Month: January 2025

PR250045

L-Uffiċċju tas-Segretarju Permanenti Ewlieni fuq l-impenn politiku li għamel il-Prim Ministru Robert Abela, wettaq bidla oħra fejn reġa’ aġġorna l-kriterji li jirregolaw il-ħatriet fost oħrajn tal-Policy Consultants bħala persuni ta’ fiduċja, dan b’mod li ġew iċċarati punti fis-sezzjoni 7 tal-Manual for Resourcing Policies & Procedures.

Dan l-impenn politiku huwa konformi ma’ dak li rrakkomanda l-Kummissarju għall-Istandards fil-Ħajja Pubblika fejn issa l-kriterji huma aktar rigorużi fuq dak li diġà kien hemm f’bidliet li saru fl-aħħar snin. Fost il-bidliet hemm dawk fejn tidħol pereżempju l-expertise allowance u anki l-iskali li fihom ikunu ingaġġati l-konsulenti.

Il-Gvern se jibqa’ jħares li jtejjeb l-istandards fl-operat tiegħu f’ġieħ it-trasparenza u l-kontabbiltà.

Dan anki quddiem riformi kbar li twettqu favur il-governanza li ġew imfaħħra minn istituzzjonijiet internazzjonali magħrufa li ma jħarsu lejn wiċċ ħadd.

PR250032

Fi żjara li għamel fil-gżira Għawdxija, il-Prim Ministru Robert Abela żar żewġ postijiet ta’ negozju li komplew jimirħu wara appoġġ li rċevew. Jakkumpanjaw lill-Prim Ministru fi żjara f’David’s Bakery f’Kerċerm u fir-razzett tal-baqar ta’ Krispinu (Krispinu Farm) f’Ta’ Sannat kien hemm il-Ministru għal Għawdex u l-Ippjanar Clint Camilleri u l-Ministru għall-Agrikoltura, is-Sajd u d-Drittijiet tal-Annimali Anton Refalo.

F’David’s Bakery, il-Prim Ministru Robert Abela nnota r-reżiljenza ta’ negozju tal-familja li llum iħaddem 85 ruħ full-time. Ġie spjegat li din il-kumpanija Għawdxija toffri prodotti lokali u kibret fl-industrija marbuta mal-produzzjoni tal-ħobż.

Intqal kif il-kumpanija dejjem qed tkun aktar dinamika u toffri fis-suq prodotti differenti għall-konsumaturi. Il-Ministru Clint Camilleri fisser l-eżempju ta’ din il-kumpanija bħala wieħed eċċellenti li jiddeskrivi l-bżulija tan-negozju Għawdxi li jegħleb sfidi oħra, fosthom l-insularità.

Fiż-żjara fir-Razzett Ta’ Krispinu, ġie spjegat lill-Prim Ministru li dan ir-razzett qed jilqa’ fiha taħriġ fil-qasam tar-raħħala lil bosta żgħażagħ li jistgħu jkomplu jaħdmu fis-settur tant importanti għas-soċjetà. Ġie nnutat li dan ir-razzett gawda minn fondi pubbliċi u Ewropej taħt skemi favur l-innovazzjoni fl-operat ta’ dan ir-razzett.

L-operaturi ta’ Krispinu Farm spjegaw ukoll kif waqt pandemija rċevew l-appoġġ meħtieġ biex ġie sostnut l-operat tal-produzzjoni minkejja sfidi mhux żgħar. Il-Ministru Anton Refalo sostna li l-għajnuna finanzjarja li ngħataw il-bdiewa u r-raħħala f’dawn l-aħħar snin irriżultat f’iżjed ħidma u suċċess għalihom stess, filwaqt li komplejna niżguraw l-aqwa produzzjoni ta’ prodotti lokali għall-konsumatur Malti u Għawdxi.

PR250031

Waqt ċelebrazzjoni li fakkret l-25 anniversarju mit-twaqqif tal-Kamra tal-Kummerċ Għawdxija, il-Prim Ministru Robert Abela sostna li llum ma nitkellmux iżjed fuq Għawdex ma jaqax lura iżda fuq Għawdex bħala eżempju li fih inżewġu t-tkabbir ekonomiku mal-ġid komuni. Spjega kif dan jiġi wkoll bil-ħarsien tal-identità Għawdxija li tiġbor fiha mhux biss il-kultura Għawdxija iżda anki il-wirt rurali u urban ta’ Għawdex.

Il-Prim Ministru Robert Abela fisser lill-Kamra tal-Kummerċ Għawdxija bħala sieħeb strateġiku u vuċi importanti għall-Gvern dwar Għawdex. Semma l-kwistjoni tal-insularità doppja u l-aċċessibiltà li titkellem ħafna fuqha l-Kamra tal-Kummerċ Għawdxija u semma kif il-Gvern jibqa’ determinat li jindirizza dan. Hawn semma mhux biss it-tieni fibre optic cable li tlesta iżda issa l-permessi meħtieġa li nġabu biex jibda x-xogħol fuq l-airfield. Dr Abela spjega li ladarba dan il-proġett jitlesta mhux biss se joħloq konnessjoni bejn iż-żewġ gżejjer iżda jġib niċċa ekonomika li toffri attivitajiet ta’ valur għoli f’Għawdex.

Il-Prim Ministru nnota kif illum il-ġurnata l-Għawdxin jistgħu jagħżlu li jaħdmu f’Għawdex. Hekk ukoll rajna li fl-aħħar snin in-negozji Għawdxin iħossuhom kunfidenti biżżejjed sabiex jinvestu f’Għawdex. Dan fi sfond li fl-2023, l-ekonomija ras għal ras f’Għawdex kibret b’aktar minn darba u nofs ta’ kemm kibret bejn l-2008 u l-2013. Innota li llum f’Għawdex jaħdmu mas-settur privat id-doppju ta’ dawk li kienu jaħdmu għaxar snin ilu.

Dr Abela rrimarka għall-investiment b’saħħtu li qed isir f’Għawdex fosthom dak infrastrutturali permezz tal-iskola primarja fir-Rabat u tan-Nadur filwaqt li hemm ix-xogħol miexi ġmielu fuq iċ-ċentru akwatiku u sportiv. Fl-indirizz tiegħu li fih awgura aktar suċċessi lill-Kamra tal-Kummerċ Għawdxija, il-Prim Ministru nnota kif il-Gvern ħares aktar lejn il-futur bl-Awtorità għall-Iżvilupp reġjonali ta’ Għawdex, il-GRDA. “Għall-ewwel darba l-Għawdxin għandhom vuċi u kontroll fuq deċiżjonijiet li qabel kienu jittieħdu banda oħra u imposti fuqhom,” qal il-Prim Ministru Robert Abela. Fisser l-istrateġija ta’ Għawdex bħala gżira ta’ villaġġi bħala waħda importanti u qal li bl-isforzi ta’ kulħadd, fosthom il-komunità tan-negozju nistgħu nsaħħu l-identità Għawdxija flimkien mat-tkabbir ekonomiku u l-ġid komuni. Hawn qal li l-Kamra tal-Kummerċ Għawdxija tul dawn l-aħħar 25 sena kienet attur favur bidla pożittiva.

Il-Prim Ministru tkellem ukoll dwar il-Malta Labour Migration Policy li ppreżenta l-Gvern din il-ġimgħa. “L-Għawdxin l-ewwel, l-aqwa opportunitajiet għalihom,” fisser Dr Abela li hu u jsemmi bidliet oħra importanti, tenna x-xewqa tal-Gvern li jara li Għawdex isir l-ewwel parti ta’ Malta bħala carbon neutral.

PR250030

• Apparat mediku ġdid u proġett fuq art riġenerata joffri sistema sostenibbli ta’ trasport

Il-ħidma tal-Gvern se tkompli tkun iffukata wkoll fuq il-kwalità tal-ħajja tal-Għawdxin b’mod partikolari biex tiġi faċilitata ħajjet iċ-ċittadini permezz ta’ aktar investiment. Il-Prim Ministru fisser dan f’żewġ żjarat li għamel, waħda fl-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex fejn inawgura apparat mediku ġdid u fiż-żjara l-oħra fil-proġett tal-Multi-Modal Hub f’Ta’ Xħajma, fil-limiti tax-Xewkija.

Fl-Isptar Ġenerali t’Għawdex, il-Prim Ministru Robert Abela nnota l-investiment li sar fi state-of-the-art CT Scanner li huwa biss it-12-il apparat innovattiv li jinsab fl-Ewropa. Apparat li juża wkoll l-intelliġenza artifiċjali u jżid l-preċiżjoni fid-dijanjosi. Dan l-apparat jingħaqad ma’ apparat mediku ieħor fil-qasam tar-radjografija fosthom MRI u ultrasound ġdid.

Ġie spjegat ukoll kif fix-xhur li ġejjin se jkunu introdotti servizzi oħra fil-qasam tar-radjografija biex tissaħħaħ il-kura tas-saħħa f’Għawdex. Il-Ministru għas-Saħħa u l-Anzjanità Attiva Jo Etienne Abela spjega kif biż-żieda tas-CT scanner ġdid, l-Isptar Ġenerali t’Għawdex issa għandu kullana ta’ tagħmir modern li joffri servizz t’eċċellenza.

Il-Prim Ministru żar ukoll il-proġett ta’ sistema ta’ Park & Ride f’Ta’ Xħajma fejn qed jingħata servizz importanti lill-Għawdxin li jaqsmu l-fliegu u jħallu l-vettura tagħhom f’dan il-post qabel jitwasslu b’mod effikaċi lejn il-port tal-Imġarr. Is-sit ġie riġenerat minn art li kienet tintuża għar-rimi illegali ta’ skart għal faċilità tat-trasport b’mod sostenibbli li fih għanijiet ambjentali u jgħin fl-amministrar aħjar tat-traffiku.

Il-proġett ta’ 24,000 metru kwadru jiflaħ għall-parkeġġ ta’ 300 vettura u fih hemm ukoll charging points għall-vetturi elettriċi. Il-Ministru għal Għawdex u l-Ippjanar Clint Camilleri spjega kif il-proġett b’terminal modern u faċilitajiet oħra huwa moqdi wkoll b’servizz ta’ sitt karozzi tal-linja elettriċi li jwasslu lin-nies b’sistema ta’ Park & Ride.

PR250018

Il-Gvern se jibdel il-mod kif jiġu l-ħaddiema minn pajjiżi terzi f’pajjiżna

Kburi bl-iżvilupp ekonomiku li għamel pajjiżna fl-aħħar snin, is-suċċess fis-suq tax-xogħol, u konxju tal-isfidi li għandu pajjiżna llum il-Gvern qed jembarka fuq riforma ambizzjuża. Hija riforma maħsuba biex toħloq il-bilanċ meħtieġ fis-suq tax-xogħol.

Il-Gvern jemmen li ċ-ċittadini Maltin u Għawdxin għandhom ikollhom is-servizzi li jeħtieġu u li jixtiequ, fl-istess ħin irid jassigura li l-kontrolli ta’ min jidħol jaħdem f’pajjiżna mhux biss ikunu f’idejn l-awtoritajiet Maltin, iżda jiġu mħaddma fl-interess tas-soċjetà Maltija fejn jirbaħ dejjem l-interess tal-ħafna u mhux tal-ftit.

Ir-riforma proposta għall-konsultazzjoni pubblika tħabbret mill-Prim Ministru Robert Abela u mill-Ministru għall-Intern, is-Sigurtà u x-Xogħol Byron Camilleri f’konferenza tal-aħbarijiet li fiha spjegaw l-erba’ prinċipji importanti tar-riforma proposta.

Il-prinċipji huma; l-istabbiltà, id-drittijiet tal-ħaddiema, il-fatt li jiġu biss ħaddiema fejn hemm bżonn u l-emfasi fuq it-taħriġ. 

• Stabbiltà: Din ir-riforma għandha l-għan li tippromwovi l-istabbiltà fis-suq tax-xogħol. Għalhekk tikkastiga l-attitudni ta’ min jemmen li jista’ jġib ħaddiema barranin kemm jiflaħ mingħajr ma jinvesti l-ewwel f’inizjattivi li jżidu l-produzzjoni u jinċentivaw l-investiment fil-ħiliet. Fuq kollox hija riforma li temmen f’min juri l-impenn li jifhem u jħaddan il-ħajja Maltija u għalhekk qed ikunu proposti sistemi li jwasslu biex min iħaddem ikun jaqbillu jżomm f’Malta ħaddiema li diġà għandu.

• Drittijiet tal-ħaddiema: Bil-ħarsien tad-drittijiet tal-ħaddiema jgawdi kulħadd. Għalhekk qed tkun proposta riforma fejn jissaħħu d-drittijiet tal-ħaddiema, jiġu kkastigati dawk li jikkuntentaw biss bil-minimu għax jemmnu li minflok dak li għandu jista’ jaqbad u jġib ħaddiem iġib ieħor. Din hi attitudni li tista’ tolqot b’mod negattiv lill-ħaddiem Malti. Fl-aħħar snin, il-ħaddiem Malti mexa ’l quddiem u pprogressa. Bl-enfasi fuq id-drittijiet, ir-riforma trid tara li mhux biss kulħadd ikollu d-dinjità tiegħu, iżda nassiguraw li ma jkunx hawn kompetizzjoni inġusta fis-suq tax-xogħol.

• Kontrolli biex jiġu fejn hemm bżonn biss: Se nassiguraw li l-ħaddiema minn pajjiżi terzi jiġu biss f’setturi fejn il-pajjiż għandu bżonn. Fil-fatt, ir-riforma tagħmel numru ta’ eċċezzjonijiet f’setturi kruċjali bħas-saħħa, tad-diżabbiltà u l-kura tal-anzjani. Iżda, hemm oqsma oħra fejn id-deċiżjonijiet iridu jittieħdu kontinwament billi tkun analizzata s-sitwazzjoni b’mod kontinwu. 

• Investiment fil-ħiliet: Biex is-suq tax-xogħol jaħdem b’mod effiċjenti u ġust irridu nenfasizzaw il-ħiliet. Hekk il-pajjiż ikun iktar produttiv, il-ħaddiema jkunu ta’ iktar kwalità u konsegwenza ta’ hekk tinħoloq iktar stabbiltà għax min iħaddem jibża’ iktar għall-investiment li jkun hemm fit-taħriġ fejn jenfasizza iktar il-kwalità u mhux in-numri. Għalhekk, hawn ukoll ir-riforma tinċentiva u tippremja lil min jagħżel din it-triq, filwaqt li l-introduzzjoni tal-iskills card fis-settur tat-turiżmu se tkun estiża għal setturi oħra.

Għanijiet li biex jintlaħqu hemm 32 rakkomandazzjoni ppubblikati f’dokument għall-konsultazzjoni pubblika.

Il-Prim Ministru Robert Abela sostna li l-politika li qed iressaq il-Gvern hi waħda kruċjali għal-livell li jmiss li jrid jilħaq pajjiżna. “Il-Gvern qed jaħdem fuq il-Viżjoni Malta 2050 u din il-politika hija waħda mill-pedamenti essenzjali”, irrimarka l-Prim Ministru, li fisser kif politika pro-market li hu favuriha l-Gvern tfisser politika ekonomika tajba kemm għan-negozji iżda anki għall-familji. “F’pajjiżna jidħlu biss dawk il-ħaddiema li pajjiżna jeħtieġ u dan il-bżonn jiddeterminawh l-awtoritajiet fuq bażi ta’ kriterji ekonomiċi u soċjali wiesgħa”, qal Dr Abela.

Il-Prim Ministru qal li ’l bogħod mill-populiżmu, dan il-gvern se jġib bidla importanti oħra bi stabbiltà u appoġġ anki lil min iħaddem b’mod serju. “Aħna lin-negozji rriduhom jikbru, b’ħiliet aħjar biex b’hekk inkomplu naħdmu lejn pajjiż ta’ kwalità”, spjega l-Prim Ministru Robert Abela.

Dr Abela qal ukoll, “L-opportunitajiet ekonomiċi, l-ewwel għandhom igawdu minnhom il-Maltin u l-Għawdxin u finalment jekk xorta jkun hemm ħtieġa ta’ ħaddiema barranin f’setturi differenti, irridu nkunu ċerti li dawn mhux se jiġu sfruttati.” Żied jgħid li din il-politika hi intiża biex l-awtoritajiet ikollhom il-kontroll ċar fuq dħul ta’ ħaddiema minn barra l-Unjoni Ewropea. Spjega kif il-pajjiż se jkollu għajnejh miftuħa kontra l-abbużi u dan favur anki l-interess tal-poplu Malti.

Min-naħa tiegħu, il-Ministru Byron Camilleri tenna li dak li hu meħtieġ għal pajjiżna qed inressquh ’il quddiem. Spjega li l-pajjiż tkellem ħafna dwar il-bidla f’dan is-settur u li issa l-mument li nwettquha. Emfasizza li din hi riforma ħolistika, riforma kuraġġuża, fejn diversi miżuri jikkumplimentaw lil xulxin, u li finalment se jwasslu biex il-Gvern jikseb ir-riżultati mixtieqa. “Li jiġu biss ħaddiema fejn meħtieġ u ta’ kwalità u li min ma jirrispettax id-drittijiet tal-ħaddiem, ikun ikkastigat. Irridu stabbiltà fis-suq tax-xogħol.”

Spjega li l-Gvern jifhem li hemm oqsma li jeħtieġu ħaddiema minn pajjiżi terzi, anke għax dan hu pajjiż li l-popolazzjoni tiegħu qed tixjieħ, u b’rata ta’ fertilità baxxa. “Però nafu wkoll li ma jagħmel ebda sens li jkollna min iħaddem b’mudell li jġib ħaddiema minn pajjiżi terzi mingħajr ma jiffoka fuq il-ħiliet u kif wara li jkunu ġew f’pajjiżna jkunu megħjuna biex jifhmu l-ħajja f’Malta. Min jiġi hawn irid jadatta u mhux bil-kontra, għax meta jiġri bil-kontra, is-soċjetà Maltija terfa’ piż li nemmnu li m’għandhiex terfa’. Għalhekk se nippremjaw lil min iżomm il-workforce li għandu u mhux min il-ħin kollu jneħħi l-ħaddiema biex iġib oħrajn ġodda. Min-naħa l-oħra min ineħħi n-nies bl-addoċċ biex il-ħin kollu jġib oħrajn irid iħallas prezz, inkluż billi jkollu permessi għall-ħaddiema ġodda mwaqqfa.”

Il-Ministru Camilleri tkellem ukoll dwar kif din il-policy tħares id-drittijiet tal-ħaddiema. “Li nassiguraw li l-ħaddiema jkollhom id-drittijiet imħarsa mhux burokrazija żejda, iżda huwa dak li nemmnu u dak li rridu. Għalhekk se nsaħħu l-infurzar, u ndaħħlu miżuri li jagħmluha faċli għall-awtoritajiet Maltin jassiguraw li d-drittijiet qed ikunu mħarsa.”

Ikkonkluda li rridu mbagħad, niffokaw iktar fuq il-ħiliet. “Anke fejn hu meħtieġ li jkollna ħaddiema minn pajjiżi terzi, irridu nassiguraw il-kwalità. Għalhekk, ser ninċentivaw lil min jinvesti fil-ħiliet tal-ħaddiema tiegħu. Irridu ndaħħlu wkoll kunċetti ta’ korsijiet ta’ integrazzjoni sa min qabel wieħed jiġi Malta. U dan bħala ftit eżempji.”

Il-proċess ta’ konsultazzjoni dwar din il-politika għandu jkun proċess trasparenti, fejn iċ-ċittadini għandhom kull ċans jgħidu tagħhom. Minn hawn jibda proċess ta’ diskussjoni.  Id-dokument ippubblikat jagħmel analiżi tal-qagħda ekonomika b’saħħitha li għandu pajjiżna għax huwa fuq dan li jista’ jibni din ir-riforma importanti. Dan f’riforma li hi miftuħa għall-konsultazzjoni pubblika sad-9 ta’ Frar 2025 u l-pubbliku hu mħeġġeġ jgħid tiegħu fuq publicconsultation.gov.mt.