L-investiment fil-ħiliet tal-ħaddiema se jkompli jsaħħaħ is-suq tax-xogħol

PR231663

24/10/2023

Ġimgħa qabel jiġi ppreżentat il-Budget 2024, il-Prim Ministru Robert Abela kompla jiltaqa’ ma’ msieħba ewlenin biex jiddiskuti l-proposti tagħhom għall-Budget tas-sena d-dieħla. It-Tnejn, mal-Assoċjazzjoni ta’ Min Iħaddem, l-MEA, ġie diskuss is-suq tax-xogħol.

Matul din il-laqgħa ta’ konsultazzjoni, il-Prim Ministru qal li l-investiment fil-ħiliet tal-ħaddiema se jwassal għat-tisħiħ tas-suq tax-xogħol f’pajjiżna. Dan hekk kif ittieħdu numru ta’ deċiżjonijiet biex aktar ħaddiema jkollhom aktar ħiliet. Il-Prim Ministru Robert Abela saħaq li kif tul dawn l-aħħar snin kellna politika tax-xogħol li tinċentiva lil kulħadd biex jaħdem, issa se nsaħħu l-emfasi fuq li ninċentivaw it-taħriġ. “Diġà bdejna nagħtu sinjali ċari. Ir-riforma fl-istipendji, iċ-ċentru tekniku tas-snajja’ fl-MCAST u l-introduzzjoni tal-iSkills Passport fil-qasam tal-ospitalità lkoll se jgħinu biex aktar ħaddiema jkollhom il-ħiliet”, qal il-Prim Ministru hu u jirrimarka li l-Gvern se jappoġġja wkoll lil min iħaddem f’inizjattivi parti mill-prijoritajiet il-ġodda tal-pajjiż, jiġifieri il-qalbiet diġitali u ambjentali.

Miżuri oħra li ħa l-Gvern u li se jkomplu jsaħħu s-suq tax-xogħol huma dwar ir-riforma għas-sewwieqa tal-Y-plates u r-regolarizzazzjoni tat-temping agencies. “Dawn huma regoli fl-interess ta’ pajjiżna u robusti kontra applikazzjonijiet ta’ ħaddiema barranin f’setturi li m’hemmx ħtieġa għalihom”, saħaq il-Prim Ministru.

Għal din il-laqgħa attendew ukoll il-Ministru għall-Finanzi u x-Xogħol Clyde Caruana, il-Ministru għall-Ambjent, l-Enerġija u l-Intrapriża Miriam Dalli, is-Segretarju Parlamentari għad-Djalogu Soċjali Andy Ellul u d-Deputat tal-Gvern Naomi Cachia.

FacebookTwitter
Skip to content