Month: June 2026

PR260968

Pajjiżna laħaq il-miri fiskali ferm qabel iż-żmien b’tim b’saħħtu li se jkompli jmexxi lil Malta dejjem aktar ’il quddiem bl-implimentazzjoni tal-programm ta’ ħidma INT Malta. Hekk qal il-Prim Ministru Robert Abela f’konferenza tal-aħbarijiet fil-Berġa ta’ Kastilja b’rabta mal-fatt li l-Kummissjoni Ewropea kkonfermat li pajjiżna laħaq il-miri fiskali wara li rnexxielu jniżżel id-defiċit imqabbel mal-Prodott Domestiku Gross taħt it-3%.

Fil-fatt id-defiċit niżel għal 2.2% waqt li l-medja Ewropea hija ta’ 3.1%. Issa l-Kummissjoni Ewropea kitbet formalment lill-Kunsill Ewropew biex joħroġ lil Malta mill-proċedura ta’ defiċit eċċessiv, biex pajjiżna kien l-uniku pajjiż li tneħħa minn din il-proċedura u għandu l-aqwa tkabbir ekonomiku għal din is-sena u s-sena d-dieħla fl-Ewropa. Dan skont l-esperti tal-Kummissjoni Ewropea.

Fl-istess konferenza tal-aħbarijiet indirizzata wkoll mill-Ministru għall-Finanzi Clyde Caruana, il-Prim Ministru Robert Abela rrimarka li fl-2020 kellu għażla quddiemu meta faqqgħet pandemija, dik li jixxaħħaħ u jwieġeb bl-awsterità jew inkella jinvesti fin-nies. Huwa għażel it-tieni waħda u baqa’ hekk sal-lum biex ta ċertezza, stabbiltà u serħan il-moħħ. Dr Abela saħaq li bis-saħħa tal-għaqal fl-amministrar tal-finanzi, id-dejn nazzjonali bħala proporzjon tal-ġid nazzjonali qabad jonqos u l-mira hi li f’din il-leġiżlatura li għadha kif bdiet, jinżel għal 40%.

“Il-poplu Malti u Għawdxi jaf lil min għandu jagħti l-fiduċja, lil Gvern kompetenti, effettiv u kredibbli”, irrimarka l-Prim Ministru quddiem ir-raba’ mandat storiku konsekuttiv li rċieva l-moviment politiku li jmexxi. Spjega li għandu tim b’saħħtu biex imexxi Gvern għall-ġid tal-pajjiż u se jimplimenta l-programm ta’ ħidma biex fost oħrajn, b’qagħda fiskali b’saħħitha u li mistennija tkompli titjieb; iżid il-leave tal-maternità u l-paternità, jinċentiva aktar lill-first-time buyers, ikompli jżid il-pensjonijiet, jagħti Super Bonus ta’ €1,000 fis-sena għall-ħaddiema kollha, jinvesti fl-aqwa xjenza u teknoloġija għall-IVF, jgħin lill-ġenituri fit-terapiji għal uliedom b’diżabilità, jagħti kick-start liż-żgħażagħ li bdew jaħdmu jew fetħu start-up u jibdel f’parks nazzjonali l-White Rocks u Manoel Island, fost oħrajn.

F’Kastilja, il-Prim Ministru Robert Abela rrimarka wkoll għall-fatt li l-Eurostat ikkonfermat li Malta hija l-pajjiż fiż-Żona Ewro bl-inqas rata ta’ inflazzjoni. Dan bis-saħħa ta’ politika progressiva u soċjali ta’ din l-amministrazzjoni. “Fl-aħħar sigħat, il-Gvern ingħata l-aqwa ċertifikat tal-ħidma tiegħu u għalhekk inħarsu lejn il-ġejjieni b’ottimiżmu”, qal il-Prim Ministru Robert Abela.

Min-naħa tiegħu, il-Ministru għall-Finanzi Clyde Caruana sostna kemm id-deċiżjonijiet għaqlin li ħa l-Gvern fl-aħħar snin kienu kruċjali biex illum pajjiżna huwa l-unika pajjiż minn tmienja fl-Unjoni Ewropea li laħaq dawn il-miri fiskali. Huwa spjega li minkejja li l-Kummissjoni Ewropea tat lil pajjiżna erba’ snin biex inaqqas id-defiċit taħt it-3%, dan it-tragward intlaħaq f’sentejn biss.

Huwa qal li filwaqt li pajjiżi Ewropej oħra qed jaraw il-defiċits tagħhom jiżdiedu, f’Malta qed jiġri bil-maqlub u d-defiċit ta’ pajjiżna se jkompli jonqos sena wara l-oħra. Tant hu hekk li l-Kummissjoni Ewropea qed tantiċipa li sal-2027, se ikun hemm 13-il pajjiż fil-proċedura tad-defiċit eċċessiv.

Il-Ministru spjega wkoll kif matul l-aħħar snin, id-defiċit ta’ pajjiżna naqas b’medja ta’ 1.3 punti perċentawli kull sena. Għas-snin li ġejjin il-Gvern qed jippjana li jkompli jnaqqas id-defiċit b’0.6 punti perċentwal u dan sabiex ikompli jagħmel tajjeb għall-impatti li ġejjin minn barra u kif ukoll biex jitwettaq il-manifest elettorali b’saħħtu li ppreżenta l-Gvern matul l-aħħar ġimgħat.

PR260966

Wara l-għażla demokratika tal-poplu Malti fl-elezzjoni ġenerali tat-30 ta’ Mejju 2026, għada se jkun qiegħed isir il-ġurament tal-ħatra tal-Kabinett.

Il-Prim Ministru Robert Abela għażel numru ta’ Ministri li għandhom l-esperjenza, il-kompetenza u l-motivazzjoni sabiex ikomplu jmexxu lill-pajjiż dejjem aktar ’il quddiem.Numru ta’ Ministri se jkunu qed ikomplu jaqdu l-irwol li kellhom fil-leġiżlatura li għaddiet flimkien ma’ responsabbiltajiet oħra. Oħrajn, inkluż numru ta’ Deputati li fil-leġiżlatura li għaddiet servew bħala Segretarji Parlamentari, ingħataw responsabbiltajiet Ministerjali ġodda. Żewġ Segretarji Parlamentari se jkunu qed jgħinu lill-Ministri fil-ħidma tagħhom.

Il-formazzjoni tal-Kabinett tirrifletti l-impenn tal-Gvern li jwettaq il-manifest elettorali li għażel il-poplu, partikolarment il-ħolqien tal-ġid u l-investiment fil-kwalità tal-ħajja tan-nies. Filwaqt li l-Gvern huwa kommess li jibqa’ jġib riżultati ekonomiċi b’saħħithom, il-ħidma tal-Kabinett se tiffoka fuq l-implimentazzjoni ta’ miżuri li jagħmlu l-ħajja tan-nies eħfef, isbaħ u aħjar.

Ir-responsabbiltajiet tal-Ministri u l-kontribut li huma mistennija jagħtu s-Segretarji Parlamentari jirriflettu l-prijoritajiet ewlenin li għandu l-Gvern, fosthom is-settur diġitali, l-akkomodazzjoni, il-mobbiltà u r-riġenerazzjoni ta’ bnadi differenti ta’ pajjiżna.

Dawn huma l-Ministri u s-Segretarji Parlamentari magħżula mill-Prim Ministru Robert Abela skont ir-responsabbiltajiet tagħhom:


Ian Borg

Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa

Owen Bonnici

Ministru għall-Akkomodazzjoni u l-Artijiet


Michael Falzon

Ministru għall-Politika Soċjali u l-Familja

Anton Refalo

Ministru għall-Agrikoltura, is-Sajd u l-Provvista tal-Ikel

Silvio Schembri

Ministru għall-Ekonomija, it-Teknoloġija u Proġetti Strateġiċi


Julia Farrugia

Ministru għall-Inklużjoni u l-Volontarjat


Clint Camilleri

Ministru għal Għawdex

Byron Camilleri

Ministru għall-Edukazzjoni u l-Isport


Miriam Dalli

Ministru għall-Enerġija, l-Ambjent u r-Riġenerazzjoni tal-Port il-Kbir

Clyde Caruana

Ministru għall-Finanzi

Clifton Grima

Ministru għall-Ġustizzja, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni

Jonathan Attard

Ministru għall-Ippjanar, l-Infrastruttura u x-Xogħol


Jo Etienne Abela

Ministru għat-Turiżmu

Chris Bonett

Ministru għall-Mobbiltà Sostenibbli

Chris Fearne

Ministru għall-Affarijiet Barranin u Ewropej

Alison Zerafa Civelli

Ministru għall-Gvern Lokali u x-Xogħlijiet Pubbliċi

Keith Azzopardi Tanti

Ministru għall-Fondi Ewropej, id-Djalogu Soċjali u l-Protezzjoni tal-Konsumatur


Glenn Bedingfield

Ministru għall-Intern u s-Sigurtà

Malcolm Paul Agius Galea

Ministru għall-Arti, il-Kultura u l-Wirt Nazzjonali

Omar Farrugia

Ministru għaż-Żgħażagħ, il-Benesseri u l-Implimentazzjoni tal-Programm Elettorali


Rosianne Cutajar

Ministru għall-Ugwaljanza u d-Drittijiet Ċivili


Deo Debattista

Segretarju Parlamentari fl-Uffiċċju tad-Deputat Prim Ministru u l-Ministeru għas-Saħħa (responsabbli mill-Anzjanità Attiva) 


Alicia Bugeja Said

Segretarju Parlamentari fil-Ministeru għall-Enerġija, l-Ambjent u r-Riġenerazzjoni tal-Port il-Kbir (responsabbli mill-Ħarsien tal-Annimali)

PR260963

Il-Gvern Malti jilqa’ r-rakkommandazzjoni li għadha kemm ippubblikat il-Kummissjoni Ewropea biex il-Kunsill Ewropew joħroġ lil Malta mill-proċedura ta’ defiċit eċċessiv. 

Din id-deċiżjoni ttieħdet fid-dawl tar-riżultati fiskali ferm pożittivi tal-Gvern Malti li s-sena li għaddiet naqqas id-defiċit għal 2.2% tal-Prodott Domestiku Gross. Dan kien ifisser li pajjiżna laħaq il-miri finanzjarji maqbula mal-Kummissjoni ferm qabel miftiehem. Barra minn hekk it-titjib fil-qagħda finanzjarja tal-Gvern Malti kienet ferm akbar minn dik maqbula.

Skont il-EUROSTAT il-medja tad-defiċit madwar l-Unjoni Ewropea huwa ta’ 3.1% tal-ġid nazzjonali, jew kważi punt perċentwal sħiħ akbar minn dak f’pajjiżna. Dan minkejja li l-Gvernijiet Ewropej qed jieħdu madwar €46 f’taxxi u dħul ieħor minn kull €100 ta’ ġid nazzjonali. B’kuntrast f’Malta, id-defiċit kien ta’ 2.2% biss, minkejja li l-Gvern Malti jieħu anqas minn €35 f’taxxi u dħul ieħor minn kull €100 ta’ ġid nazzjonali.

Fost dawk b’defiċit akbar minn jew daqs 3%, u allura li għandhom defiċit eċċessiv wieħed isib il-Belġju (5.2%), il-Bulgarija (3.5%),  Franza (5.1%), il-Kroazja (3%), l-Italja (3.1%), l-Ungerija (4.7%), l-Awstrija (4.2%), il-Polonja (7.3%), ir-Rumanija (7.9%), l-Islovakkja (4.5%) u l-Finlandja (3.4%). Filwaqt li Malta naqset id-defiċit taħt it-3% is-sena li għaddiet, fil-Bulgarija u fil-Kroazja d-defiċit beda jaqbeż għall-ewwel darba t-threshold Ewropea. 

Malta rnexxielha tikseb dan ir-riżultat minkejja li s-sena li għaddiet kienet l-uniku pajjiż Ewropew fejn ma kien hemm l-ebda żieda fil-prezz tal-petrol, diżil, gass u elettriku. It-tnaqqis fid-defiċit kien kawża tat-tkabbir ekonomiku u mhux ta’ miżuri ta’ awsterità. Anzi r-riżultati pożittivi nkisbu minkejja li l-Gvern wettaq l-akbar tax cut fl-istorja ta’ pajjiżna li minna gawdew il-ħaddiema kollha, kif ukoll ngħatat żieda qawwija fil-pensjonijiet u benefiċċji soċjali. 

Finalment il-Kummissjoni kkonfermat li  l-qagħda finanzjarja tal-Gvern Malti se tkompli titjieb fis-snin li ġejjin. Dan huwa ċertifikat ieħor pożittiv għall-Gvern, li filwaqt li qed jibqa’ jsostni bil-kbir lill-familji u lin-negozji, qed ikompli jtejjeb il-finanzi pubbliċi. Dan propju għax il-politika progressiva qed twassal għal tkabbir ekonomiku sostnut.

Grazzi għal dan is-suċċess ekonomiku l-Gvern ser jibda jwettaq il-manifest elettorali, issa programm ta’ ħidma, li fuqu ngħata mandat elettorali b’saħħtu nhar is-Sibt illi għadda.

PR260960


Messaġġ lin-nazzjon mill-Prim Ministru Robert Abela

Insellmilkom.

Nhar is-Sibt, il-poplu Għawdxi u Malti kellu għażla quddiemu.

Għażla dwar il-futur li jixtieq li jkollu pajjiżna.

B’determinazzjoni ċara, il-poplu ddeċieda li jrid jerġa’ jislef il-fiduċja tiegħu lili u lit-tim li jien immexxi.

Din hija l-ewwel darba fl-istorja ta’ pajjiżna li moviment politiku ġie fdat għar-raba’ darba konsekuttiva b’mandat

elettorali.

Għażla għaldaqstant storika, f’mument importanti ħafna.

Mument fejn filwaqt li madwarna l-isfidi qed ikomplu jiżdiedu, aktar qed tissoda r-rieda tal-poplu tagħna biex

ikollna kwalità ta’ ħajja aħjar f’Malta aqwa.

Din kienet propju l-ispirazzjoni tal-manifest elettorali li ressaqna quddiem il-poplu.

Manifest elettorali li issa sar il-programm ta’ ħidma tagħna bħala Gvern.

Programm li huwa wieħed komprensiv biex inkunu miegħek f’kull pass tal-ħajja.

Ħajja li rridu nagħmluha eħfef, isbaħ u aħjar.

Fl-aħħar snin, pajjiżna għamel qabża ekonomika bla preċedent.

Is-saħħa ekonomika tagħna qed tippermettilna nkunu ta’ tarka għall-poplu tagħna.

Se nibqgħu ffukati biex inkomplu nagħtu ċ-ċertezza, l-istabbiltà u s-serħan il-moħħ ħalli nipproteġu lilkom il-

familji, il-qalb ta’ dan il-pajjiż.

Fiż-żmien li ġej, irridu nżommu l-magna ekonomika ta’ pajjiżna għaddejja biex il-proposti li tajtuna mandat

b’saħħtu fuqhom, nimplimentawhom u ntejbu l-wellbeing tiegħek u tal-għeżież tiegħek.Se nkomplu nwettqu l-bidliet u l-investiment meħtieġ ħalli din il-magna ekonomika tibqa’ tevolvi u tkompli tkun

l-aqwa waħda fl-Ewropa.

Hekk biss inkunu nistgħu nwettqu l-programm ta’ investiment soċjali qawwi li ħaqqu l-poplu tagħna.

Int min int u rrispettivament f’liema fażi tal-ħajja tinsab, irridu nagħtuk l-aqwa ħajja possibbli.

Irridu nagħtuk aktar ħin għalik u għall-familja tiegħek.

Flimkien ħlomna affarijiet kbar bħala pajjiż magħqud u meta konna hekk, dejjem wasalna.

Issa rridu nitilgħu għal-livell li jmiss.

Tellaqna pjan ħolistiku għal pajjiżna, il-Viżjoni Malta 2050.

Pjan b’diversi pilastri u li fih jinkludi programmi kbar:

• Ir-riġenerazzjoni tal-Port il-Kbir.

• Il-pjan Malta in Motion.

• L-istrateġija għas-settur tal-enerġija.

• L-investment qawwi fis-sistema tas-saħħa pubblika.

• U Għawdex gżira ta’ villaġġi.

Dan kollu kien inkluż fil-manifest elettorali.

Programm ambizzjuż, li t-tim tiegħi u jien se nkunu kapaċi nwettqu flimkien, biex ilkoll niktbu l-kapitlu li jmiss

ta’ Malta li tant inħobbu.

U se nibqgħu pajjiż ta’ suċċess jekk nibqgħu magħqudin u jekk nibqgħu nemmnu f’Malta.

Jien nemmen fikom għax intom Malta.

Il-ħolma tagħkom hija l-proġett tagħna.

PR260944

Fl-ewwel kwart tas-sena l-ekonomija ta’ pajjiżna kibret bi 3.9%. Din hija rata akbar minn dik imbassra minn istituzzjonijiet bħall-Bank Ċentrali u l-Fond Monetarju Internazzjonali, kif ukoll mir-rata ta’ tkabbir osservata fil-bqija taż-żona ewro, li hija madwar ħames darbiet anqas. L-ekonomija Maltija kibret b’sitt darbiet ir-rata fl-Italja u bi tlettax-il darba r-rata ta’ espansjoni tal-Ġermanja.

L-ixprun tat-tkabbir ekonomiku matul l-ewwel tliet xhur kompliet tkun id-domanda domestika. Fil-fatt kważi nofs tat-tkabbir kien dovut għal konsum akbar mill-familji. Dan kien jirrifletti l-fatt li kien irreġistrat l-ogħla ammont ta’ dħul għall-ħaddiema qatt osservat fl-istorja. Dan hekk kif id-dħul tal-ħaddiema laħaq il-figura rekord ta’ €2.8 biljun. Dan kien aktar minn 9% akbar mill-ammont ta’ dħul osservat is-sena li għaddiet, bi kwart taż-żieda tkun frott il-ftehim kollettiv ġdid tal-ħaddiema tas-servizz pubbliku. Barra mit-titjib fil-konsum, d-domanda domestika tjiebet ukoll grazzi għall-investiment akbar kif ukoll żieda fl-ispiża tal-Gvern.

Anke il-bilanċ tal-pagamenti nternazzjonali ta’ pajjiżna tjieb matul is-sena li għaddiet. Dan hekk kif kien hemm żieda fl-esportazzjoni ta’ kważi €288 miljun. Dan seħħ minkejja s-sitwazzjoni internazzjonali ta’ sfida, bi tnaqqis fir-ritmu ekonomiku globali u t-tariffi imposti mill-Gvern Amerikan. Imma b’kuntrast għal negozji f’pajjiżi madwarna, kumpaniji Maltin qed jibqgħu kompetittivi għax ma tgħabbewx bi prezzijiet għolja tal-enerġija, filwaqt li l-Gvern Malti mhux jimponi taxxi ġodda bħalma qed jagħmlu Gvernijiet oħra.

Kważi kwart tat-tkabbir ekonomiku li seħħ kien dovut għas-settur diġitali, mentri kien hemm titjib ukoll fl-attività tas-servizzi professjonali u amministrattivi, flimkien mas-servizzi finanzjarji. Dan filwaqt li kien hemm kontribut qawwi ħafna mis-settur tal-lukandi u ristoranti, frott it-tisħiħ tat-turiżmu, kif ukoll fis-settur tal-ħwienet, fejn id-domanda domestika baqgħet qawwija mhux bħalma qed jiġri f’pajjiżi madwarna fejn il-familji qed jintlaqtu ħażin ħafna minn politika ta’ awsterità, b’żieda fit-taxxi u tnaqqis fl-ispiża soċjali.