Month: October 2024

PR241701

L-immigrazzjoni ma nistgħux nibqgħu nħarsu lejha b’soluzzjonijiet tradizzjonali għaliex nafu li ma ħadmux, għalhekk l-importanza ta’ soluzzjonijiet innovattivi.” Dan kien il-messaġġ ewlieni tal-Prim Ministru Robert Abela waqt summit tal-Kunsill Ewropew fi Brussell u li matulu ddominaw diskussjonijiet dwar l-immigrazzjoni irregolari. Fil-fatt, it-tema ddominat mal-jum kollu hekk kif anke l-Italja sejħet laqgħa bejn numru ta’ stati Ewropej inkluż Malta, f’dan rigward.

Mal-midja hekk kif intemmu d-diskussjonijiet il-Prim Ministru sostna kif matulhom huwa wassal il-pożizzjoni konsistenti ta’ pajjiżna dwar din ir-realtà, jiġifieri dik tal-prevenzjoni tal-immigrazzjoni irregolari, il-ġlieda kontra t-traffikar uman u aktar effiċjenza fil-politika Ewropea li tiffoka fuq ir-ritorni. Kien hawn li l-Prim Ministru semma wkoll kif soluzzjonijiet innovattivi huma kruċjali fosthom il-kunċett ta’ return hub mechanism, li pproponiet Malta ftit xhur ilu. Il-Prim Ministru sostna wkoll l-importanza li l-immigrazzjoni irregolari ma tiġix trattata b’mod iżolat. “Li ninvestu f’affarijiet bħall-edukazzjoni u t-tkabbir ekonomiku f’dawn il-pajjiżi żgur jgħin fl-istabbiltà tar-reġjuni. Dan iwassal għal aktar prosperità u alternattivi fl-aħħar mill-aħħar għal dawk li jkunu qed jittantaw jieħdu r-riskju li jagħmlu vjaġġ perikoluż immens fuq il-baħar lejn ħajja aħjar.” 

Intant tul l-istess summit, il-mexxejja Ewropej trattaw numru ta’ temi oħra li kienu fuq l-aġenda fosthom is-sitwazzjoni fil-Lvant Nofsani, l-aggressjoni Russa fl-Ukrajna, il-kompetittività, u l-aħħar żviluppi fis-Sudan u l-Venezwela.

Dwar is-sitwazzjoni fil-Lvant Nofsani, fejn kien hemm anke qbil fil-konklużjonijiet tas-summit f’dan ir-rigward, il-Prim Ministru sostna l-importanza tas-soluzzjoni bejn żewġ stati filwaqt li rrimarka l-Unjoni Ewropea trid tkun strateġika fuq l-involviment tal-Iran. Tenna li filwaqt li l-mexxejja huma kommessi sabiex iwasslu għal stabbiltà u paċi fir-reġjun, li jagħmlu dan huwa fl-interess tagħhom ukoll. 

Hekk kif għal dan is-summit tal-Kunsill Ewropew attenda wkoll il-President Ukren Volodymyr Zelenskyy, il-Kunsill ddiskuta bi prominenza l-aggressjoni Russa fl-Ukrajna. Hawn Dr Abela wassal il-pożizzjoni ta’ pajjiżna favur sostenn lill-Ukrajna madankollu fil-limiti tal-Kostituzzjoni Maltija. “Qbilna wkoll ma’ dak li sostnew pajjiżi oħrajn jiġifieri li jkun hemm ħidma ta’ outreach madwar id-dinja li jippromwovu paċi dejjiema għall-Ukrajna. F’dan ir-rigward il-pożizzjoni tagħna hija li nimbuttaw dan l-impenn anke bħala membru fil-Kunsill tas-Sigurtà tal-UN u anke biċ-Chairpersonship tal-OSCE”, temm jgħid il-Prim Ministru.

PR241692

Waqt il-laqgħa tal-Kunsill Malti għall-Iżvilupp Ekonomiku u Soċjali (MCESD), il-Gvern ta’ Malta nieda proċess li se jiddefinixxi l-viżjoni ta’ pajjiżna għall-25 sena li ġejjin, Malta Vision 2050. Din il-viżjoni se tkun qed tfassal id-direzzjoni strateġika għal pajjiżna għad-deċennji li ġejjin, b’attenzjoni partikolari fuq il-kwalità tal-ħajja taċ-ċittadini kollha. Il-viżjoni se tinkludi miri speċifiċi li għandhom jintlaħqu sal-2035, biex b’hekk ikun hemm progress matul is-snin tal-viżjoni.

Dan il-proċess, li għadu kemm ġie approvat mill-Kabinett, se jkun qed jitħejja bl-għajnuna ta’ esperti rinomati madwar id-dinja f’dan il-qasam, b’esperjenza internazzjonali vasta fil-ħolqien ta’ viżjonijiet nazzjonali.

Il-Malta Vision 2050 se sservi bħala qafas għall-iżvilupp ekonomiku, soċjali u ambjentali ta’ pajjiżna, li jħares ’il quddiem bi prijoritajiet f’setturi bħall-innovazzjoni diġitali, l-infrastruttura, l-edukazzjoni, is-saħħa, is-sostenibbiltà u demografija tal-impjiegi – kollha b’għan wieħed li ntejbu l-kwalità tal-ħajja għall-ġenerazzjoni tal-lum u dawk futuri.

Fil-qalba ta’ Malta Vision 2050 hemm l-impenn li noħolqu soċjetà li tirrendi, sostenibbli u inklussiva, fejn kull ċittadin jista’ jgawdi kwalità tal-ħajja ogħla. Il-Prim Ministru ta’ Malta, Robert Abela, qal li, “Il-viżjoni tagħna għal Malta mhix biss fuq il-progress ekonomiku. Iżda hija dwar pajjiż ta’ prosperità, fejn il-ġid jinqasam bejn kulħadd, u fejn il-benesseri, il-ġustizzja u sostenibbiltà jkunu f’kull ħaġa li nagħmlu. Dan huwa l-bidu ta’ proċess kollaborattiv, li se jifforma lil Malta tal-futur għall-ġenerazzjonijiet li ġejjin.”

Filwaqt li jirrikonoxxi l-impatt wiesa’ li għandha din l-inizjattiva, il-Kabinett ta s-sorveljanza ta’ dan il-proġett lill-Ministru għall-Ekonomija, l-Intrapriża u Proġetti Strateġiċi Silvio Schembri f’isem l-Uffiċċju tal-Prim Ministru biex isegwu n-natura orizzontali tal-viżjoni li ddur fuq setturi varji fis-soċjetà u l-ekonomija.

Din l-inizjattiva ġejja mill-fatt li pajjiżna għandu jadatta ruħu għall-isfidi u l-opportunitajiet kumplessi tas-seklu 21. Filwaqt li pajjiżna esperjenza tkabbir ekonomiku u avvanzi soċjali mingħajr preċedenti matul l-aħħar għaxar snin, qed niffaċċjaw diversi sfidi; it-tibdil fil-klima, l-avvanz teknoloġiku, tibdil fid-demografija, żieda fil-popolazzjoni u d-dinamika tas-swieq globali. Dan kollu joħloq il-bżonn li naġġornaw strateġija fit-tul.

Malta Vision 2050 se tkun qed tindirizza dawn l-isfidi, bil-għan li toħloq nazzjon reżiljenti, kompetittiv u sostenibbli. Element ewlieni ta’ din il-viżjoni se jkun l-allinjament mal-miri tal-Unjoni Ewropea dwar newtralità fil-klima 2050, objettiv ċentrali tal-European Green Deal. Il-viżjoni ta’ Malta mhux biss tħares dawn il-miri, iżda wkoll se toħloq numru ta’ miri konkreti li għandna nilħqu sal-2035. B’hekk ikollna pjan realistiku għas-suċċess li se jiżgura progress lejn futur sostenibbli.

Din il-viżjoni nazzjonali mhux se tkun qed tbiddel strateġiji ta’ setturi speċifiċi jew dawk ministerjali, iżda se tkun qed issaħħaħhom u tibni fuqhom. B’hekk ikollna qafas nazzjonali magħqud, li jintegra l-isforzi individwali f’roadmap waħda nazzjonali komprensiva.

Biex nassiguraw governanza robusta, il-Gvern waqqaf Steering Committee interministerjali mmexxi b’mod konġunt mill-Ministru Silvio Schembri u l-Kap tas-Segretarjat fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru Dr Mark Mallia. Il-kumitat se jissorvelja, l-iżvilupp ta’ din il-viżjoni, u jassigura proċess inklussiv, li jħares ’il quddiem u li jkun allinjat mal-interessi nazzjonali u internazzjonali.

Il-Gvern għandu l-għan li jtemm il-proċess ta’ definizzjoni ta’ Malta Vision 2050 sal-ewwel kwart tas-sena d-dieħla, ix-xogħol fuq dan il-proġett sinifikanti diġà beda.

PR241688

“Is-saħħa tal-kollaborazzjoni bejnietna tinsab fil-perspettivi differenti li nħaddnu.” Dan kien il-messaġġ ewlieni tal-Prim Ministru Robert Abela hekk kif attenda għall-ewwel summit bejn l-Unjoni Ewropea u l-Kunsill ta’ Kooperazzjoni tal-Golf fi Brussell. Summit li l-għan tiegħu hu li tiżviluppa sħubija aktar mill-qrib mal-istati membri li jiffurmaw dan il-kunsill. Dawn jinkludu l-Emirati Għarab Magħquda, il-Bahrain, l-Arabja Sawdija, l-Oman, il-Qatar u l-Kuwajt.

Fl-indirizz tiegħu, il-Prim Ministru Robert Abela ffoka fuq l-isfidi li jikkonċernaw liż-żewġ reġjuni fosthom l-aggressjoni Russa fl-Ukrajna u s-sitwazzjoni fil-Lvant Nofsani. Fil-fatt, filwaqt li rrimarka s-sodisfazzjon tiegħu dwar il-ħidma favur medjazzjoni u soluzzjonijiet diplomatiċi mir-reġjun tal-Golf, fil-Lvant Nofsani, il-Prim Ministru sostna mill-ġdid l-importanza ta’ qbil favur il-waqfien immedjat mill-ġlied u l-aċċess għal għajnuniet umanitarji għal dawk fil-bżonn f’Gaża. Tenna wkoll li l-ostaġġi għandhom jiġu meħlusa filwaqt li r-realtajiet ta’ Iżrael għandhom jiġu indirizzati. Dan apparti l-importanza li jkun hemm ħidma mal-awtoritajiet Palestinjani sabiex isiru r-riformi neċessarji. “Dawn huma essenzjali jekk irridu nagħmlu progress irriversibbli lejn soluzzjoni ta’ żewġ stati u nipprevjenu aktar eskalazzjoni fir-reġjun”, qal il-prim ministru.

Dr Abela indirizza wkoll l-involviment tal-Iran mhux biss f’dan ir-reġjun iżda anke fir-reġjun Ewropew, partikolarment bil-koperazzjoni tagħha mar-Russja. Hawn sostna, “Irridu naħdmu sabiex flimkien nikkonvinċu lill-Iran, li ma jistax jiġi ttollerat li taġevola l-kunflitt fl-Ukrajna.” Hekk kif aċċenna għas-sitwazzjoni fl-Ukrajna, il-prim ministru tenna li l-irwol tal-komunità internazzjonali huwa kruċjali sabiex tirbaħ il-paċi dejjiema. Dan filwaqt li l-prinċipji komuni tas-sovranità u l-integrità territorjali fost oħrajn, għandhom jiġu protetti issa aktar minn qatt qabel.

Intant, Dr Abela aċċenna wkoll għall-potenzjal tal-isħubija bejn ir-reġjun Ewropew u dak tal-Golf hekk kif spjega li opportunitajiet bħal dawk fis-settur tal-enerġija rinnovabbli u t-trasport marittimu jistgħu jsaħħu r-relazzjonijiet kummerċjali bejn dawn iż-żewġ reġjuni. Il-prim ministru għalaq l-indirizz tiegħu billi nnota li l-abbiltà taż-żewġ reġjuni li jaħdmu flimkien, jaqsmu l-għarfien tagħhom u jibnu rabtiet b’saħħithom se tiddetermina jekk dawn l-isfidi jiġux indirizzati b’suċċess. “Id-dinja tħares lejn reġjuni bħal tagħna sabiex imexxu bl-eżempju u jien kunfidenti li permezz tad-djalogu u l-koperazzjoni, nistgħu nikkontribwixxu b’mod pożittiv sabiex nfasslu l-futur tar-relazzjonijiet internazzjonali,” temm jgħid il-prim ministru.

PR241651

F’Paphos f’Ċipru fejn il-Prim Ministru Robert Abela kien qed jipparteċipa f’Summit tal-MED9 għall-Mexxejja ta’ Stati Membri fil-Mediterran flimkien mal-President tal-Kummissjoni Ewropea u r-Re tal-Ġordan, huwa saħaq li quddiem sfidi ġeopolitiċi fir-reġjun tal-Mediterran neħtieġu ferm iżjed mis-serħan fuq l-istatus quo. F’konferenza tal-aħbarijiet wara diskussjonijiet fosthom ma’ Mexxejja Ewropej, il-Prim Ministru rrimarka għal dak li qed iseħħ fil-Mediterran bit-tensjonijiet fil-Lvant Nofsani u l-importanza tas-sigurtà u l-paċi.

Il-Prim Ministru Malti tenna s-sejħa ta’ pajjiżna għall-waqfien immedjat mill-ġlied fil-Libanu u f’Gaża. Huwa sostna li Malta taqbel li l-Unjoni Ewropea tappoġġa bi sħiħ lill-Ġordan, hekk kif dan il-pajjiż qed joffri kenn lil numru ta’ refuġjati li telqu mill-pajjiżi li fihom għaddej il-ġlied. Fisser lill-Ġordan bħala sieħeb strateġiku li hu importanti f’dan ir-reġjun biex tinġieb l-istabbiltà tant meħtieġa.

Il-Prim Ministru tkellem ukoll dwar temi differenti oħra fosthom il-prijoritajiet tal-Mediterran u l-immigrazzjoni. “Illum iltqajna lkoll flimkien bħala Stati Membri Ewropej fil-Mediterran biex naħdmu fuq l-isfidi komuni tagħna. Il-bżonnijiet tal-istati tal-Mediterran huma distinti u differenti minn stati membri oħra u b’Kummissarju Ewropew ġdid għall-Mediterran, il-perspettiva Mediterranja se tinstema’ aktar minn qatt qabel u se tkompli twassal għal deċiżjonijiet favur iċ-ċittadini tagħna”, fisser il-Prim Ministru fis-summit f’Ċipru.

Dwar l-immigrazzjoni, il-pajjiżi tal-MED9 qablu li l-Unjoni Ewropea għandha tkompli tgħin lill-pajjiżi fl-Afrika ta’ Fuq biex jieħdu l-passi neċessarji biex tiġi indirizzata din l-isfida. Hawnhekk il-Prim Ministru enfasizza li l-Libja għandha tkun parti integrali f’dan kollu. Qal li l-Libja hi sieħeb ewlieni biex tiġi indirizzata l-isfida tal-immigrazzjoni u saħaq li Malta se tkompli tappoġġa lill-Kummissjoni Ewropea sabiex tissaħħaħ il-koperazzjoni mal-Libja.

Il-Prim Ministru żied jgħid li l-vuċi Mediterranja trid tinstema’ aktar meta nitkellmu dwar l-immigrazzjoni u dan ir-reġjun irid jibqa’ jiġi appoġġat. “Ma jista’ jkun hemm l-ebda soluzzjoni għall-isfida tal-immigrazzjoni fl-Ewropa mingħajr soluzzjoni għall-Mediterran”, aċċenna b’mod b’saħħtu l-Prim Ministru flimkien ma’ mexxejja Ewropej oħra u tal-Mediterran.

Fuq it-tema tal-kompetittività, Dr Abela kompla jimbotta l-pożizzjoni ta’ pajjiżna tal-bżonn ta’ suq waħdieni ekwu għal kulħadd, inklużi dawk l-istati fil-periferija tal-Unjoni Ewropea bħal Malta. Saħaq li l-konnettività tibqa’ għodda importanti f’dan kollu u kif bħala reġjun irridu nibqgħu ninvestu fl-infrastruttura diġitali għaliex ma nistgħux nibqgħu f’sitwazzjoni fejn iċ-ċittadini tagħna fil-Mediterran ikunu żvantaġġati minn ċittadini oħra ġejjin minn Stati Membri oħra fosthom fuq kisba ta’ servizzi.

Waqt is-Summit tal-MED9, il-Prim Ministru Robert Abela kien akkumpanjat mid-Deputat tal-Gvern Carmelo Abela u mill-Kummissarju Għoli ta’ Malta għal Ċipru, Joseph Cuschieri.

Il-Prim Ministru Robert Abela kellu laqgħa bilaterali mar-Re tal-Ġordan Abdullah II fil-marġini tas-Summit tal-MED9 f’Ċipru. Fil-laqgħa ġew diskussi diversi temi fosthom il-paċi u s-sigurtà fil-Lvant Nofsani. 

Il-Prim Ministru saħaq li Malta għandha relazzjoni b’saħħitha mal-Ġordan u tenna li pajjiżna huwa grat għall-irwol li l-Ġordan qed jieħu biex jiffaċilita t-taħditiet għad-deskalazzjoni tat-tensjonijiet fil-Lvant Nofsani. Huwa tenna s-sejħa ta’ Malta għall-waqfien immedjat mill-ġlied fil-Libanu u f’Gaża.

Dr Abela qal li Malta taqbel li l-Unjoni Ewropea tappoġġja bi sħiħ lill-Ġordan, hekk kif dan il-pajjiż qed joffri kenn lil numru ta’ refuġjati li telqu mill-pajjiżi li fihom għaddej il-ġlied. Huwa temm jgħid li jħares ’il quddiem għal aktar kollaborazzjoni mal-Ġordan fuq temi reġjonali.

Jakkumpanja lill-Prim Ministru Abela għat-taħditiet bilaterali kien hemm id-Deputat tal-Gvern Carmelo Abela.