Month: October 2023

PR231677

F’messaġġ li għadda l-Prim Ministru Robert Abela ħabbar li se tiżdied il-paga minima nazzjonali. “Ħtarna l-‘Low Wage Commission’ li ġabet flimkien l-imsieħba soċjali flimkien ma’ rappreżentanti tal-Gvern biex tipproponi kif iż-żieda għandha tingħata u bħala Gvern se nieħdu dawn ir-rakkomandazzjonijiet u nimplimentawhom,” sostna l-Prim Ministru hu u jispjega kif huwa sodisfatt li ġie ssiġillat ftehim biex tiżdied il-paga minima kull sena għall-erba’ snin li ġejjin apparti ż-żidiet ta’ kull sena li jingħataw bil-COLA.

Il-Prim Ministru Abela saħaq li l-pajjiż jeħtieġ jibqa’ miexi ’l quddiem ekonomikament u l-Gvern se jibqa’ jgħin lill-industrija u lin-negozji iżda daqstant ieħor se jibqa’ jinvesti fil-ħaddiema. Il-Prim Ministru fisser il-pass ta’ wegħda elettorali oħra mwettqa li żżid il-pagi u d-dħul tal-ħaddiema u qal li fil-Budget li l-Gvern se jippreżenta nhar it-Tnejn li ġej, se jibqa’ jieħu iktar inizjattivi ta’ investiment fin-nies.

PR231672

Malta se jkollha Budget msejjes fuq ħames prinċipji li jkomplu jsostnu anki l-investiment kapitali li fl-aħħar Budget laħħaq il-biljun ewro. F’indirizz li għamel il-Prim Ministru Robert Abela fil-konferenza organizzata minn Ernst & Young, li ġġib flimkien fost oħrajn numru ta’ kapijiet eżekuttivi ta’ kumpaniji u investituri barranin f’pajjiżna, spjega l-viżjoni ekonomika tal-Gvern għas-snin li ġejjin.

Il-Prim Ministru Abela spjega li l-Budget 2024 se jkun mibni fuq l-impenn li jibqa’ jappoġġja u jipproteġi lin-nies u lin-negozji bi stabbiltà fil-prezzijiet tal-enerġija f’kuntest fejn l-kundizzjonijiet internazzjonali għadhom jippossjedu sfida. Dan flimkien ma’ miżuri soċjali li jibqgħu jgħinu lil min jiflaħ l-inqas. “Il-qagħda fiskali ta’ pajjiżna se nibqgħu nieħdu ħsiebha bi tnaqqis fid-defiċit u kontroll tad-dejn imqabbel mal-Prodott Domestiku Gross”, irrimarka l-Prim Ministru hu u jitkellem fuq ir-raba’ għan, dak ta’ tisħiħ fl-investiment kemm fil-ħiliet u favur il-ħolqien ta’ karrieri ta’ kwalità flimkien ma’ tkabbir sostenibbli tal-ekonomija. Il-Prim Ministru qal li dan kollu jorbot mal-impenn ta’ gvern li jrid jibqa’ jtejjeb il-kwalità tal-ħajja ta’ kull ċittadin.

Waqt li tkellem dwar viżjoni ekonomika ta’ fejn irridu nieħu lill-pajjiż għas-snin li ġejjin, il-Prim Ministru semma l-qalbiet ambjentali u diġitali f’ekonomija b’operat carbon neutral. Il-Prim Ministru qal li jħares ‘il quddiem lejn proġetti kbar ta’ enerġija nadifa fosthom fiż-Żona Ekonomika Esklussiva ta’ Malta. “Proġetti multimiljunarji bħal dak tal-Waste-to-energy, li se jara l-iskart isir riżorsa u faċilitajiet edukattivi ġodda huma parti mill-investimenti li qed naraw f’ekonomija li hi vibranti u kapaċi tadatta għall-prijoritajiet il-ġodda li għandu l-pajjiż”, innota l-Prim Ministru Robert Abela.

Il-Prim Ministru qal li pajjiżna qed iħares li jieħu triq ekonomika li biha jiġbed lejh investiment ibbażat fuq ir-riċerka u l-innovazzjoni. “Dawn huma investiment b’valur miżjud fl-ekonomija tagħna li joħolqu impjiegi ta’ kwalità u bi dħul aħjar”, sostna l-Prim Ministru hu u jinnota punti saljenti li ħarġu mill-istħarriġ li sar minn Ernst & Young, fosthom li l-maġġoranza assoluta tal-intrapriżi jaraw il-futur tagħhom f’Malta filwaqt li bosta jaraw lil pajjiżna iżjed attraenti għall-investiment minn pajjiżi oħra Ewropej. Il-Prim Ministru qal ukoll li l-komunità kummerċjali tistenna lil pajjiżna jkompli jinvesti fl-infrastruttura filwaqt li rrimarka kif l-investitur f’Malta qed iħares li jkompli jinvesti fit-taħriġ u fil-ħiliet tal-ħaddiema, punt importanti u konformi mal-viżjoni tal-Gvern.

Il-Prim Ministru Abela nnota li l-istħarriġ tal-EY jikkonferma li s-sistema tat-tassazzjoni ta’ pajjiżna hi fattur b’saħħtu li jiġbed lill-investituri lejn Malta u ta s-serħan il-moħħ li f’dan ir-rigward Malta se jibqa’ jkollha ambjent attraenti jekk mhux iżjed. “Irridu nassiguraw li s-sistema tat-tassazzjoni tagħna tkun iżjed effettiva u tipprovdi inċentivi mmirati lejn iktar investiment”, saħaq il-Prim Ministru hu u jirrimarka li dawn l-inċentivi għandhom ikunu għal kulħadd. Dr Abela temm l-indirizz tiegħu jħares ‘il quddiem lejn futur li jkompli jġib bidliet li jlesti lil Malta għal għada u pajjiż li jibni fuq suċċessi li kiseb fl-aħħar snin minkejja sfidi bla preċedent.

PR231666

L-Oppożizzjoni qed tigdeb meta tgħid li tħallsu €400 miljun lil Steward Healthcare li tagħhom il-pajjiż ma ħa xejn. Meta Steward Malta kienet qed tmexxi l-isptarijiet, eluf ta’ pazjenti Maltin u Għawdxin ingħataw is-servizzi minn dawn l-isptarijiet u l-Gvern ħallas għalihom, bħalma għadu jħallas illum li ilu xhur li ħa l-kontroll tal-isptarijiet.

L-Oppożizzjoni qed tigdeb ukoll meta tgħid li l-Gvern mhu jagħmel xejn biex jekk tħallset xi ħaġa li l-pajjiż ma ħax lura, dak li ħallas għalih, jiġi rkuprat. Il-Gvern Malti diġà għamel il-każ tiegħu f’arbitraġġ internazzjonali fejn qed jagħmel talbiet fl-interess ta’ Malta.

Flok logħob politiku partiġġjan għall-gallarija, il-Gvern jispera li jsib l-appoġġ tal-Oppożizzjoni fil-kawża li qed jiġġieled f’isem il-poplu Malti.

PR231663

Ġimgħa qabel jiġi ppreżentat il-Budget 2024, il-Prim Ministru Robert Abela kompla jiltaqa’ ma’ msieħba ewlenin biex jiddiskuti l-proposti tagħhom għall-Budget tas-sena d-dieħla. It-Tnejn, mal-Assoċjazzjoni ta’ Min Iħaddem, l-MEA, ġie diskuss is-suq tax-xogħol.

Matul din il-laqgħa ta’ konsultazzjoni, il-Prim Ministru qal li l-investiment fil-ħiliet tal-ħaddiema se jwassal għat-tisħiħ tas-suq tax-xogħol f’pajjiżna. Dan hekk kif ittieħdu numru ta’ deċiżjonijiet biex aktar ħaddiema jkollhom aktar ħiliet. Il-Prim Ministru Robert Abela saħaq li kif tul dawn l-aħħar snin kellna politika tax-xogħol li tinċentiva lil kulħadd biex jaħdem, issa se nsaħħu l-emfasi fuq li ninċentivaw it-taħriġ. “Diġà bdejna nagħtu sinjali ċari. Ir-riforma fl-istipendji, iċ-ċentru tekniku tas-snajja’ fl-MCAST u l-introduzzjoni tal-iSkills Passport fil-qasam tal-ospitalità lkoll se jgħinu biex aktar ħaddiema jkollhom il-ħiliet”, qal il-Prim Ministru hu u jirrimarka li l-Gvern se jappoġġja wkoll lil min iħaddem f’inizjattivi parti mill-prijoritajiet il-ġodda tal-pajjiż, jiġifieri il-qalbiet diġitali u ambjentali.

Miżuri oħra li ħa l-Gvern u li se jkomplu jsaħħu s-suq tax-xogħol huma dwar ir-riforma għas-sewwieqa tal-Y-plates u r-regolarizzazzjoni tat-temping agencies. “Dawn huma regoli fl-interess ta’ pajjiżna u robusti kontra applikazzjonijiet ta’ ħaddiema barranin f’setturi li m’hemmx ħtieġa għalihom”, saħaq il-Prim Ministru.

Għal din il-laqgħa attendew ukoll il-Ministru għall-Finanzi u x-Xogħol Clyde Caruana, il-Ministru għall-Ambjent, l-Enerġija u l-Intrapriża Miriam Dalli, is-Segretarju Parlamentari għad-Djalogu Soċjali Andy Ellul u d-Deputat tal-Gvern Naomi Cachia.

PR231653

Il-Gvern Malti jirreferi għas-sentenza tal-Qorti tal-Appell wara appelli mressqa minn Steward Healthcare fil-kawża tal-konċessjoni dwar l-isptarijiet.

Il-Gvern ma qagħadx jistenna din is-sentenza biex jieħu lura l-kontroll u l-operat tal-isptarijiet hekk kif fil-21 ta’ ta’ Marzu informa lil Steward li kien qed jagħmel ‘controlled step-in’ u mill-4 ta’ April ħa f’idejh l-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex, l-Isptar Karin Grech, u l-Isptar San Luqa.

Il-Gvern kien għamilha ċara li l-controlled step-in u t-terminazzjoni  jsiru bil-kundizzjonijiet elenkati mill-Gvern, u l-Gvern issa għalhekk ilu għal diversi xhur li ħa kontroll ta’ dawn l-isptarijiet u beda jieħu u jimplimenta numru ta’ inizjattivi. 

Fl-aħħar xhur inbeda wkoll arbitraġġ internazzjonali quddiem l-International Chamber of Commerce u fl-14 ta’ April il-Gvern rebaħ l-ewwel stadju tal-proċeduri. F’kull proċedura l-Gvern se jibqa’ jħares l-interess nazzjonali minn kull aspett, inkluż dak finanzjarju.  

Il-Gvern jinnota li s-sentenza ta’ dalgħodu ngħatat biss ftit xhur wara li l-Gvern ressaq rikors quddiem il-Qorti biex l-appell jinstema’ b’urġenza fl-interess pubbliku u fl-interess nazzjonali. 

Fil-fatt, filwaqt li l-Gvern ta’ Malta m’appellax mis-sentenza ta’ nhar l-24 ta’ Frar 2023, mogħtija mill-Imħallef Francesco Depasquale fil-Prim’Awla tal-Qorti Ċivili, wieġeb għar-rikorsi tas-soċjetajiet Steward, fejn b’kollox tressqu għaxar atti ġudizzjarji kontra t-talbiet li kienet qed tagħmel Steward.

Hekk kif il-Gvern ma qagħadx jistenna din is-sentenza biex jieħu lura l-kontroll tal-isptarijiet, se jibqa’ jimplimenta viżjoni politika b’saħħitha fis-settur tas-saħħa li tiffoka dwar il-ħtiġijiet taċ-ċittadini Maltin u Għawdxin.