PR250232
13/02/2025
Il-Prim Ministru Robert Abela żar żewġ kumpaniji Għawdxin li gawdew minn fondi pubbliċi u Ewropej taħt skemi differenti fosthom dawk imħaddma mill-Malta Enterprise. Dan wassal biex dawn in-negozji setgħu jwettqu investimenti li jsaħħu l-operat tagħhom. Waħda mill-kumpaniji wkoll qed taħdem minn spazju allokat lilha minn INDIS.
L-ewwel żjara ħadet lill-Prim Ministru fil-kumpanija Merit Precision Tools Ltd u Merit Malta Ltd fiż-żona industrijali tax-Xewkija li tispjeċjalizza fil-manifattura ta’ għodda ta’ preċiżjoni fost oħrajn biex tesportahom f’aktar minn ħamsin pajjiż madwar id-dinja. Fil-fatt, din il-kumpanija bbenefikat minn finanzjament allokat minn fondi Ewropej sabiex setgħet tagħmel investiment f’Injection Moulding Machine biex iżżid l-operat u l-produttività tagħha fil-qasam.
Hawnhekk il-Prim Ministru ltaqa’ mat-tmexxija tal-kumpanija filwaqt li tkellem mal-ħaddiema preżenti hekk kif ġie spjegat li din il-kumpanija taħdem ukoll minn Malta biex b’hekk toffri impjiegi ta’ kwalità kemm għall-ħaddiema Maltin u kif ukoll Għawdxin.
It-tieni żjara rat lill-Prim Ministru Robert Abela jżur il-kumpanija Tabone Glass Ltd li hija wkoll bbażata fix-Xewkija. Kumpanija tal-familja li ġiet imwaqqfa 27 sena ilu u li matul iż-żmien kibret b’mod sostanzjali sabiex illum stabbilixxiet ruħha bħala waħda minn ta’ quddiem fl-industrija tal-manifattura tal-ħġieġ. Fil-fatt it-tkabbir li esperjenzat matul is-snin wasslet biex irrilokaw għal spazju ikbar fil-Park Industrijali tax-Xewkija favur operat aktar effiċjenti.
Apparti minn hekk din il-kumpanija implimentat żewġ proġetti kofinanzjati minn fondi Ewropej. Hawnhekk ingħatat għajnuna fejn aktar minn nofsha ġiet mill-akbar pakkett ta’ fondi Ewropej innegozjat mill-Prim Ministru stess lura fl-2020. Dawn il-proġetti inkludew Automatic Insulating Glass Production Line, carriage u loading equipment u Sealing Robot fost oħrajn.
Hekk kif kien akkumpanjat mill-Ministru għal Għawdex u l-Ippjanar Clint Camilleri, il-Prim Ministru sostna s-sodisfazzjon tiegħu favur l-investiment kontinwu li qed iwettqu dawn in-negozji sabiex ikomplu jimirħu fl-ekonomija diversifikata ta’ pajjiżna filwaqt li jipprovdu impjiegi ta’ kwalità.
Dr Abela rrimarka wkoll l-importanza tal-fondi Ewropej sabiex ikomplu jtejbu u jimbuttaw ’il quddiem il-qasam tax-xogħol f’pajjiżna. “Filwaqt li nirringrazzja lin-negozji li qed jimplimentaw proġetti b’għajnuna ta’ fondi Ewropej inkompli nħeġġeġ sabiex intrapriżi f’pajjiżna jippreżentaw il-proposti tagħhom ta’ proġetti ambizzjużi li permezz tagħhom jistgħu jkabbru n-negozji tagħhom, isaħħu l-ekonomija ta’ pajjiżna iżda fuq kollox jiffaċilitaw u jtejbu x-xogħol tal-ħaddiema Maltin u Għawdxin,” temm jgħid il-Prim Ministru.