemm kontribut qawwi ħafna mis-settur tal-lukandi u ristoranti, frott it-tisħiħ tat-turiżmu, kif ukoll fis-settur tal-ħwienet, fejn id-domanda domestika baqgħet qawwija mhux bħalma qed jiġri f’pajjiżi madwarna fejn il-familji qed jintlaqtu ħażin ħafna minn politika ta’ awsterità, b’żieda fit-taxxi u tnaqqis fl-ispiża soċjali.

PR260931

Il-Prim Ministru Robert Abela, akkumpanjat mill-Ministru għall-Ekonomija, l-Intrapriża u Proġetti Strateġiċi Silvio Schembri, inawgura uffiċjalment it-tlestija tal-proġett tal-espansjoni tal-fabbrika ta’ De La Rue f’Malta, investiment sinifikanti li jkompli jsaħħaħ il-pożizzjoni ta’ pajjiżna bħala ċentru ta’ eċċellenza fil-manifattura avvanzata u s-security printing.

Dan il-proġett, li beda fl-2022, jirrappreżenta investiment ta’ kważi €60 miljun u se jwassal għal aktar karrieri ta’ kwalità, teknoloġija moderna u taħriġ speċjalizzat għall-ħaddiema Maltin u Għawdxin. L-espansjoni tinkludi investiment f’sistemi viżivi avvanzati u proċessi aktar produttivi.

Fid-diskors tiegħu, il-Prim Ministru qal li De La Rue hija sieħeb strateġiku fil-progress ekonomiku ta’ Malta. Huwa saħaq li l-fatt li investiment bħal dan jibqa’ f’pajjiżna mhuwiex xi ħaġa garantita, iżda frott klima ta’ fiduċja, stabbiltà u politika ekonomika li tappoġġja n-negozji u l-familji.

Dr Abela nnota li, minkejja bidliet importanti fil-grupp De La Rue fuq livell internazzjonali, Malta baqgħet ċentrali fil-pjanijiet futuri ta’ din il-kumpanija.

Huwa qal li dan jikkonferma l-ħiliet tal-ħaddiema tagħna u l-kompetittività li kiseb pajjiżna. Dr Abela żied jgħid li din il-kumpanija “emmnet u bl-iktar mod ċar għadha temmen fil-potenzjal tal-ħaddiema Maltin u Għawdxin. Investiet fit-taħriġ tagħhom u tat opportunitajiet ta’ xogħol ta’ kwalità lil mijiet ta’ familji.”

Il-Prim Ministru rrefera wkoll għal investimenti “li jikkonfermaw il-momentum pożittiv li għandu pajjiżna. Rajna l-espansjoni ta’ STMicroelectronics u t-tħabbira tal-investiment minn Vantive – fis-settur mediku u farmaċewtiku. Dawn huma eżempji ċari ta’ kif Malta qed tkompli tiddiversifika l-ekonomija tagħha u tattira investiment f’setturi ta’ valur miżjud għoli,” tenna jgħid Dr Abela.

Huwa rringrazzja lill-management u lill-ħaddiema ta’ De La Rue, kif ukoll lil Malta Enterprise u INDIS Malta, għall-ħidma tagħhom biex dan il-proġett seta’ jsir realtà.

Il-Ministru Silvio Schembri qal li dan l-investiment ta’ De La Rue huwa riżultat dirett tal-ekonomija b’saħħitha u stabbli li bnejna flimkien matul is-snin, ekonomija li qed tkompli toffri prospetti pożittivi u opportunitajiet ġodda.

“Huwa proprju dan l-ambjent ta’ stabbiltà u ċertezza li jagħti l-kunfidenza lil kumpaniji internazzjonali ta’ dan il-livell biex ikomplu jinvestu, jespandu l-operat tagħhom u joħolqu aktar valur miżjud u impjiegi ta’ kwalità f’Malta. Dan l-investiment fil-fatt ser ikompli joħloq impjiegi ta’ kwalità, isaħħaħ il-kompetittività ta’ pajjiżna u jikkontribwixxi għal tkabbir ekonomiku sostenibbli,” qal il-Ministru Schembri.