Month: December 2025

PR252208

Il-Prim Ministru Robert Abela u martu Dr Lydia Abela se jkunu qed jilqgħu lill-pubbliku fil-Berġa ta’ Kastilja nhar is-Sibt, 20 ta’ Diċembru bejn l-4:00pm u l-5:30pm, għall-awguri tal-festi tal-Milied u tas-Sena l-Ġdida.

Kull min jixtieq jiltaqa’ mal-Prim Ministru u ma’ Dr Lydia Abela fl-20 ta’ Diċembru huwa mitlub jirreġistra d-dettalji tiegħu fuq 22002400/1.

Waqt li jkun fil-Berġa ta’ Kastilja, il-pubbliku se jkun jista’ jara s-swali tal-Kabinett u tal-Ambaxxaturi kif ukoll jiffirma l-ktieb tal-viżitaturi.

PR252151

Waqt l-inawgurazzjoni tad-dgħajsa ġdida tal-flotta tal-Koperattiva tal-Piloti Marittimi, il-Prim Ministru Robert Abela nnota b’sodisfazzjon kif din id-dgħajsa tal-pilotaġġ marittimu hija turija ċara tal-fiduċja li l-industrija tpoġġi fil-ħila tal-ħaddiema tas-sengħa li għamlu din id-dgħajsa hawnhekk ġewwa pajjiżna stess, kif ukoll fil-ħila u l-kapaċità ta’ dawk kollha involuti li qed jagħmlu xogħol siewi immens favur settur marittimu Malti b’saħħtu.

Il-piloti marittimi f’Malta ilhom jiggwidaw vapuri fil-portijiet tagħna għal ġenerazzjonijiet sħaħ. Il-pilotaġġ marittimu huwa dak li jżomm il-portijiet tagħna għaddejjin b’mod sigur u bla xkiel, sostnut minn livell ta’ professjonaliżmu u kompetenza liema bħalha. L-ebda bastiment ’il fuq minn 500 tunnellata ma jidħol jew jitlaq minn Malta mingħajr il-gwida ta’ pilota marittimu.

Il-Piloti marittimi li jagħmlu parti mill-Koperattiva tal-Piloti Marittimi Maltin huma mħarrġa skont l-ogħla standards internazzjonali u kapaċi jimmaniġġjaw l-akbar bastimenti li joperaw fil-flotta globali tal-lum, minn bastimenti tal-kontejners sa cruise liners li jġorru eluf ta’ passiġġieri. Ħafna mill-importazzjoni u l-esportazzjoni li jsostnu lill-poplu tagħna u lil tant industriji, jiddependu fuq dan is-servizz. Is-sena l-oħra biss ingħataw madwar 8,000 servizz ta’ pilotaġġ fil-portijiet tagħna.

“Dan il-livell għoli ta’ kompetenza jsaħħaħ il-pożizzjoni ta’ Malta kemm f’dak li għandu x’jaqsam mal-loġistika kif ukoll bħala destinazzjoni turistika ta’ prestiġju fil-Mediterran. Għalhekk il-kompetenza u l-kapaċità tal-piloti marittimi Maltin tissarraf f’kompetittività favur l-ekonomija ta’ pajjiżna,” saħaq il-Prim Ministru Robert Abela.

Dr Abela nnota kif is-settur marittimu Malti għandu potenzjal li jkompli jikber u jissaħħaħ. “Dan frott investiment kontinwu li komplejna nagħmlu fosthom anki fl-użu ta’ enerġija nadifa fl-industrija marittima li trid tkompli tagħmel il-passi li jmiss, dik tas-sostenibbiltà,” żied jgħid il-Prim Ministru.

Il-Prim Ministru semma fost l-oħrajn il-proġett tax-shore-to-ship li qed jaħdem fil-Port il-Kbir u bħalissa għaddejja ħidma biex titlesta sistema oħra fil-Port il-Ħieles. Is-sistema li qed titħaddem fil-Port il-Kbir, sostna l-Prim Ministru, mistennija twassal għal tnaqqis fl-emissjonijiet fl-arja sa 90% fiż-żona sal-2030. Dan ifisser impatt dirett pożittiv fuq 17,000 resident.

Il-Prim Ministru Robert Abela għamel ukoll referenza għall-Viżjoni Malta 2050, viżjoni li tidentifika s-settur marittimu bħala wieħed mill-għaxar oqsma ta’ prijorità li għandhom il-kapaċità li jsawru żvilupp sostenibbli fit-tul. “Din il-viżjoni nazzjonali tagħmilha ċara li dan is-settur mhux biss huwa pilastru ekonomiku, imma aktar importanti minn hekk, settur li għandu l-potenzjal li jixpruna s-sostenibbiltà, l-innovazzjoni u l-kompetittività,” saħaq Dr Abela.

Il-Ministru għat-Trasport, l-Infrastruttura u x-Xogħlijiet Pubbliċi Chris Bonett, qal li din id-dgħajsa tirrappreżenta pass ieħor ’il quddiem fl-affidabbiltà tal-portijiet tagħna. Huwa żied jgħid li dan l-investiment ta’ kważi miljun ewro mhux biss itejjeb is-sigurtà u jnaqqas ir-riskji tal-operat, iżda jfakkarna wkoll fil-valur tal-ħaddiema tagħna, il-piloti u l-ekwipaġġ li ta’ kuljum iżommu l-ekonomija tagħna miexja bla waqfien.

PR252149

Waqt li żar id-Dipartiment tal-Informazzjoni fil-Belt Valletta fl-okkażjoni tas-sebgħin anniversarju mit-twaqqif tal-istess Dipartiment, il-Prim Ministru Robert Abela flimkien mas-Segretarju Permanenti Ewlieni Tony Sultana ppresjedew għall-ftehim settorjali ffirmat bejn is-Servizz Pubbliku u l-General Workers’ Union. Bis-saħħa ta’ dan il-ftehim se jgawdu mat-30 ħaddiem tad-DOI u bih se jitjiebu b’mod qawwi s-salarji u l-kundizzjonijiet tax-xogħol ta’ dawn il-ħaddiema fid-DOI fosthom fotografi u uffiċjali għall-informazzjoni.

Il-Prim Ministru Robert Abela nnota kif dan il-ftehim huwa parti minn sensiela ta’ ftehimiet oħra li bihom il-Gvern kompla jsaħħaħ il-kundizzjonijiet u l-pagi tal-ħaddiema fis-Servizz Pubbliku. Qal li frott ekonomija b’saħħitha, il-Gvern huwa f’qagħda li jkompli jinvesti bis-saħħa fil-ħaddiema tiegħu apparti li daħħal miżura wara oħra tat-tnaqqis fil-ħlas tat-taxxa għall-ħaddiema u l-familji.

Bis-saħħa ta’ dan il-ftehim, l-impjegati se jkunu qegħdin jibbenefikaw minn titjib fl-iskali, allowances li huma direttament relatati mal-ħidma tagħhom u allowances li jingħataw skont il-prestazzjoni tal-impjegat. Il-ftehim qiegħed jirrikonoxxi l-ħidma siewja li ssir mill-ħaddiema li jipprovdu lill-pubbliku informazzjoni aġġornata, komprensiva u ta’ siewi dwar il-politika, is-servizzi u l-attivitajiet tal-Gvern kif ukoll dwar affarijiet ta’ interess pubbliku. 

Intant fiż-żjara li saret, il-Prim Ministru Robert Abela ra l-ħidma li ssir mid-Dipartiment tal-Informazzjoni li jaqa’ taħt id-dekasteru tal-Uffiċċju tal-Prim Ministru. Id-Dipartiment għandu arkivji ta’ madwar 2.2 miljun ritratt li jinsab fi proċess li jiġu diġitalizzati. Fl-arkivji tad-DOI hemm ukoll mal-2,000 filmat ta’ bejn is-sittinijiet u t-tmeninijiet li qed jiġu diġitalizzati.

Fl-okkażjoni tas-sebgħin anniversarju, id-Dipartiment ħa ħsieb li jsir ktieb b’sebgħin ritratt minn fotografi tad-DOI u li kopja ta’ din il-pubblikazzjoni ġiet ippreżentata lill-Prim Ministru Robert Abela. Il-ftehim settorjali ġie ffirmat mill-Kap tat-Taqsima għar-Relazzjonijiet Industrijali fi ħdan l-Uffiċċju tas-Segretarju Permanenti (People & Standards) Thomas Woods, mid-Direttur tad-Dipartiment tal-Informazzjoni Roderick Caruana u mis-Segretarju tat-Taqsima tal-GWU Gvern u Entitajiet Pubbliċi Kendrick Bondin. Preżenti kien hemm ukoll is-Segretarju Ġenerali tal-GWU Josef Bugeja.