Month: October 2023

PR231577

“Waqt li noffru ċ-ċertezza u l-istabbiltà permezz tal-għajnuna li qed nagħtu fl-enerġija, se nkunu ta’ spalla għal kull proġett li jħaddan is-sostenibbiltà.” Dan kien il-messaġġ li għadda l-Prim Ministru Robert Abela meta żar il-kumpanija Angelo Aquilina Refrigeration Supplies Ltd. ​​

Fiż-żjara fl-istabbiliment tal-kumpanija li tħaddem tletin ruħ u li fl-aħħar snin wettqet investiment ta’ €6 miljun, fosthom fit-taħriġ tal-ħaddiema, il-Prim Ministru Robert Abela nnota wkoll kif il-kumpanija għandha prodotti li jħarsu l-ambjent u li jintużaw f’diversi oqsma fosthom fil-manifattura, l-ospitalità, il-farmaċewtika u l-ħwienet.

“Il-bidliet ambjentali narawhom bħala qalbiet fundamentali li jolqtu kull qasam. Pajjiżna se jkun wara kull investitur li jinvesti fil-prijoritajiet li għandu pajjiżna. Dak li huwa ta’ ġid komuni se ssibu Gvern warajkom”, irrimarka l-Prim Ministru Robert Abela, li matul iż-żjara kien akkumpanjat mill-Ministru għall-Ekonomija, il-Fondi Ewropej u l-Artijiet Silvio Schembri.

Daqstant ieħor il-Prim Ministru Abela nnota t-taħriġ favur titjib fil-ħiliet tal-ħaddiema fejn saħaq li flimkien mal-miri klimatiċi tal-kumpanija, dawn huma konformi mad-direzzjoni strateġika li qed jagħti l-Gvern. Mal-amminstrazzjoni tal-kumpanija mmexxija mill-familja Aquilina, il-Prim Ministru Robert Abela saħaq dwar kif fir-rinnovabbli pajjiżna għandu fejn jagħmel u jimraħ iżjed u nnota l-kontribut tal-kumpanija f’dan ir-rigward tant li sentejn ilu rċeviet premju nazzjonali għas-sostenibbiltà.​

Il-ħaddiema tal-kumpanija ivarjaw min-nies tekniċi għal oħrajn marbuta mat-tqegħid tal-apparat mibjugħ. Il-kumpanija kompliet tikber fl-aħħar snin u qed tesplora opportunitajiet fis-swieq internazzjonali. Preżentament taqdi klijenti li jikkonsistu f’ażjendi żgħar kif ukoll kbar.

PR231560

Il-Prim Ministru Robert Abela saħaq li l-Gvern se jibqa’ jkun ta’ spalla għan-negozji u l-familji Maltin u Għawdxin billi jkompli bil-politika ta’ stabbiltà fil-prezzijiet tal-enerġija. Il-Prim Ministru qal dan waqt laqgħa mal-Assoċjazzjoni tal-Istabbilimenti tal-Catering, l-ACE, fi stabbiliment tal-ikel f’Tas-Sliema. Dan hekk kif il-Prim Ministru ssokta bil-laqgħat ta’ konsultazzjoni mal-imsieħba soċjali, ftit ġimgħat qabel jitressaq il-Budget 2024. 

Dr Abela qal li s-sostenn f’dan il-qasam ma jistax jieqaf jekk irridu niġġieldu l-inflazzjoni. Għalhekk reġa’ tenna l-impenn tal-Gvern li jibqa’ jkun ta’ sostenn għan-negozji. Irrefera għall-aħħar ċifri fis-settur turistiku u kif pajjiżna baqa’ jirreġistra żieda fl-ammont ta’ turisti li jaslu f’pajjiżna kif ukoll fin-nefqa tagħhom. Dan hekk kif pajjiżna  kien wieħed mill-pajjiżi li rkupraw bl-iktar mod b’saħħtu mill-pandemija. “Minkejja dawn ir-riżultati pożittivi, irridu naħdmu iktar biex inkomplu ntejbu l-kwalità tat-turist li jiġi f’pajjżna. Irridu naraw li nilħqu bilanċ bejn in-numri u l-kwalità biex ikollna settur turistiku sostenibbli”, qal il-Prim Ministru.

Dwar il-kwalità tas-servizz fl-industrija tat-turiżmu, Dr Abela qal li jeħtieġ nagħtu sinjal ċar ta’ fejn irridu li jitjiebu l-ħiliet f’pajjiżna. Irrefera għall-ħtieġa li anke ħaddiema barranin, fejn verament huma meħtieġa, ikollhom ħiliet aħjar.

Dr Abela tkellem dwar l-importanza tad-djalogu qabel ma jittieħdu d-deċiżjonijiet, iżda saħaq li finalment id-deċiżjonijiet jridu jittieħdu fl-interess tal-pajjiż. Saħaq li b’diskussjoni ma’ msieħba ewlenin bħalma hija l-Assoċjazzoni li tirrappreżenta l-Istabbilimenti tal-Catering, nistgħu nsaħħu s-settur b’politika li tkun effettiva, b’emfasi fuq il-kwalità u s-sostenibilità.

PR231556

Il-Prim Ministru Robert Abela fl-ewwel minn sensiela ta’ laqgħat ta’ konsultazzjoni dwar il-Budget 2024

Tliet ġimgħat qabel jiġi ppreżentat il-Budget 2024, il-Prim Ministru Robert Abela kellu l-ewwel minn sensiela ta’ laqgħat ta’ konsultazzjoni dwar il-Budget 2024. Matul laqgħa mal-Kamra tal-Kummerċ fil-Berġa ta’ Kastilja, il-Prim Ministru Abela wera l-impenn tal-Gvern li se jibqa’ jieħu d-deċiżjonijiet li hemm bżonn. Saħaq li bħalma ttieħdu d-deċiżjonijiet meħtieġa fil-konfront tal-linja nazzjonali tal-ajru, hekk ukoll se nibqgħu nieħdu deċiżjonijiet importanti oħra fl-interess ta’ Malta.

Irrefera għat-tkabbir ekonomiku ta’ pajjiżna, b’Malta tibqa’ tkun eċċezzjoni fost ekonomiji tal-pajjiżi Ewropej. Qal li dan ir-ritmu ekonomiku jrid jinżamm biex kulħadd igawdi minn dan it-tkabbir. “Nistgħu nitkellmu fuq tranżizzjoni ekonomika għax għandna ekonomija li qed tikber. Hemm ukoll irridu nieħdu numru ta’ deċiżjonijiet, li se niddiskutu llum, fil-ġimgħat u x-xhur li ġejjin”.

Insista li ma jistgħux jittieħdu deċiżjonijiet mingħajr ma jkun hemm diskussjoni. Għamel referenza għad-deċiżjoni riċenti dwar il-bidla fl-istipendji. Riforma mifruxa fuq perjodu ta’ tliet snin li se tara t-tisħiħ tal-istipendji bil-għan li aktar studenti jagħżlu suġġetti li jwassluhom għal karriera. Saħaq li kulħadd ikollu opinjoni, iżda finalment trid tittieħed deċiżjoni, u d-deċiżjoni ttieħdet.

Hawnhekk ħeġġeġ għal diskussjoni miftuħa mar-rappreżentanti tal-Kamra tal-Kummerċ. Dr Abela qal li l-punt tat-tluq jibqa’ wieħed, it-twemmin fil-potenzjal ta’ Malta u ta’ niesha. Temm jgħid li b’diskussjoni u t-teħid ta’ deċiżjonijiet f’waqqithom, igawdu l-Maltin u l-Għawdxin tal-lum u ta’ għada.

PR231554

Il-frott mill-investiment f’ċentru ta’ eċċellenza fl-MCAST hu parti mill-viżjoni tagħna għall-għaxar snin li ġejjin li tagħti importanza lill-innovazzjoni iżda anki l-edukazzjoni vokazzjonali bħala parti mill-bidliet li qed inġibu f’pajjiżna biex iż-żgħażagħ ikollhom karrieri ta’ kwalità f’Malta. Dan kien il-messaġġ importanti li għadda l-Prim Ministru Robert Abela meta żar il-Freshers’ Week fil-kampus tal-MCAST f’Raħal Ġdid fejn iltaqa’ ma’ bosta studenti, uħud li bdew l-istudji tagħhom f’din l-istituzzjoni edukattiva.

Fl-MCAST, il-Prim Ministru Robert Abela nnota li l-investiment li għaddej fuq Ċentru ta’ Riċerka u Innovazzjoni u Istitut ġdid tal-ICT se jwassal biex l-istudenti se jkollhom faċilitajiet mill-aqwa biex jitħarrġu f’ħiliet anki vokazzjonali biex joħorġu mill-MCAST u jaħtfu l-aqwa opportunitajiet li qed joffru l-industriji. “Il-bidliet b’aċċenn favur il-kwalità tal-ħajja nġibuhom b’mod tanġibbli billi ninvestu b’mod qawwi fil-ħiliet taż-żgħażagħ Maltin u Għawdxin li mbagħad frott it-taħriġ li jkunu ħadu jidħlu għal xogħlijiet li mhumiex sempliċi impjiegi iżda karrieri ta’ kwalità bi dħul tajjeb għalihom u l-familji tagħhom,” spjega l-Prim Ministru Robert Abela hu u jinnota li l-investiment fil-ħiliet huwa importanti fil-qalbiet ambjentali u diġitali li jrid jgħaddi minnhom pajjiżna.

Il-Prim Ministru Robert Abela spjega kif l-inizjattiva ta’ tisħiħ fl-istipendji f’korsijiet u f’oqsma meħtieġa għall-pajjiż hi immirata li tagħti direzzjoni importanti fil-ħtiġijiet ta’ pajjiż li jrid ikompli jikber ekonomikament iżda b’enfasi fuq il-kwalità. Il-Prim Ministru rrimarka wkoll dwar il-ħtieġa ta’ investiment fl-edukazzjoni vokazzjonali li fil-passat ingħatat il-ġenb u huwa dan il-Gvern li se jerġa’ jimbotta u jixpruna l-edukazzjoni vokazzjonali bil-ftuħ taċ-Ċentru tas-Snajja’ fl-MCAST. Din hi wegħda elettorali oħra mill-programm ta’ ħidma tal-Gvern ‘Malta Flimkien’ li se titwettaq fejn dan iċ-ċentru se jgħin fit-titjib tal-ħiliet vokazzjonali ta’ studenti li l-inklinazzjoni tagħhom hi lejn sengħa. “Il-ħaddiema tal-id huma importanti wkoll u dawk l-istudenti u ħaddiema b’aspirazzjoni lejn dan il-qasam għandhom jingħataw it-taħriġ u d-dinjità għaliex huma wkoll kontributuri f’ekonomija bbażata fuq il-kwalità,” saħaq il-Prim Ministru Abela. 

Tul il-laqgħat tiegħu maż-żgħażagħ fuq il-kampus tal-MCAST, il-Prim Ministru kien akkumpanjat mill-Ministru għall-Edukazzjoni, l-Isport, iż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni Clifton Grima, id-Deputat tal-Gvern Amanda Spiteri Grech, il-Prinċipal tal-MCAST Joachim James Calleja u l-Aġent President tal-Kunsill Studenti MCAST Rohasia Zammit.

PR231543

Malta kompliet twassal vuċi b’saħħitha fuq diversi temi partikolarment dawk li jolqtu l-Mediterran wara s-Summit tal-MED9, issa fil-Laqgħa tal-Komunità Politika Ewropea u l-Laqgħa Informali tal-Mexxejja Ewropej fi Granada fi Spanja.

Matul il-jiem tal-Ħamis u l-Ġimgħa, il-Prim Ministru Robert Abela attenda għal dawn il-laqgħat fejn fil-Laqgħa tal-Komunità Politika Ewropea, il-Prim Ministru ħa sehem f’diskussjoni relatata mal-enerġija, il-qalba ambjentali u t-tibdil fil-klima. Filwaqt li rrimarka għal dak li laqat riċentament pajjiżi fin-naħa tal-Afrika ta’ Fuq, kif ukoll it-temperaturi estremi u l-għargħar li ħakmu l-qalba tal-Mediterran dan is-sajf, il-Prim Ministru nnota dak diskuss ġimgħa ilu f’pajjiżna fis-Summit tal-MED9 u aċċena dwar azzjonijiet effettivi u ta’ adattament għat-tibdil fil-klima.

Dwar l-enerġija, il-Prim Ministru enfasizza li l-pajjiżi għandhom ikomplu jesploraw il-possibbiltà ta’ interkonnessjonijiet, speċjalment f’proġetti ta’ enerġija rinnovabbli bejn pajjiżi fin-naħa tal-Afrika ta’ Fuq u tal-UE. Tenna wkoll l-importanza ta’ investimenti f’ teknoloġiji, bħal rinovabbli mir-riħ fuq il-baħar, u aċċena fuq dak maqbul f’Malta, li l-Mediterran jiġi trasformat f’ċentru ta’ enerġija nadifa. Kompla li dan iwassal għal sigurtà tal-provvista tal-enerġija għall-kontinent Ewropew, kif ukoll jikkontribwixxi għall-isforzi ta’ dekarbonizzazzjoni. “Fil-ħidma kollettiva tagħna, jeħtieġ li nsibu bilanċ bejn il-miri ambjentali, iċ-ċirkostanzi ġeografiċi u r-realtajiet li qed naffaċċjaw, hekk kif inkomplu l-mixja lejn il-qalba ambjentali u l-adattament għat-tibdil fil-klima”, qal il-Prim Ministru Robert Abela.

Waqt il-Laqgħa Informali tal-Mexxejja tal-Istati Membri, il-Prim Ministru ħa sehem f’diskussjonijiet dwar il-prijoritajiet għas-snin li ġejjin bi tħejjija għall-aġenda strateġika li jmiss tal-Unjoni Ewropea. Il-mexxejja komplew jiddiskutu dwar il-migrazzjoni u t-tkabbir tal-Unjoni Ewropea, fost temi oħra. Waqt id-diskussjoni bi tħejjija għall-Istrateġija tal-Unjoni Ewropea, il-Prim Ministru semma uħud mil-prijoritajiet li għandhom ikunu inklużi fl-istrateġija l-ġdida, fosthom semma kif għandha tkompli l-ħidma f’dak li jirrigwardja is-Suq Uniku u l-kompetittività, fosthom fejn jidħol l-aċċess għall-mediċini u t-trasport fejn għad hemm ċirkostanzi fejn ċerti pajjiżi bħal Malta jibqgħu żvantaġġjati. Semma wkoll li waqt il-laqgħa tal-MED9 kien hemm qbil li għandu jiżdied id-djalogu mal-pajjiżi tal-Viċinat tan-Nofsinhar u tenna li hemm bosta benefiċċji li jistgħu jinkisbu minn kollaborazzjonijiet ma’ dawn il-pajjiżi.

Dwar il-migrazzjoni, il-Prim Ministru enfasizza li s-sitwazzjoni kurrenti mhijiex sostenibbli u li l-Unjoni Ewropea trid tkun aktar proattiva. Għamel referenza għad-diskussjoni dwar dan is-suġġett waqt il-laqgħa tal-MED9 fejn il-Mexxeja preżenti ddiskutew l-isfidi komuni li jiffaċċjaw minħabba l-immigrazzjoni irregolari u qablu li l-Unjoni għandha tadotta l-Patt ġdid dwar il-Migrazzjoni u l-Ażil. Il-mexxejja qablu wkoll li jkomplu fuq il-passi li ttieħdu riċentament mill-Kummissjoni Ewropea u jkomplu t-taħdidiet ma’ pajjiżi terzi, bl-istess mod li ħadmu mat-Tuneżija bħala eżempju konkret tal-mudell li għandhom jimxu fuqu.

“Kif qbilna wkoll waqt il-laqgħa tal-MED9, hemm il-bżonn li nerġgħu nibnu mill-ġdid ir-relazzjoni tagħna man-Nofsinhar tal-Mediterran. Irridu ngħinu fit-tisħiħ tal-kapaċitajiet tal-imsieħba tagħna sabiex tiżdied is-sorveljanza fil-fruntieri u jiżdiedu l-isforzi konġunti biex jiżżarmaw networks li jiffaċilitaw id-dħul irregolari tal-immigranti”, irrimarka l-Prim Ministru Robert Abela, filwaqt li saħaq fuq sistema tal-ażil li tkun ġusta u taħdem, u li tindirizza l-bżonnijiet tal-Istati Membri kollha li qegħdin taħt pressjoni.