Month: October 2023

PR231619

“Malta tibqa’ tikkundanna b’mod inekwivoku l-azzjonijiet tal-grupp terroristiku Hamas u filwaqt li tirrimarka fuq id-dritt li Iżrael jiddefendi ruħu skont il-parametri tal-liġi internazzjonali huwa importanti li l-grupp Hamas ma jitpoġġiex f’keffa waħda mal-Palestinjani f’Gaża.” Dan kien il-messaġġ ewlieni tal-Prim Ministru Robert Abela f’laqgħa straordinarja tal-Kunsill Ewropew li saret b’mod virtwali bejn il-mexxejja Ewropej biex tiddiskuti s-sitwazzjoni preżenti fil-Lvant Nofsani. “Il-messaġġ ta’ pajjiżna jibqa’ wieħed konsistenti li l-liġi internazzjonali tkun rispettata bejn dawk involuti u t-triq ġusta u komprensiva għall-paċi tibqa’ s-soluzzjoni ta’ żewġ stati”, saħaq il-Prim Ministru Abela meta indirizza l-Kunsill Ewropew mill-Berġa ta’ Kastilja.

Il-Prim Ministru Robert Abela qal li l-Unjoni Ewropea għandha tiffoka fuq ħames punti importanti b’mod immedjat biex tindirizza t-tensjonijiet fil-Lvant Nofsani. Qal li trid tibqa’ s-sejħa immedjata tal-ħelsien bla kundizzjoni ta’ ostaġġi maqbuda mill-Hamas f’Gaża. Dr Abela qal li rridu wkoll innaqqsu l-eskalazzjoni tal-kunflitt f’żoni oħra fir-reġjun tal-Lvant Nofsani. Dan għandu jsir b’mod koordinat ma’ pajjiżi sħab oħra fil-Lvant Nofsani.

Il-Prim Ministru Abela spjega li rridu nassiguraw li l-għajnuna umanitarja tasal lil min jeħtieġ. “Huwa kruċjali li organizzazzjonijiet li jridu jipprovdu għajnuna urġenti jkollhom ir-riżorsi anki finanzjarji biex jagħmlu dan”, saħaq il-Prim Ministru Malti. Qal li bħala Unjoni Ewropea rridu nintensifikaw l-isforzi tagħna fuq is-sigurtà interna fl-isfond tal-kunflitt fil-Lvant Nofsani. Il-Prim Ministru rrimarka wkoll dwar il-ħtieġa ta’ monitoraġġ kontinwu tas-sitwazzjoni anki minħabba li l-kunflitt jista’ jwassal għal sfida fl-immigrazzjoni. Hawn intlaqa’ l-fatt li l-Kummissjoni Ewropea lesta tappoġġja pajjiżi ġirien f’dan ir-rigward.

Il-Prim Ministru Robert Abela temm l-intervent tiegħu billi aċċenna li bħala Unjoni Ewropea rridu nibqgħu niddjalogaw mal-Gvern Iżraeljan u l-Awtorità Palestinjana.

PR231604

Meta żar il-fabbrika tal-General Soft Drinks, il-Prim Ministru ltaqa’ mal-ħaddiema fuq il-lant tax-xogħol u magħhom iddiskuta diversi temi, kif ukoll l-ideat u l-proposti tagħhom. Din id-diskussjoni ssoktat b’laqgħa estensiva mat-tmexxija tal-General Workers’ Union (GWU), li huma r-rappreżentanti tal-istess ħaddiema. 

Meta poġġa mal-ħaddiema l-Prim Ministru sema’ l-ħsibijiet tal-ħaddiema nfushom li fost oħrajn irrimarkaw fuq kemm it-taħriġ kontinwu jgħinhom fuq il-post tax-xogħol u jgħinhom iħarsu lejn karriera flok sempliċi impjieg. Is-suġġett tal-ħiliet kien anke diskuss fid-dawl tal-proposti għall-Budget 2024 imressqa mill-GWU fosthom dwar miżuri favur titjib fil-kwalità tal-prodott turistiku Malti u Għawdxi marbut mal-ħiliet tal-ħaddiema fl-ospitalità. Dwar din il-proposta, il-ġimgħa l-oħra l-Kabinett tal-Ministri ħa deċiżjoni importanti biex ħaddiema fit-turiżmu li jkunu tassew meħtieġa f’Malta għandhom l-ewwel jgħaddu minn kors speċifiku qabel jingħataw il-permess biex jaħdmu. 

Għal-laqgħa mal-GWU kien hemm preżenti wkoll fost oħrajn id-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa Chris Fearne, il-Ministru għall-Ekonomija, il-Fondi Ewropej u l-Artijiet Silvio Schembri u s-Segretarju Parlamentari għad-Djalogu Soċjali Andy Ellul. Hawn il-Prim Ministru Robert Abela tenna l-impenn tal-Gvern li l-Budget jibqa’ jwieżen u jappoġġja lill-ħaddiema u lill-familji tagħhom b’għaqal u tisħiħ ta’ ekonomija bbażata fuq il-kwalità. Il-Prim Ministru Abela semma l-impenn tal-Gvern li jibqa’ jsostni l-għajnuna biex tiġi mrażżna kemm jista’ jkun possibbli l-inflazzjoni. 

Hawn issemmiet l-għajnuna li se jibqa’ jagħti l-Gvern favur l-istabbiltà fil-prezzijiet tal-enerġija li tagħti serħan il-moħħ u ċertezza mhux biss lill-ħaddiema iżda anki lin-negozji, li jħaddmu lill-ħaddiema. Dan f’kuntest ta’ suq tax-xogħol b’saħħtu f’pajjiżna fejn ir-rata ta’ impjiegi hi kważi ħames darbiet iżjed mill-medja u l-inqas rata ta’ qgħad fiż-Żona Ewro. “Qed niltaqgħu f’ambitu ta’ tbassir mill-Fond Monetarju Internazzjonali (IMF) tal-ikbar tkabbir ekonomiku fl-Ewropa u tal-aħħar credit rating ta’ DBRS Morningstar li għal darb’oħra tat l-ogħla klassifikazzjoni lill-ekonomija Maltija,” saħaq il-Prim Ministru Robert Abela hu u jinnota li pajjiżna jrid jibqa’ jkollu ekonomija b’saħħitha biex ikompli bit-tranżizzjoni ta’ qalbiet importanti, jiġifieri ambjentali u diġitali flimkien mas-sostenn ta’ miżuri ta’ ġid komuni.

PR231599

“Pajjiżna għamel passi ’l quddiem fil-kura ta’ pazjenti b’mard tal-qalb iżda rridu nibqgħu nappoġġjaw u ninvestu mhux biss fl-infrastruttura medika iżda anki fit-taħriġ kontinwu tal-professjonisti fil-qasam tas-saħħa biex nieħdu ħsieb pazjenti li jeħtieġu intervjenti mid-Dipartiment tal-Kardjoloġija.” Dan kien sentiment importanti li għadda l-Prim Ministru Robert Abela meta indirizza konferenza organizzata mis-Soċjetà Maltija tal-Qalb li ġabet flimkien għadd ta’ professjonisti, fosthom anki kirurgi rinomati internazzjonali.

Fil-ftuħ tal-konferenza, il-Prim Ministru Abela innota l-investiment f’għadd ta’ innovazzjonijiet fid-Dipartiment tal-Kardjoloġija li huwa fl-interess tal-ġid komuni permezz ta’ kura tal-ogħla livell lill-pazjenti. Innota kif bl-investiment fit-teatri tal-kardjoloġija, mat-3,400 pazjent irċievew kura ta’ kwalità. Dr Abela nnota wkoll kif is-sena l-oħra mal-120 persuna sarulhom interventi kardjologi fil-valvi tal-qalb mingħajr il-ħtieġa ta’ intervent iżjed invażiv f’organu vitali fil-ġisem tal-bniedem. Interventi oħra fl-isptar Mater Dei fissru li pazjenti Maltin ma kellhomx il-bżonn jintbagħtu barra minn pajjiżna għall-kura.

F’dan il-kuntest il-Prim Ministru Abela fisser il-professjonisti fil-qasam tas-saħħa bħala ħolqa kruċjali u importanti biex isalvaw il-ħajjiet u rringrazzjahom ta’ ħidmiethom b’dedikazzjoni liema bħalha. Qal li l-irwol importanti li jaqdu akkumpanjat mal-investiment f’tagħmir iżjed modern u li jindirizza sitwazzjonijiet kumplessi waslu biex pajjiżna naqqas bin-nofs ir-rata ta’ mwiet ta’ persuni b’mard tal-qalb. Il-Prim Ministru qal li dan ma jfissirx li għandna nieqfu hawn hekk kif il-prevalenza tal-mard tal-qalb titlob li tibqa’ tiġi indirizzata.

Kien hawn li l-Prim Ministru rrimarka favur taħriġ kontinwu tal-professjonisti, inkluż tal-infermiera u ħaddiema tas-saħħa li jaħdmu fil-qasam u li issa qed igawdu minn kundizzjonijiet u dħul aħjar wara ftehim kollettiv storiku ffirmat. “Nibqgħu ninvestu f’dak li jagħti kwalità ta’ ħajja u li jgawdu minnu n-nies u l-komunità mhux b’inqas fil-qasam tas-saħħa li huwa tant importanti għal kulħadd”, saħaq il-Prim Ministru Abela.

Il-Prim Ministru qal li flimkien ma deċiżjonijiet strateġiċi f’dan il-qasam hemm oħrajn li jittieħdu fi spirtu ħolistiku fosthom investiment favur iżjed spazji miftuħa u kampanji edukattivi kontra l-obeżità li lkoll jikkontribwixxu favur il-prevenzjoni tal-mard tal-qalb. Huwa temm jirringrazzja wkoll lill-kardjologu Dr Robert Xuereb li waqt it-tmexxija tiegħu tad-Dipartiment tal-Kardjoloġija kompla jirreġistra suċċessi favur il-pazjenti.

PR231587

Il-Prim Ministru Robert Abela saħaq li b’dak li niddeċiedu llum irridu nassiguraw li ma jgawdux biss in-nies tal-lum iżda jgawdu wliedna għada. Meta kien qed jindirizza lill-membri tal-Assoċjazzjoni Maltija tal-Iżviluppaturi (MDA) fil-Laqgħa Ġenerali Annwali tagħha, il-Prim Ministru Abela tkellem fuq bidliet importanti akkumpanjati minn deċiżjonijiet strateġiċi f’industrija li għandha rwol fit-tranżizzjoni ekonomika li għaddej minnha pajjiżna.

“Il-qalba ambjentali tista’ toffri xita ta’ opportunitajiet għall-investitur daqskemm għall-pajjiż,” aċċenna l-Prim Ministru filwaqt li saħaq fuq diversi punti kruċjali li s-settur għandu jħares lejhom. Il-Prim Ministru Robert Abela semma s-serjetà u l-kontabilità li jaħdmu id f’id. Hawn semma kif ir-riforma ta’ liċenzjar tal-kuntratturi hi bidla maħsuba għalhekk li trid tkun akkumpanjata minn serjetà u rispett fuq il-lantijiet tax-xogħol, lejn il-ħaddiema u l-ġirien.

Dr Abela semma l-qalba ambjentali. “Illum qed nitkellmu fuq bini effiċjenti fl-enerġija, jekk jista’ jkun carbon neutral. Kunu fuq quddiem nett ta’ din il-qalba u kunu kburin b’hekk,” irrimarka l-Prim Ministru li semma żewġ proġetti li ħadem fuqhom il-Gvern li jħaddnu dan il-prinċipju, Project House fil-Floriana u l-iskola Primarja tan-Nadur.

L-innovazzjoni u l-ħiliet kien punt ieħor importanti fejn saret enfasi fuq l-investiment fil-ħiliet tal-ħaddiema u fit-teknoloġija u makkinarju modern li jgħinu lkoll fil-qalba produttiva bbażata fuq il-kwalità. Fuq din tal-aħħar il-Prim Ministru qal li pajjiżna llum għandu l-lussu li flok iħares lejn in-numri, iħares lejn il-kwalità. “Hemm bżonn nivvalorizzaw aktar dawk l-elementi li jagħmluna Maltin u Għawdxin billi nieħdu ħsieb il-villaġġi tagħna. Nibqgħu naħsbu biex ta’ warajna jkunu kburin b’dak li nħallulhom illum,” sostna l-Prim Ministru fil-laqgħa li kien akkumpanjat mid-Deputat tal-Gvern Edward Zammit Lewis.

Dr Abela qal li l-Gvern irid jibqa’ jiffaċilita dawn il-bidliet billi jkompli jagħti ċ-ċertezza u l-istabbiltà. Irrimarka li s-serjetà u l-kontabilità m’għandhomx ifissru burokrazija iżda jinċentivaw u jiffaċilitaw iktar proġetti b’għanijiet marbuta mal-prijoritajiet li għandu l-pajjiż. ​

PR231592

400 student jibdew is-sena skolastika fi skola ġdida

Il-Prim Ministru Robert Abela inawgura l-iskola Primarja tar-Rabat, li qed igawdu minnha 400 student. Skola li tfisser li f’sena waħda biss l-istudenti Maltin u Għawdxin se jkunu qegħdin jingħataw l-edukazzjoni tagħhom fi tliet skejjel ġodda, b’investiment li qiegħed isir fl-infrastruttura edukattiva.

Waqt żjara li għamel fl-iskola, il-Prim Ministru nnota l-ambjent mill-isbaħ u attrezzat b’dak kollu meħtieġ li fih dawn l-istudenti qegħdin jingħataw l-edukazzjoni tagħhom. B’aspett komuni li għandhom dawn l-iskejjel ġodda, fi kliem il-Prim Ministru, huwa li mhumiex biss post ta’ tagħlim formali, imma huma spazji li jsaħħu l-ħiliet ta’ dawk it-tfal li t-talenti tagħhom jimirħu ‘l bogħod mill-kurrikulu. Fil-fatt, l-iskola fir-Rabat tinkludi, fost oħrajn, klassijiet għall-arti u l-mużika, multi-sensory room, indoor gym u r-riżorsi kollha li jħejju l-istudenti għall-avvanzi diġitali.

Bil-prinċipju li jiggwida lill-Gvern fis-settur edukattiv huwa li jkollna tfal kreattivi, li dawk li jaraw għajnejhom jagħmluh idejhom u li fihom jiżviluppaw dak li jagħmilhom uniċi u mhux jiksbu biss l-edukazzjoni bażika.

Bis-sena 2024, il-Prim Ministru spjega se tkun qed tara t-twettiq ta’ aktar proġetti ta’ dan it-tip. B’dan huwa mod kif il-Gvern qed isarraf ekonomija b’saħħitha, biex igawdu l-vantaġġi tagħha wlied pajjiżna. Fil-fatt, għal din is-sena, il-vot tal-Ministeru għall-Edukazzjoni, l-Isport, iż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni jlaħħaq it-€847 miljun. B’din l-iskola li tinkludi 33 klassi, saret b’investiment li jiżboq it-€3.5 miljun.

Il-Prim Ministru Robert Abela rrefera għall-edukazzjoni bħala l-pedament li fuqu wlied pajjiżna jibnu l-ħolm u l-aspirazzjonijiet tagħhom biex jaħsdu l-opportunitajiet li toffri Malta. Irridu nibqgħu nipprovdu l-aqwa edukazzjoni possibbli biex kulħadd jasal. Huwa ħeġġeġ lill-istudenti biex f’dinja li dejjem qed tinbidel, jisfidaw l-istatus quo u jħaddnu teknoloġiji ġodda biex jitilqu jiġru u jmexxu l-futur ta’ Malta.

F’ringrazzjament lill-edukaturi, lill-Kunsill Lokali u lill-komunità inġenerali, il-Prim Ministru temm li din l-iskola tirrifletti pajjiż modern b’ekonomija b’saħħitha, pajjiż ta’ opportunitajiet biex nieħdu lil pajjiżna fil-livell li jmiss.

Il-Prim Ministru kellu wkoll diskussjoni mal-istudenti tas-sitt sena, fuq bosta temi fosthom fuq il-ġid fil-komunità, l-ambjent u l-aspirazzjonijiet tagħhom. Diskussjoni li matulha sostna li dan il-Gvern aktar kemm jiltaqa’ u jitkellem ma’ student aktar tikber id-determinazzjoni ta’ dan il-Gvern li jkompli jaħdem biex we get the future right.

Il-Ministru Clifton Grima saħaq li l-investiment fl-iskola tar-Rabat qed jissarraf fi skola tal-ogħla livell li qed tagħmilha possibbli biex taħdem minn binja waħda mgħammra b’dak kollu meħtieġ. Huwa tenna li bi proġetti bħal dawn qegħdin nirriġeneraw is-settur edukattiv. L-investiment fil-qasam edukattiv huwa bla preċedent. Il-Ministru Clifton Grima sostna li dan huwa proġett state-of-the-art li bih l-istudenti ta’ din l-iskola għandhom l-aqwa ambjent fejn jistgħu jieħdu l-aqwa edukazzjoni possibbli. B’dan il-Gvern jemmen li l-edukaturi u l-istudenti tagħna jixirqilhom l-aħjar ambjent minn fejn jieħdu l-edukazzjoni tagħhom.

Preżenti għall-inawgurazzjoni kien hemm is-Segretarju Permanenti Matthew Vella, il-Prinċipal tal-Kulleġġ San Nikola Josephine Mifsud u l-Kap tal-Iskola Dorita Maniscalco. ​​