PR252151
01/12/2025
Waqt l-inawgurazzjoni tad-dgħajsa ġdida tal-flotta tal-Koperattiva tal-Piloti Marittimi, il-Prim Ministru Robert Abela nnota b’sodisfazzjon kif din id-dgħajsa tal-pilotaġġ marittimu hija turija ċara tal-fiduċja li l-industrija tpoġġi fil-ħila tal-ħaddiema tas-sengħa li għamlu din id-dgħajsa hawnhekk ġewwa pajjiżna stess, kif ukoll fil-ħila u l-kapaċità ta’ dawk kollha involuti li qed jagħmlu xogħol siewi immens favur settur marittimu Malti b’saħħtu.
Il-piloti marittimi f’Malta ilhom jiggwidaw vapuri fil-portijiet tagħna għal ġenerazzjonijiet sħaħ. Il-pilotaġġ marittimu huwa dak li jżomm il-portijiet tagħna għaddejjin b’mod sigur u bla xkiel, sostnut minn livell ta’ professjonaliżmu u kompetenza liema bħalha. L-ebda bastiment ’il fuq minn 500 tunnellata ma jidħol jew jitlaq minn Malta mingħajr il-gwida ta’ pilota marittimu.
Il-Piloti marittimi li jagħmlu parti mill-Koperattiva tal-Piloti Marittimi Maltin huma mħarrġa skont l-ogħla standards internazzjonali u kapaċi jimmaniġġjaw l-akbar bastimenti li joperaw fil-flotta globali tal-lum, minn bastimenti tal-kontejners sa cruise liners li jġorru eluf ta’ passiġġieri. Ħafna mill-importazzjoni u l-esportazzjoni li jsostnu lill-poplu tagħna u lil tant industriji, jiddependu fuq dan is-servizz. Is-sena l-oħra biss ingħataw madwar 8,000 servizz ta’ pilotaġġ fil-portijiet tagħna.
“Dan il-livell għoli ta’ kompetenza jsaħħaħ il-pożizzjoni ta’ Malta kemm f’dak li għandu x’jaqsam mal-loġistika kif ukoll bħala destinazzjoni turistika ta’ prestiġju fil-Mediterran. Għalhekk il-kompetenza u l-kapaċità tal-piloti marittimi Maltin tissarraf f’kompetittività favur l-ekonomija ta’ pajjiżna,” saħaq il-Prim Ministru Robert Abela.
Dr Abela nnota kif is-settur marittimu Malti għandu potenzjal li jkompli jikber u jissaħħaħ. “Dan frott investiment kontinwu li komplejna nagħmlu fosthom anki fl-użu ta’ enerġija nadifa fl-industrija marittima li trid tkompli tagħmel il-passi li jmiss, dik tas-sostenibbiltà,” żied jgħid il-Prim Ministru.
Il-Prim Ministru semma fost l-oħrajn il-proġett tax-shore-to-ship li qed jaħdem fil-Port il-Kbir u bħalissa għaddejja ħidma biex titlesta sistema oħra fil-Port il-Ħieles. Is-sistema li qed titħaddem fil-Port il-Kbir, sostna l-Prim Ministru, mistennija twassal għal tnaqqis fl-emissjonijiet fl-arja sa 90% fiż-żona sal-2030. Dan ifisser impatt dirett pożittiv fuq 17,000 resident.
Il-Prim Ministru Robert Abela għamel ukoll referenza għall-Viżjoni Malta 2050, viżjoni li tidentifika s-settur marittimu bħala wieħed mill-għaxar oqsma ta’ prijorità li għandhom il-kapaċità li jsawru żvilupp sostenibbli fit-tul. “Din il-viżjoni nazzjonali tagħmilha ċara li dan is-settur mhux biss huwa pilastru ekonomiku, imma aktar importanti minn hekk, settur li għandu l-potenzjal li jixpruna s-sostenibbiltà, l-innovazzjoni u l-kompetittività,” saħaq Dr Abela.
Il-Ministru għat-Trasport, l-Infrastruttura u x-Xogħlijiet Pubbliċi Chris Bonett, qal li din id-dgħajsa tirrappreżenta pass ieħor ’il quddiem fl-affidabbiltà tal-portijiet tagħna. Huwa żied jgħid li dan l-investiment ta’ kważi miljun ewro mhux biss itejjeb is-sigurtà u jnaqqas ir-riskji tal-operat, iżda jfakkarna wkoll fil-valur tal-ħaddiema tagħna, il-piloti u l-ekwipaġġ li ta’ kuljum iżommu l-ekonomija tagħna miexja bla waqfien.







