Month: February 2025

PR250271

Il-parteċipazzjoni taż-żgħażagħ fost il-prijoritajiet ta’ Malta matul il-Presidenza tal-Kunsill tal-Ewropa

F’laqgħa fil-Berġa ta’ Kastilja mas-Segretarju Ġenerali tal-Kunsill tal-Ewropa Alain Berset, il-Prim Ministru Robert Abela tkellem dwar il-prijoritajiet ta’ Malta meta se tkun qed tassumi l-Presidenza tal-Kunsill f’Mejju li ġej, għal sitt xhur. Hawn issemmew it-temi li se tiffoka fuqhom Malta fosthom il-parteċipazzjoni taż-żgħażagħ fil-ħajja demokratika, il-protezzjoni tad-drittijiet tat-tfal, il-promozzjoni tal-ugwaljanza u l-ħidma kontra d-diskriminazzjoni u l-vjolenza, kif ukoll il-ħarsien tal-Konvenzjoni Ewropea dwar id-drittijiet tal-bniedem.

Il-prim ministru aċċenna għall-importanza tal-Kunsill tal-Ewropa u l-valuri kruċjali li tħares. Wera s-sodisfazzjon li Malta li ser ikollha l-Presidenza fl-istess sena li qed tiċċelebra 60 sena mis-sħubija tagħha f’din l-organizzazzjoni Ewropea. Il-Prim Ministru Robert Abela qal li fi żmien fejn il-valuri demokratiċi jridu jkomplu jiġġeddu fost ġenerazzjonijiet ġodda, l-parteċipazzjoni taż-żgħażagħ tibqa’ element ċentrali. Tkellem ukoll dwar kif f’pajjiżna għandna l-Vot 16 u l-Youth Advisory Forum li fih il-prim ministru u l-eżekuttiv tal-pajjiż jiddiskutu politika u inizjattivi ma’ żgħażagħ magħżula wara sejħa pubblika, bis-sehem tal-Kunsill Nazzjonali taż-Żgħażagħ. 

Dwar it-tisħiħ tas-saltna tad-dritt, il-Prim Ministru Robert Abela nnota l-irwol tal-Kummissjoni Venezja fi ħdan il-Kunsill tal-Ewropa, filwaqt li qal li pajjiżna laqa’ rakkomandazzjonijiet importanti minn għand din il-Kummissjoni li bihom saħħaħ l-indipendenza tal-istituzzjonijiet f’pajjiżna. Il-prim ministru sostna li l-Gvern Malti kompla jimbotta riformi leġiżlattivi ambizzjużi li fihom ħadem id f’id mal-Kunsill tal-Ewropa. 

Dwar l-Ukrajna, il-Prim Ministru Robert Abela qal li bħalma għamlet fil-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Magħquda kif ukoll fil-Presidenza tagħha tal-OSCE, Malta ser tkompli tappoġġja lil dan il-pajjiż milqut mill-gwerra matul il-Presidenza tal-Kunsill tal-Ewropa, u tagħtih is-sostenn mistħoqq, inkluż billi tappoġġja l-isforzi differenti tal-Kunsill tal-Ewropa f’dan ir-rigward.

Jakkumpanjaw lill-Prim Ministru fil-laqgħa kien hemm id-Deputat Prim Ministru u Ministru għall-Affarijiet Barranin u t-Turiżmu Ian Borg, ir-Rappreżentant Permanenti ta’ Malta għall-Kunsill tal-Ewropa Francesca Camilleri, is-Segretarju Permanenti fi ħdan l-Uffiċċju tad-Deputat Prim Ministru u l-Ministeru għall-Affarijiet Barranin u t-Turiżmu Christopher Cutajar u l-Kap tas-Segretarjat tal-Uffiċċju tal-Prim Ministru Mark Mallia.


Fil-Berġa ta’ Kastilja, il-Prim Ministru Robert Abela laqa’ r-rappreżentanta ta’ Malta għall-Eurovision Song Contest li ġej, li se jsir f’Mejju f’Basel, l-Iżvizzera. Il-Prim Ministru Robert Abela feraħ lil Miriana Conte, li tkellmet dwar l-esperjenza tagħha fil-Malta Eurovision Song Contest.

Fil-preżenza wkoll tal-Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali Owen Bonnici, Conte spjegat kif qed tħares lejn il-parteċipazzjoni tagħha fil-Eurovision. Qalet li l-kanzunetta tagħha trid tibgħat messaġġ biex persuni differenti jkunu huma u mhux iħallu lil ħaddieħor imexxuhom. Il-Prim Ministru Robert Abela awgura kull suċċess lil Miriana Conte.

Flimkien ma’ Miriana Conte kien hemm iċ-Chairperson tal-Public Broadcasting Services Anna Bonett u l-Kap tad-Delegazzjoni Maltija fil-Eurovision Gordon Bonello.

PR250232

Il-Prim Ministru Robert Abela żar żewġ kumpaniji Għawdxin li gawdew minn fondi pubbliċi u Ewropej taħt skemi differenti fosthom dawk imħaddma mill-Malta Enterprise. Dan wassal biex dawn in-negozji setgħu jwettqu investimenti li jsaħħu l-operat tagħhom. Waħda mill-kumpaniji wkoll qed taħdem minn spazju allokat lilha minn INDIS.

L-ewwel żjara ħadet lill-Prim Ministru fil-kumpanija Merit Precision Tools Ltd u Merit Malta Ltd fiż-żona industrijali tax-Xewkija li tispjeċjalizza fil-manifattura ta’ għodda ta’ preċiżjoni fost oħrajn biex tesportahom f’aktar minn ħamsin pajjiż madwar id-dinja. Fil-fatt, din il-kumpanija bbenefikat minn finanzjament allokat minn fondi Ewropej sabiex setgħet tagħmel investiment f’Injection Moulding Machine biex iżżid l-operat u l-produttività tagħha fil-qasam.

Hawnhekk il-Prim Ministru ltaqa’ mat-tmexxija tal-kumpanija filwaqt li tkellem mal-ħaddiema preżenti hekk kif ġie spjegat li din il-kumpanija taħdem ukoll minn Malta biex b’hekk toffri impjiegi ta’ kwalità kemm għall-ħaddiema Maltin u kif ukoll Għawdxin.

It-tieni żjara rat lill-Prim Ministru Robert Abela jżur il-kumpanija Tabone Glass Ltd li hija wkoll bbażata fix-Xewkija. Kumpanija tal-familja li ġiet imwaqqfa 27 sena ilu u li matul iż-żmien kibret b’mod sostanzjali sabiex illum stabbilixxiet ruħha bħala waħda minn ta’ quddiem fl-industrija tal-manifattura tal-ħġieġ. Fil-fatt it-tkabbir li esperjenzat matul is-snin wasslet biex irrilokaw għal spazju ikbar fil-Park Industrijali tax-Xewkija favur operat aktar effiċjenti.

Apparti minn hekk din il-kumpanija implimentat żewġ proġetti kofinanzjati minn fondi Ewropej. Hawnhekk ingħatat għajnuna fejn aktar minn nofsha ġiet mill-akbar pakkett ta’ fondi Ewropej innegozjat mill-Prim Ministru stess lura fl-2020. Dawn il-proġetti inkludew Automatic Insulating Glass Production Line, carriage u loading equipment u Sealing Robot fost oħrajn.

Hekk kif kien akkumpanjat mill-Ministru għal Għawdex u l-Ippjanar Clint Camilleri, il-Prim Ministru sostna s-sodisfazzjon tiegħu favur l-investiment kontinwu li qed iwettqu dawn in-negozji sabiex ikomplu jimirħu fl-ekonomija diversifikata ta’ pajjiżna filwaqt li jipprovdu impjiegi ta’ kwalità.

Dr Abela rrimarka wkoll l-importanza tal-fondi Ewropej sabiex ikomplu jtejbu u jimbuttaw ’il quddiem il-qasam tax-xogħol f’pajjiżna. “Filwaqt li nirringrazzja lin-negozji li qed jimplimentaw proġetti b’għajnuna ta’ fondi Ewropej inkompli nħeġġeġ sabiex intrapriżi f’pajjiżna jippreżentaw il-proposti tagħhom ta’ proġetti ambizzjużi li permezz tagħhom jistgħu jkabbru n-negozji tagħhom, isaħħu l-ekonomija ta’ pajjiżna iżda fuq kollox jiffaċilitaw u jtejbu x-xogħol tal-ħaddiema Maltin u Għawdxin,” temm jgħid il-Prim Ministru.

PR250227

Waqt li kien qed iżur numru ta’ familji f’Għawdex, il-Prim Ministru Robert Abela inawgura proġett t’akkomodazzjoni soċjali fir-Rabat Għawdex u riġenerazzjoni taż-żona taċ-Ċawla. F’din iż-żona tlesta x-xogħol ta’ kostruzzjoni fuq blokka ta’ tmien appartamenti għall-akkomodazzjoni soċjali li se jkunu qed jipprovdu akkomodazzjoni għal tmien familji.

Dan il-proġett tlesta qabel iż-żmien imwiegħed u sar fuq medda ta’ art ta’ 3,750 metru kwadru bi 330 metru kwadru minnhom, jiġifieri 9% tal-ispazju eżistenti, ġie ddedikat għall-akkomodazzjoni soċjali. Fil-kumplament tal-ispazju, jiġifieri dak ta’ tliet tomniet, ġie riġenerat bi playing field, outdoor gym, żona rikreattiva b’water features kif ukoll landscaping estensiv. Dan il-proġett assigura wkoll li l-ebda siġra ma’ tiġi mitlufa, anzi, aktar siġar indiġeni ġew tħawlu f’din iż-żona biex ingħatat dehra isbaħ f’ambjent aktar rilassanti.

Waqt li kien qed jitkellem ma’ numru ta’ familji li jgħixu fl-akkwati u li bbenefikaw minn dawn iż-żoni rikreattivi, il-Prim Ministru Robert Abela akkumpanjat mill-Ministri Clint Camilleri u Roderick Galdes sostna li l-Gvern għal darb’oħra qed iżomm il-wegħda tiegħu mal-familji Maltin u Għawdxin fejn qed ikompli jwassal proġetti ta’ fejda li jelevaw ukoll il-kwalità tal-ħajja.

Dr Abela rrimarka wkoll kif il-Gvern jinsab impenjat li jkompli jwassal proġetti ta’ dawn it-tip li jikkumplimentaw oħrajn li tlestew fl-aħħar xhur biex b’hekk aktar familji fil-bżonn ikunu allokati akkomodazzjoni soċjali tal-aqwa kwalità.

“Is-sena li għaddiet 514-il familja ġew allokati post ta’ akkomodazzjoni soċjali grazzi għat-twettiq ta’ proġetti t’akkomodazzjoni bħal dawk fl-Imsida, il-Qrendi, Ħaż-Żebbuġ, is-Siġġiewi, Bormla, Ħal Kirkop u Ħal Luqa. B’dan il-proġett u oħrajn li se nkunu qed ninawguraw fix-xhur li ġejjin se nkomplu nipprovdu saqaf denju fuq ras min għandu bżonn sabiex nibqgħu nżommu kelmtna bħala Gvern b’ruħ soċjali li jindirizza l-ħtiġijiet tan-nies,” sostna l-Prim Ministru Robert Abela.

Il-Prim Ministru temm jgħid li t-tlestija ta’ dan il-proġett jikkumplimenta wkoll il-miżuri soċjali tal-Budget għal din is-sena li bdew jidħlu fis-seħħ fosthom l-investiment soċjali b’żieda oħra fil-pensjonijiet u fiċ-Children’s Allowance filwaqt li l-ħaddiema qed igawdu mill-akbar tax-cut fl-istorja. B’dan it-tnaqqis fit-taxxa, fejn l-ewwel €1,000 fix-xahar huma ħielsa mit-taxxa, kważi mat-18,000 ruħ li jaħdmu mhux se jħallsu taxxa.

PR250200

F’konferenza tal-aħbarijiet indirizzata mill-Prim Ministru Robert Abela u mill-Ministru għall-Intern, is-Sigurtà u x-Xogħol Byron Camilleri tħabbar it-tiġdid tal-iskema Garanzija għaż-Żgħażagħ b’investiment ta’ aktar minn €10 miljun minn fondi pubbliċi u oħrajn mill-Fond Soċjali Ewropew. Finanzjament li huwa parti mill-akbar pakkett ta’ fondi Ewropej li kiseb pajjiżna fl-2020.

L-iskema Garanzija għaż-Żgħażagħ se jgawdu minnha żgħażagħ ta’ bejn il-15 u d-29 sena. Dan ifisser li ser jibbenefikaw aktar żgħażagħ hekk kif fl-iskema ta’ qabel gawdew minnha dawk li kellhom sa 24 sena. B’din l-iskema, żgħażagħ li jkollhom bżonn jiksbu ħiliet u kwalifiċi biex ikunu lesti għad-dinja tax-xogħol, igawdu permezz ta’ taħriġ li jingħata b’kollaborazzjoni bejn Jobsplus u istituzzjonijiet edukattivi, fost oħrajn. Fil-fatt, l-iskema preċedenti, li ħaddem il-Gvern, issarrfet minn 6,000 żagħżugħ fejn kważi 90% minnhom kisbu kwalifiċi u ħiliet jew daħlu fid-dinja tax-xogħol.

Fl-indirizz tiegħu, il-Prim Ministru Robert Abela nnota kif it-tiġdid tal-iskema Garanzija għaż-Żgħażagħ hi miżura oħra mwettqa mill-programm ta’ ħidma tal-Gvern. Qal li l-ħsieb ħolistiku tal-Gvern hu li ħadd ma jaqa’ lura fejn kulħadd jilħaq il-potenzjal tiegħu. Semma l-pjan tal-Gvern li jiftaħ l-Istitut għas-Snajja’ fi ħdan l-MCAST u l-fatt li pajjiżna kompla jagħmel passi sinifikanti fit-tnaqqis fir-rata ta’ persuni li jitilqu kmieni mis-sistema edukattiva. Spjega li l-investiment fl-edukazzjoni wkoll vokazzjonali hu pass importanti biex is-sistema edukattiva u dik ta’ taħriġ taqbad kull żagħżugħ u żagħżugħa li jirċievu t-taħriġ meħtieġ ħalli jkunu mħejjija aktar għad-dinja tax-xogħol tal-lum.

Dr Abela nnota li l-iskema Garanzija għaż-Żgħażagħ tmur id f’id mal-Malta Labour Migration Policy bil-prinċipju Maltin l-ewwel, fejn l-aqwa opportunitajiet ekonomiċi jibqgħu jeħduhom iż-żgħażagħ Maltin u Għawdxin. Huwa rringrazzja wkoll lil Jobsplus talli tmexxi din l-iskema li biha aktar żgħażagħ jiġu megħjuna biex jimxu ’l quddiem.

Min-naħa tiegħu, il-Ministru Byron Camilleri sostna li pajjiżna, meta mqabbel ma’ pajjiżi oħra Ewropej, għandu fost l-aħjar rata ta’ impjiegi u li dan huwa suċċess li l-Gvern hu kburi bih, iżda tenna li fl-istess ħin jifhem li hemm ċirkostanzi fejn persuna taf tkun teħtieġ iktar għajnuna. B’dan, fi kliem il-Ministru Camilleri, hu obbligu tal-Gvern, dejjem kien u jibqa’, li anke jekk ikun hemm biss persuna waħda jintervjeni biex jgħinha timxi ’l quddiem.

Bil-Garanzija għaż-Żgħażagħ, għandha proprju dan il-għan, li ebda żagħżugħ jew żagħżugħa m’għandha tkun barra l-edukazzjoni, ix-xogħol jew taħriġ. Il-Ministru Camilleri kkonkluda li hija wkoll inizjattiva li għandha valur fil-kuntest tal-Labour Migration Policy li qed ifassal pajjiżna li ser tippremja t-taħriġ. Għax fid-dinja tal-lum qatt ma taf biżżejjed u dejjem wieħed irid jinvesti fih innifsu. F’dan il-każ, l-investiment hu fiż-żgħażagħ Maltin biex igawdu mis-suċċess ta’ pajjiżhom.

Qabel il-konferenza tal-aħbarijiet, il-Prim Ministru Robert Abela, flimkien mal-Ministru Byron Camilleri u l-Kap Eżekuttiv ta’ Jobsplus Celia Falzon, iltaqa’ mal-ħaddiema ta’ Jobsplus u ra aktar mill-qrib il-ħidma li ssir ta’ kuljum.